Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14133 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Verdala — Stallazzjoni ta' dishes tat-TV

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jingħataw permessi li jitwaħħlu dishes għar-reception ta' l-istallazzjonijiet tat-TV, fuq il-bjut ta' Verdala HE? Peress li skond il-CRR mhux permess li dawn jitwaħħlu fuq swar antiki, jistax jiġi ċċarat li Verdala HE mhuwiex swar?

Response (BORG, TONIO)

Skond Avviż Legali 137 ta` l-1997, ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ta` 12 ta` Settembru 1997, l-installazzjoni ta` dish għas-satellita hu meqjus bħala żvilupp permess bill-GDO. Madanakollu, skond il-kundizzjonjiet u l-limitazzjonijiet ta` klassi 1(iv) ta` l-istess Avviż Legali, ma jkunx permess jekk ikun ser jitwaħħal fuq proprjeta`/bini skedat bħal ma huma s-swar kollha f`pajjiżna. Barra minn dan, kull dish m`għandux iħalli xi mpatt viżwali kif jirregola l-artikolu 3 ta` l-Avviż Legali. Huwa minnu li Verdala Housing Estate ma jifformax parti mis-swar, iżda hu fatt li dan l-Estate mibni biswit l-istess swar u għalhekk kull żvilupp jista` jkollu effetti negattivi fuq l-inħawi. Dwar jekk jistgħux jingħataw il-permessi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant, ninsab infurmat li dan jiġi kkunsidrat wara li ssir applikazzjoni formali f`dan ir-rigward.
Leg 9 PQ #14134 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Sant'Anġlu — Restawr

Question

Peress li Sant'Anġlu għadda f'idejn il-Kavallieri, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' restawr sar u x'se jsir fil-futur qarib?

Response (BORG, TONIO)

Il-post sal-lum għadu ma għaddiex uffiċjalment f`idejn l-Ordni ta` San Ġwann.
Leg 9 PQ #14147 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Programm ta' SATU

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinfetaħ sezzjoni għan-nisa fil-programm SATU?

Response (BORG, TONIO)

Għalkemm fil-preżent ma hemm l-ebda ħsieb li tinfetaħ sezzjoni għan-nisa fil-programm SATU, dan mhux eskluż li jiġi kkunsidrat fil-futur. Minħabba n-numru żgħir ħafna ta` priġunieri nisa, dawn jistgħu jsegwu programmi oħra ta` rijabilitazzjoni.
Leg 9 PQ #14150 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Gvern Awstraljan — Taħdidiet bilaterali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern kellux xi taħdidiet bilaterali mal-Gvern Awstraljan dwar iċ-ċittadinanza ta' Maltin li minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom, kellhom jaqilbu ċ-ċittadinanza Maltija għal dik Awstraljana meta emigraw, u llum jixtiequ li jerġgħu jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija,iżda jekk se jagħmlu dan minħabba r-regolamenti Awstraljani se jitilfu dik Awstraljana? Jekk ma sarux taħdidiet, hemm il-ħsieb li jsiru?

Response (BORG, TONIO)

Il-liġijiet ta` l-Awstralja jagħmilhom il-Gvern Awstraljan. Bħalma ħadd ma indaħlilna jekk indaħħlux id-doppja ċittadinanza, lanqas ma hu prudenti li l-Gvern Malti jagħmel pressjoni fuq ħaddieħor biex ibiddel ir-regoli tiegħu. Fl-Awstralja il-liġi tipprovdi li kull persuna (mhux Maltin-Awstraljani biss) li tapplika għal ċittadinanza barranija titlef iċ-ċittadinanza Awstraljana. Kien għalhekk li l-liġi l-ġdida Maltija tat iċ-ċittadinanza Maltija awtomatikament lil kull ċittadin barrani - inklużi l-Maltin Awstraljani - li kienu Maltin, tilfu ċ-ċittadinanza Maltija, u qattgħu 6 snin barra minn Malta.
Leg 9 PQ #14169 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Number plates

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi jew vetturi oħra bil-mutur f'pajjiżna li fil-pjanċa tan-numri (number plate) għandhom bħala l-ewwel tliet ittri, is-segwenza ta' ittri li tinqara "SEX"? Jikkonferma l-Ministru li kien hemm ftehim taċitu, meta nbidlu l-pjanċi tan-numri li ċerti kumbinazzjonijiet ta' ittri m'għandhomx jintużaw, jekk jirriżulta li meta jinqraw iwasslu ċerti messaġġi? Min kien responsabbli li ħareġ, jew awtorizza l-ħruġ ta' tali pjanċi, jekk fil-fatt jeżistu fit-toroq tagħna?

Response (BORG, TONIO)

Nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #14183 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Intern — Viżti minn tobba

Question

Wara li ġiet riveduta l-iskema ta' viżti mit-tobba għall-impjegati fis-servizz pubbliku li jkunu ma jifilħux, jista' l-Ministru jinformana kemm u min huma t-tobba li ġew ingaġġati għal dan l-inkarigu fid-dekasteru li jaqa' taħtu? Jista' jgħid kemm qed jitħallsu t-tobba konċernati għall kull żjara? Jekk hemm xi forma ta' kuntratt bejn il-ministeru u t-tobba, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid kemm-il viżta/żjara għamlu għand il-ħaddiema sa l-aħħar ta' Jannar, 2000?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn meta ġiet introdotta l-iskema ta` viżti mit-tobba għall-impjegati fis-Servizz Pubbliku ma kien hemm l-ebda tabib li ġie ingaġġat għa dan l-inkarigu. Ninsab infurmat ukoll li fil-każ ta` dipartimenti kbar bħalma huma l-Pulizija, Ħabs Ċivili u l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, dawn kienu u għadhom jagħmlu użu mis-servizz tat-tabib/tobba li kien/u jagħti/u dan is-servizz qabel ma ġiet introdotta din l-iskema.
Leg 9 PQ #14271 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Mtaħleb — SATU

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nies miżmuma bħalissa fis-SATU fl-Imtaħleb? Kif jintgħażlu n-nies biex imorru f'dan iċ-ċentru? Barranin jikkwalifikaw ukoll biex jattendu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent in-numru ta` residenti ġewwa l-unit tas-SATU hu ta` 9. Ninsab infurmat ukoll li, bħala regola ġenerali, jikkwalifikaw li jagħmlu programm ta` riabilitazzjoni dawk il-priġunieri sentenzjati li għandhom problema tad-droga u/jew alkoħol li jkun għad fadlilhom iżjed minn 6 xhur u mhux aktar minn sentejn x`jiskontaw mis-sentenza. Dawk li volontarjament ikunu jridu jagħmlu dan il-programm ta` riabilitazzjoni jridu jagħmlu talba formali għal dan il-għan lid-Direttur tas-Servizzi Korrettivi. It-talba titressaq quddiem il-Bord li jirrikkomanda jekk it-talba għandiex tintlaqa u liema programm għandu jiġi segwit. Il-priġunieri li ma jikkwalifikawx għal dawn il-programmi huma dawk : - - li jkunu miżmuma taħt l-Att dwar l-Immigrazzjoni; - li jkunu suġġetti għal provedimenti ta` estradizzjoni; - ta` nazzjonalita` barranija li jkunu ser jiġu deportati malli jiskontaw is-sentenza tagħhom; - li jkunu meqjusa li jkunu morda mentalment jew li jkunu qed ibatu minn diżordni mentali; - li jkunu f`diviżjonijiet ta` sigurta` massima; - li jkollhom sentenza għal għomorhom; - li jirrifjutaw li jagħmlu t-test għad-droga jew li jirriżulta li jkunu pożittivi għaliha fl-aħħar sitt xhur; - li s-sentenza kurrenti tagħhom jew każ pendenti tagħhom quddiem il-Qorti huma relatati ma` offiża gravi.
Leg 9 PQ #14295 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid, għas-snin 1998 u 1999, kemm ingħataw ċitazzjonijiet għall-clamping, towing, breathalyser test u over speeding?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif ġej : Ċitazzjonijiet għall- 1998 1999 --------------------- ---- ---- Ikklampjar 318 309 Irmonkar 3,724 4,397 * Testijiet tan-nifs (pożittivi) 101 122 Sewqan eċċessiv 470 373 * B`effett mill-25 ta` Mejju, 1998, id-data minn meta l-Avviż Legali Nru. 128/98 daħal fis-seħħ.
Leg 9 PQ #14297 Sitting 251 2000-02-29 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Fabbriki tan-nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena wara sena għal dawn l-aħħar ħames snin, kemm kien hemm fabbriki tan-nar li kellhom liċenzja? Jista' jgħid kemm mietu persuni waqt li kienu qed jaħdmu n-nar, kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej : Numru ta` 1995 1996 1997 1998 1999 --------- ---- ---- ---- ---- ---- Kmamar tan-nar liċenzjati 38 38 39 39 39 Mwiet waqt ħdim tan-nar 1 xejn 4 xejn xejn
Leg 9 PQ #12585 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tar-Reġistru ta' l-Artijiet — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tar-Reġistru ta' l-Artijiet mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg,jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat fil-Mistoqsija ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda fir-Reġistru ta` l-Artijiet.
Leg 9 PQ #14098 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Business land deals

Question

Peress li fis-Sunday Times tas-17 ta' Mejju, 1998 kienu ħarġu offerti mill-Gvern ta' Malta għal business land deals, taħt il-firma tad-direttur ġenerali tal-Lands Department, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm ibbenefikaw minn din l-offerta; min huma dawk li bbenefikaw u meta saru l-kuntratti mal-Lands Department?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mis-17 ta` Mejju 1998 sa llum ma nbiegħet l-ebda art taħt il-policy li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant. Li hemm hija policy, li issa ilha s-snin, li biha intrapriżi ekonomiċi jistgħu jespandu fuq art adjaċenti tal-Gvern. Fl-1998 ir-rati tal-ħlas kull tonna kienu żdiedu u nbidlu xi kundizzjonijiet.
Leg 9 PQ #14137 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Deċizjoni

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tinforza d-deċiżjoni kif murija f'dokumenti li qiegħed nibgħat separatament ma' din il-mistoqsija, peress li din id-deċiżjoni mhijiex tiġi nforzata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn stħarriġ li sar mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar irriżulta li l-attivita` minn St. Andrews Garage fi Triq l-Uqija, Swieqi, (fil-parti t`isfel tat-triq), li saret referenza għaliha fid-dokumenti li ntbagħtu separatment mall-Mistoqsija, hija koperta minn liċenzji tal-Pulizija u għalhekk l-attivita` minn dan is-sit mhix illegali. Iżda minn garaxx aktar `l fuq fl-istess triq, u ċioe` minn garaxx nru. 39 (li wkoll iġib l-isem ta` St. Andrews), li ġie mniffed illegalment minn naħa ta` ġewwa mill-istess sid mill-garaxx kopert bil-liċenzji tal-Pulizija, kull attivita` simili tkun illegali. L-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet Stop and Enforcement Notice skond l-Att I ta` l-1992 dwar l-użu u x-xogħol illegali u saru diversi spezzjonijiet matul il-ħinijiet normali tax-xogħol, iżda ma jirriżultax li mill-garaxx nru. 39, u ċioe` dak li mhux kopert skond il-liġi, qiegħed isir xi xogħol ta` bdil fl-użu.
Leg 9 PQ #14145 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Female section - Riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk in-nisa tal-female section tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li talbu biex jidħlu fi programm ta' riabilitazzjoni mid-droga għand il-Caritas u għand is-Sedqa, ġew aċċettati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-priġunieri nisa li preżentament qegħdin fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin, ħadd minnhom ma talab biex jattendi għal xi programm ta` riabilitazzjoni mid-droga. Ninsab infurmat ukoll li kemm ilu fis-seħħ ir-Regolament li priġunieri jistgħu jingħataw prison leave biex isegwu programm ta` riabilitazzjoni mid-droga kien hemm 5 priġunieri nisa li ntbagħtu fl-istituzzjonijiet indikati fil-Mistoqsija.
Leg 9 PQ #14259 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Mobile Unit

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid x'tip ta' protezzjoni għandhom il-membri tal-mobile unit li fin-natura tax-xogħol ta' spiss isibu ruħhom wiċċ imb'wiċċ ma' kriminali armati? Għandhom, fost l-oħrajn, bullet proof vests, peress li mhux l-ewwel darba li ġew sparati tiri fil-konfront tal-membri tal-mobile?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent il-membri tal-Mobile Squad għandhom permess iġorru arma tan-nar għall-protezzjoni tagħhom u ta` terzi. Kull vettura li jużaw hija wkoll mgħammra b`apparat ta` kommunikazzjoni li jintuża, fost oħrajn, sabiex tintalab assistenza meta meħtieġ. Hemm il-ħsieb li `l quddiem din l-iskwadra jkollha għad-dispożizzjoni tagħha numru ta` bullet proof vests.
Leg 9 PQ #14266 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern

B'Kara — Pjazza St. Elena - Serq ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien irrapportat serq mill-karozzi fi Pjazza Sant'Elena, Birkirkara f'dawn l-aħħar xahrejn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-perijodu bejn l-1 ta` Diċembru 1999 u t-23 ta` Frar 2000 ma ġewx irrapurtati lill-Pulizija serq minn karozzi ipparkjati f`Misraħ Sant`Elena, Birkirkara.
Leg 9 PQ #14277 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Droga

Question

Jista' l-Minsitru jgħid kemm saru testijiet fuq l-urina għat-traċċċi ta droga, xahar b'xahar matul l-aħħar 12-il xahar fuq persuni detenuti fis-sistema Korrettiva ta' Kordin? Jista' jgħid kemm minn dawn it-testijiet irriżultaw pożittivi? Kemm kien hemm każi ta' pussess ta' droga fost id-detenuti tal-ħabs matul dan l-aħħar 12-il xahar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant fl-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li nġibditli l-attenzjoni dwar it-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12884 dwar l-istess suġġett. It-tagħrif li ngħata kien ikopri l-perijodu minn Settembru 1998 u Diċembru 1999 u mhux minn Jannar sa Diċembru 1999 kif muri fit-tweġiba msemmija. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat li fl-istess perijodu kien hemm 7 każi meta nstab xi trab suspettuż ġewwa l-Ħabs. F`każ minnhom irriżulta li t-trab kienet eroina, filwaqt li fis-6 każi l-oħra l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.
Leg 9 PQ #14293 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Twelid ta' trabi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm minnhom twieldu minn ġenituri miżżewwġin, minn ġenituri separati u minn single mothers?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta` trabi li twieldu f`Malta u f`Għawdex f`dawn l-aħħar għaxar snin hu kif ġej : - SENA NUMRU ---- ----- 1990 6,187 1991 6,469 1992 6,317 1993 6,114 1994 6,022 1995 5,727 1996 5,727 1997 5,387 1998 5,147 1999 4,746 Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilita` ta` dan id-dekasteru ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #14307 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għassa ta' B'Kara

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx rapport minn persuna fl-għassa tal-pulizija ta' B'Kara li għandu x'jaqsam mal-każijiet ta' omiċidji ta' Raymond Caruana u ta' Wilfred Cardona? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti dan ir-rapport?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, kif għidt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3970, dan il-każ huwa sub judice. Dwar it-tieni każ, ninsab infurmat li dan huwa suġġett ta` inkjesta Maġisterjali u li l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin. Għaldaqstant ma nħossx li f`dan l-istadju għandhom jiġu ppublikati dettalji dwar dan il-każ.
Leg 9 PQ #14326 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Delitti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru delitti bejn l-1 ta' Jannar,1970 u llum? Jista' jgħid min kienu l-vittmi, kemm kellhom eta' meta naqtlu u fejn kienu joqogħdu? Jista' jagħti d-dati ta' kull delitt, fejn sar u b'liema mod sar? Jista' l-Ministru, fil-lista tiegħu, jgħid jekk il-każ kienx solvut mill-pulizija? Jista' jgħid xi jfissru l-pulizija meta jgħidu "każ solvut"? Fil-każ li kemm-il darba min jitressaq il-qorti jinsab mhux ħati, dan xorta jkun ikklassifikat bħala "każ solvut"?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-istatistika miżmuma mill-Pulizija dwar it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li l-Pulizija jinnotaw każ bħala 'solved' meta tiġi magħrufa l-identita` tal-persuna jew persuni li jkunu kkommettew ir-reat. B`dankollu l-Pulizija jkomplu jsegwu l-każ u jinvestigaw jekk ikun hemm żviluppi li jindikaw din il-ħtieġa.
Leg 9 PQ #14327 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Żweġijiet Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' żweġijiet Għawdxin tul l-aħħar sentejn, xahar b'xahar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.