Jista' l-Ministru jgħid fl-Isptar Monte Carmeli min hu ntitolat biex jiġi provdut bi trasport mid-dar għax-xogħol u lura d-dar? Min fil-każ qed jingħata din il-faċilita' apparti dawk fir-risposta għall-ewwel parti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ħadd ma hu intitolat pero` għal raġunijiet ovvji u bħal ma jiġri fi sptarijiet oħra, fl-Isptar Monte Karmeli ġieli tinqala` s-sitwazzjoni fejn persuni li jagħmlu parti mill-management ikun aħjar li jingħataw trasport tad-dipartiment. Ġieli kellna każi iżolati fejn karozzi privati ġew vandalizzati. Bħalissa din il-faċilta` qed tingħata lill-Head, Finance and Administration.
Hemm persuna oħra li għandha dmirijiet ta` natura klerikali li qiegħda titwassal id-dar wara x-xogħol. Din il-persuna għandha diżabilita` temporanja u qed tuża walking frame biex timxi. Fil-għodu titwassal għax-xogħol mil-familjari u wara nofsinhar titwassal lura d-dar bit-trasport ta` l-Isptar. Dan il-każ huwa għal kollox ġustifikabbli kemm mil-lat umanitarju, kif ukoll mil-lat ta` rijabilitazzjoni tal-persuna konċernata.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward il-proċedura fil-preżent: (i) sabiex pazjent ikun jista' jakkwista kopja ta' X-Ray (anke jekk bi ħlas) li jkun ħa fl-isptar; (ii) kemm iddum din il-proċedura u jekk il-Ministru jidhirlux li hi biżżejjed customer friendly; u (iii) x'inhi l-policy attwali rigward ħruġ ta' X-Ray minn stpar tal-gvern għall-klinika privata/konsulenti privati/sptarijiet privati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
(i) L-ebda film ta' l-X-ray ma jista jittieħed barra minn St. Luke's għal sptarijiet jew clinics privati.
(ii) L-ikkupjar tar-rapporti għal pazjenti jieħu 24 siegħa.
(iii) L-ikkupjar ta' l-X-Rays isir biss għal dawk il-pazjenti li jkunu sa jintbagħtu barra minn Malta, mill-gvern għal investigazzjonijiet, kura jew għal skop ta' tagħlim. Ma jsirx ikkupjar ieħor. Il-pazjenti huma offruti kopja tar-rapport ta' l-X-rays. Din hija informazzjoni li għandu bżonn it-tabib li jirreferi lill-pazjent.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il operazzjoni tal-qalb jew/u Thoracic Surgery saret minn kardjoloġista Malti, Mr Albert Manche', u t-team Malti tiegħu kemm ilu li nġieb Malta?
Kemm kienet il-medja ta' pazjenti Maltin li kienu jintbagħtu barra minn Malta għal open heart surgery kull sena, qabel ġie Mr. A. Manche' u kemm hi issa l-medja ta' pazjenti li qed jintbagħtu barra għal open heart surgery kemm ilu hawn Malta dan il-kardjoloġista?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-kirurgu Mr. Alex Manche` u t-team tiegħu bdew joffru servizz komplut ta` cardiothoracic surgery minn April 1995. Sal-25 ta` Ottubru 1999 saru 1444 operazzjoni fuq il-qalb u 318 operazzjoni oħra fuq il-pulmun u l-kaxxa tas-sider (thorax), jiġifieri medja ta` 392 operazzjoni ta` cardiothoracic surgery fis-sena. Minn April 1995 l-ebda pazjent adult Malti ma ntbagħat għal kura barra għal operazzjonijiet tal-cardiothoracic surgery.
Fl-aħħar sena qabel beda s-servizz tiegħu Mr. Manche`, kien hemm 190 pazjent li ġew operati barra l-pajjiż u 91 oħra sarilhom intervent kirurġiku f'Malta minn kirurġi barranin, li jammontaw għal 280 operazzjoni ta` cardiothoracic surgery fis-sena ta` qabel inbeda s-servizz komplut lokalment.
F'kull każ ta' anzjani li ġew trasferiti mill-Isptar San Luqa għall-Isptar Zammit Clapp dawn l-aħħar disa' xhur, jista' l-Ministru jindika meta saret iż-żjara mill-ispeċjalista ġejatriku fl-Isptar San Luqa meta ġiet trasferita Zammit Clapp u f'kull każ kemm dam jew damet l-anzjana fl-Isptar Zammit Clapp?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-dati ta' meta ġew trasferiti pazjenti l-Isptar Zammit Clapp u kemm damu fil-perjodu bejn 1 ta' Settembru 1998 u l-31 ta' Awissu 1999 huma kif jidhru fuq il-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tapprezza li biex tinġabar l-informazzjoni dwar 400 każ mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija tirrikjedi ħafna xogħol. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk irid xi nformazzjoni speċifika jgħidli biha u jiena nagħtihielu.
Jista' l-Ministru jgħid, kull xahar ta' din is-sena, sa l-aħħar ta' Settembru 1999 kemm daħlu nies fid-Dipartiment ta' l-Emerġenza?
Kemm-il darba issejħet l-ambulanza stand by fuq każi urġenti sa l-aħħar ta' Settembru 1999 (tul din is-sena)?
Kemm-il x-ray ittieħed fid-Dipartiment ta' l-Emerġenza ta' l-Isptar San Luqa sa l-aħħar ta' Settembru 1999?
Il-Ministru jaħseb li għadu qed isir abbuż mid-Dipartiment ta' l-Emerġenza, fis-sens li hemm sezzjoni ta' nies li għadha tuża dan id-dipartiment qisu kien xi ċentru tas-saħħa jew out-patient department?
Fid-dawl ta' dan, jikkonsidra d-Dipartiment tas-Saħħa li jerġa' jibda messaġġi u filmati promozzjonali fuq il-mezzi kollha tax-Xandir u l-Media biex il-pubbliku jiġi mgħallem u avzat aħjar meta għandu jew m'għandux juża d-Dipartiment ta' l-Emerġenza?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar. Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.
Barranin li huma mpjegati hawn Malta u għalhekk iħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali u taxxa fuq id-dħul, huma ntitolati li jużaw is-servizzi tas-saħħa b'xejn?
Jekk b'mod generali fin-negattiv, hemm xi nazzjonalitajiet li għandhom xi ftehim partikolari u f'dak il-każ liema huma dawn il-pajjiżi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-barranin li huma mpjegati legalment haw Malta u li allura qegħdin iħallsu hemm il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali u anke' t-taxxa fuq id-dħul, huma ntitolati għas-servizzi tas-Saħħa b'xejn.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fil-poliklinika tal-Gżira spiss qed ikun hemm nuqqas ta' mediċini konnessi mal-problema ta' Cholestorol?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minħabba li d-Dipartiment tas-Saħħa jixtri bosta mediċini konnessi mal-problema ta` 'Cholesterol', ikun ta` għajnuna għad-Dipartiment jekk l-Onorevoli Interpellant issemmi l-mediċini speċifiċi li qiegħed jirreferi għalihom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-pazjenti barranin li użaw sptarijiet Maltin għall-kura matul din is-sena? Kemm minn dawn ma kienux koperti minn ftehim ta' saħħa u b'hekk kellhom iħallsu għall-kura? Fil-każ ta' (2) ta' liema nazzjonalita' kienu? Kemm kien it-total ta' ħlas?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema labourers li jaħdmu mad-Dipartiment tas-Saħħa li kienu jaħdmu mal-Bank of Valletta u li fl-1998 ġew maqlubin ma' l-awżiljarji, u li l-grad tagħhom minn dak inhar sal-lum kien u baqa' B (General Hand), jekk wara dan iż-żmien kollu humiex intitolati li jogħlew fil-grad tagħhom?
Jekk ir-risposta hija fin-negattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex jikkonsidra li dawn jingħataw promozzjonijiet sew bħala rikonoxximent wara dan iż-żmien kollu ta' servizz, u sew biex dawn sa fl-aħħar itejbu l-pożizzjoni tagħhom u tal-familja tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li jagħmel il-proposta lill-Ministru kkonċernat.
Peress li qed nirċievi rapporti li fl-Imġarr u l-madwar qed jiżdiedu l-ġrieden fl-inħawi, jista' d-dipartiment jara li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex din il-problema tiġi rimedjata u jispiċċa l-inkonvenjent għar-residenti?
Jista' d-dipartiment jagħti breakdown tal-ħidma li rodent section wettqet fl-Imġarr sabiex tikkontrolla dawn il-ġrieden fl-aħħar snin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn statistika miġbura regolarment mis-sezzjoni tal-'Pest Control' ma jirriżultax li fl-Imġarr hemm xi żieda mhux normali ta' ġrieden. Fil-fatt għal perjodu bejn Jannar u Settembru ġew irreġistrati 6 ilmenti biss minn dan ir-raħal.
B'danakollu bħal ma' jsir f'irħula oħra, darba fis-sena, din is-sezzjoni tagħmel xogħol regolari ta' tqegħid ta' velenu madwar ir-raħal kollu kif ukoll fis-sistema tad-drenaġġ.
Rendikont tax-xogħol li sar fl-Imġarr fl-aħħar snin hu kif indikat:
1996 - sar matul Marzu u April
1997 - sar f'Mejju
1998 - sar matul April u Mejju
1999 - sar f'Ottubru
Jista' l-Ministru jgħid kif il-ġonna ta' Mount Carmel spiċċaw invaduti bil-ġrieden?
Jista' dipartiment bla aktar telf ta' żmien jieħu l-passi sabiex jiġu kkontrollati dawn il-ġrieden?
Min kien responsabbli matul dawn l-aħħar sitt xhur u x'preparamenti saru anqas mir-rutina tas-soltu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Management ta` l-Isptar Monte Carmeli ma għandu l-ebda rapport li hawn xi invazzjoni ta` ġrieden ġewwa l-isptar.
Is-sezzjoni tar-Rodent Control jiġu fl-isptar regolarment u jagħmlu l-valenu.
Il-kontroll tal-ġrieden jaqa` taħt ir-responsabilita` ta` l-amministrazzjoni ta` l-isptar u f'dawn l-aħħar sitt xhur ma sar xejn anqas mir-rutina tas-soltu.
Jista' l-Ministru jgħid ma' liema pajjiżi Malta għandha trattat għal kura reċiproka? Matul din is-sena, kemm-il persuna ntbagħtet barra minn Malta għall-kura? F'liema pajjiżi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
1. Il-pajjiżi li magħhom hawn trattat għal kura reċiproka huma
l-Ingilterra u l-Awstralja.
2. Din is-sena (sal 21-10-99) ntbagħtu 226 pazjent, kollha l-Ingilterra.
Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġuni, fi trasport ta' raġel mejjet mill-Isptar t'Għawdex għaċ-ċimiterju ta' Santa Marija tar-Rabat, nhar il-ġimgħa, 25 ta' Ġunju 1999, il-kadavru ma kienx akkumpanjat uffiċjalment minn saċerdot?
Jaf il-Ministru li din mhix l-ewwel darba li ġara hekk? Jista' l-Ministru jiżgura l-Kamra li ma jseħħux aktar inċidenti bħal dawn li la jagħmlu ġieħ lill-Gvern la lill-Knisja u lanqas lil pajjiż nisrani?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil-Ministru jew lill-Awtoritajiet ikkonċernati.
Peress li qed nirċievi rapporti li fl-inħawi tal-Baħrija, Tas-Salib, Kunċizzjoni, Landrijiet, Mtaħleb u l-madwar li qed jiżdiedu l-ġrieden, jista' d-dipartiment jara li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex il-problema tiġi rimedjata u jispiċċa l-inkonvenjent għar-residenti?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istrateġija mplimentata mis-sezzjoni tal-'Pest Control' tippermetti li taħt kundizzjonijiet normali kull raħal u belt jiġi ttrattat bil-velenu tal-ġrieden ta' l-anqas darba f'sena. Ta' min jinnota li statistika għal perjodu Jannar sa Settembru turi li 14-il rapport biss ġew irreġistrati mir-Rabat li tinkludi l-lokalijiet indikati.
Bħal ma kien programmat, ix-xogħol ta' tqegħid ta' velenu fil-postijiet indikati beda fl-aħħar ta' Settembru. Fis-snin li għaddew sar xogħol simili kif indikat hawn taħt:
1996 - sar matul Jannar u Frar
1997 - sar f'Ottubru
1998 - sar f'Novembru
1999 - sar f'Settembru
Tista' s-CDAU tassessja lit-tifel ta' seba' snin li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament li mhumiex iżommuh l-iskola minħabba l-imġieba tiegħu u għandu bżonn l-għajnuna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuna msemmija ġiet assessjata mit-team tas-CDAU. L-assessment team tas-CDAU m`għandux x`jaqsam u ma jindaħalx f`deċiżjonijiet li tagħmel l-iskola.
Jaħseb il-Ministru li għandhom jiġu estiżi ħafna aktar il-ħinijiet tad-dħul fl-Intensive Therapy Unit biex b'hekk familjarji tal-qraba rikoverati f'dan il-post ikunu jistgħu igawdu aktar lill-qraba tagħhom li jkunu f'qagħda kritika, uħud minnhom possibbilment fl-aħħar ħinijiet ta' ħajjithom?
Jaħseb il-Ministru li għandu jikkonsidra dan is-suġġeriment li llum ġie addottat minn diversi taqsimiet ta' kura intensiva f'diversi pajjiżi Ewropej u anki Amerikani?
Jaħseb li pass bħal dan jgħin biex inaqqas l-istress fost il-familjarji li jkunu jistennew barra u l-ħin mhux permessibbli għad-dħul għandu jkun fil-ħin taċ-change over tax-shifts tan-nurses?
Jaħseb il-Ministru li dan is-suġġeriment jaqbel sew mal-kunċett modern addottat f'diversi pajjiżi li pazjent anki jekk fl-ITU, xorta jibqa' parti minn familja u ma jsirx biss numru ta'sodda jew proprjeta' ta' l-isptar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-konsiderazzjonijiet li qed jagħmel l-Onor Interpellant huma validi. Wieħed irid janaliżża l-impatt ta` it-tip għaliex ma jridx jinħoloq xkiel bla ħtieġa lil staff mediku ta` jaqdu d-dmirijiet tagħhom.
Hemm ukoll l-impatt psikologiku fuq il-qraba li jista jkun anki negattiv f`cirkostanzi bħal dawn.
Ser nagħti struzzjonijiet lid-Divizjoni tas-Saħħa biex tagħtini l-opinjoni dettaljata tagħha dwar dan is-suġġett.