Jista' il-Ministru jikkonferma li għall-kors tal-Masters of Psychology ta' l-Universita' ta' Malta ġew ammessi applikanti li għandhom l-honours biss fil-Bachelor of Psychology filwaqt li tħallew barra applikant jew applikanti li għandhom il-first class honours? Jekk dan huwa minnu, jista' jgħid kif min ikollu honours għal dan il-kors jiġi ppreferut a skapitu ta' min huwa aktar ikkwalifikat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għażla ta' l-applikanti għall-kors ta' l-M.Psych saret mill-Bord ta' l-Għażla tal-Fakulta ta' l-Edukazzjoni ta' l-Universita' ta' Malta fuq il-kriterji stabbiliti mir-regolamenti ta' l-Universita', jiġifieri: kwalifiki, esperjenza, xeħta (aptitude) u riferenzi.
Informat li għaldaqstant, filwaqt li persuna li għandha grad first class honours tkun mogħtija aktar marki minn min ikollu second class, l-istess persuna tista' jkollha anqas marki fuq il-kriterji l-oħra. L-applikanti tpoġġew fl-ordni skond il-marki totali li ġabu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni barranin jirreġistraw għax-xogħol illum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, sa l-aħħar ta’ Jannar 2005 kien hemm 14-il persuna ta’ nazzjonalita’ barranija tirreġistra għax-xogħol, 12 fuq l-ewwel parti tar-registru u 2 fuq it-tieni parti tar-registru.
Informat ukoll li din il-figura teskludi lil dawk il-barranin li huma miżżewġin Maltin, dawk li għandhom żewġ ċittadinanzi u lir-refuġjati li għandhom stat ta’ refuġjat jew stat umanitajru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni barranin jaħdmu llum u ta' liema nazzjonalita' huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa l-aħħar ta' Ottubru 2004 kien hemm 2,544 persuna li kellhom permess tax-xogħol f'Malta u Għawdex.
Din il-figura teskludi lil dawk il-barranin li huma miżżewġin Maltin, dawk li għandhom żewġ ċittadinanzi u lir-refuġjati li għandhom stat ta' refuġjat jew stat umanitarju.
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tan-nazzjonalitajiet tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid b'mod ġenerali x'inhuma d-diffikultajiet sabiex l-iskejjel primarji u sekondarji ta' l-Istat ikunu verament ċentri tal-komunita' kif hemm stabiliti fl-aħħar mill-aħħar fl-istess kurrikulu nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li diġa' għandna diversi skejjel li jintużaw bħala ċentri tal-komunita' fejn qed jiġu organizzati attivitajiet edukattivi kemm mill-iskejjel stess, mid-Diviżjoni, mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi kif ukoll minn entitajiet non-governattivi. Dawn l-attivitajiet huma mmirati lejn studenti, ġenituri u adulti in ġenerali u jkopru firxa wiesa' ta' suġġetti.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada sal-lum għadha m'għamlitx xogħol mitlub fl-iskejjel primarji A u B taż-Żejtun, speċjalment fejn jidħlu alterazzjoniijet fil-bibien minfejn isir id-dħul, kif ukoll titjib ġenerali ieħor bħal tibjid u toilets ġodda?
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-istatut ta' l-assoċjazzjoni tal-kunsilli skolastiċi?
Response (GALEA, LOUIS)
Waqt li l-Kunsilli ta' l-Iskejjel jaqgħu taħt il-liġi ta' l-Edukazzjoni u huma aġġornati permezz ta' l-Avviż Legali 135 ta' l-1993, l-Assoċjazzjoni Kunsilli ta' l-Iskejjel hi assoċjazzjoni volontarja u mhiex parti minn struttura governattiva.
It-tfal tal-klassi 5A ta' l-iskola primarja ta' Birżebbuġa meta se jingħataw għalliem regolari u mhux supply teacher kif għandhom bħalissa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li Supply Teacher intbagħtet fit-28 ta' Frar 2005 biex tieħu ħsieb post għalliem li se joħroġ bil-pre-retirement leave fl-14 ta' Marzu 2005.
Informat ukoll li din is-Supply Teacher intbagħtet qabel biex l-bidla ta' l-għalliem ma tkunx f'daqqa. Billi l-lista ta' l-għalliema regolari ġiet eżawrita mhux possibli li jintbagħat għalliem/a regolari.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm bħalissa applikazzjonijiet għall-ftuħ ta' skejjel biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Jista' jgħid minn min saret kull applikazzjoni? F'liema lokalita' u meta saret kull applikazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm applikazzjoni waħda tal-5 ta' Ottubru 2004 għall-ftuħ ta' skola f'B'kara fejn jgħallmu l-Ingliż lill-barranin.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru żjarat minn uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin fl-2004 u s'issa din is-sena? Instabu xi għalliema li ma kellhomx il-kwalifiki meħtieġa biex jgħallmu s-suġġett? Instabu xi nuqqasijiet oħra? Liema kienu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul l-2004 saru sebgħa u ħamsin (57) żjara minn uffiċjali tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjieg fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż. S'issa din is-sena saru erba' żjarat. Fil-perjodu bejn Lulju 2004 u Awissu 2004 xi għalliema ma kellhomx il-permess aġġornat u għalhekk kemm huma kif ukoll l-iskejjel konċernati ġew ordnati sabiex jirregolarizzaw il-posizzjoni tagħhom. Sar rapport fuq kull skola u fl-ebda wieħed minn dawn ir-rapporti ma jidher l-ebda nuqqas serju.
Jista' il-Ministru jgħid x'ġie miftiehem mal-ministeru ta' l-edukazzjoni tal-Kuwait fi żjara li dan ta' l-aħħar għamel ġewwa pajjiżna? Jista' jgħid kif dan issa se jissarraf f'benefiċċju għall-istudenti Maltin?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Gvern tal-Kuwait u l-Gvern Malti ffirmaw programm eżekuttiv fl-oqsma tal-kultura, edukazzjoni w xjenza għal dawn it-tlett snin li ġejjin (2005-2007). Iż-żewġ Ministeri qed jikkonsidraw it-twaqqif ta' Joint Technical Working Group biex ikomplu jiġu konsidrati diversi proposti konkreti li ġew diskussi miż-żewġ naħat.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10999, jista' il-Ministru jgħid x'passi neċessarji ħa dwar dak li kitbu l-ġenituri fl-ittra li kont bgħatt separatament rigward l-iskola primarja B, Sir Anthony Mamo, Birkirkara?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ttieħdu l-passi neċessarji dwar dak li kitbu l-ġenituri. Dawn kienu jinvolvu xogħolijiet mit-Technical Services Branch tad-Diviżjoni.
Jista' il-Ministru jgħid meta t-tifel - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - se jiġi assessjat u jingħata l-għajnuna meħtieġa peress li ilu jistenna erba' snin biex jiġi assessjat u megħjun u kull ġurnata li tgħaddi żżidlu l-problemi u b'hekk forsi ma jibqax jaqa' lura fl-edukazzjoni tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Istatementing Moderating Panel ma għandu l-ebda applikazzjoni reġistrata għan-nom ta' dan it-tifel. Meta tintbgħat referral flimkien ma' dokumenti mediċi, il-board jibda il-proċess minnufih.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom ma sarux ix-xogħlijiet imwiegħda fl-iskola primarja B ta' Birżebbuġa u l-istaff u t-tfal għaddew xitwa oħra mirżuħin bil-bard għax l-aperturi baqgħu ma ngħalqux bl-aluminju? Għaliex ix-xogħol ma bediex fi tmiem is-sena skolastika li għaddiet kif imwiegħed? Għaliex ma ġewx irranġati t-toilets kif imwiegħed? Għaliex ma ġiex modifikat il-bieb ta' barra kif imwiegħed? U għaliex ma sarx il-lift għat-tfal diżabbli?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li ma nafx għal liema wegħdiet qiegħed jirreferi l-interpellant, informat li l-aperturi ta' l-aluminju, bħalma saru fl-iskola "A" ser isiru fl-iskola "B". Huwa maħsub illi dan ix-xogħol isir fis-sajf li ġej peress li ma jistax isir xogħol matul il-perjodu ta' meta hemm l-iskola għaddejja. It-toilets ukoll ser isiru dan is-sajf li ġej.
Għar-rigward tal-bieb ta' barra, saret proposta biex dan jiġi mwessgħa u dan qiegħed jiġi kkunsidrat.
Dwar il-lift hemm proċeduri ta' tender għaddejja.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10943 u cioe' jgħid kemm ingħataw sensji f'Jannar 2005? Minn liema settur kienu ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul ix-xahar ta’ Jannar 2005 kien hemm 200 persuna li ġiet tirreġistra għax-xogħol wara li ġiet issensjata, filwaqt li 250 persuna li sa’ l-aħħar ta’ Diċembru 2004 kienu qed jirreġistraw għax-xogħol, sabu xogħol u xogħolhom kien irreġistrat ma’ l-ETC.
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi minn liema settur kienu ġejjin il-persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol f'Jannar.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10375 u cioe' jgħid kemm applikaw studenti, subien u bniet, kemm mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-knisja u indipendenti, għall-eżamijiet tas-SEC li se jsiru minn April 'il hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru issa jirrispondi mistoqsija parlamentari 10379 u cioe' jgħid kemm se joqogħdu studenti għas-suġġetti intermediate u avanzati fl-eżamijiet li se jsiru fix-xhur li ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li ser jersqu għall-eżamijiet fil-livell Avvanzat u l-livell Intermedju huwa 3753, mqassmin kif jidhru hawn taħt:
a. 2452 student li ser jersqu għall-eżami taċ-Ċertifikat tal-Matrikola,
b. 1115 student li ser jersqu għal xi suġġett fil-livell Avvanzat biss,
ċ. 186 student li ser jersqu għal xi suġġett jew suġġetti fil-livell Avvanzat u/jew fil-livell Intermedju.
L-istudenti fil-kategorija (ċ) jinkludu studenti li weħlu għal ftit mill-eżami taċ-Ċertifikat tal-Matrikola s-sena l-oħra (Narrowly failed), jew li għandhom iċ-Ċertifikat iżda jixtiequ kwalifika oħra biex jidħlu f'xi kors partikolari (Special Course Requirement), jew studenti mill-kors tal-Banking fl-MCAST.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' persuni rappurtati li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol matul is-snin 2003 u 2004 separatament?
Kemm minn dawn l-inċidenti rriżultaw f'diżabilita' permanenti u kemm fatali?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru fl-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari tinġabar mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. L-istess jista' jingħad għall-ewwel parti tat-tieni domanda.
Fir-rigward ta' inċidenti fatali fuq ix-xogħol, seħħew 12-il inċident kemm matul 2003, u kemm matul 2004.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn tfal li qed jattendu l-ischool girl-mothers unit illum u għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hawn 34 tfajliet tqal li jattendu l-programm ta' tlett darbiet fil-ġimgħa, 33 tfajliet tqal li qed jużaw is-servizz ta' Counselling offrut mill-Unit u 28 tfajliet ommijiet u t-tfal żgħar tagħhom jattendu l-Mother and Baby Support Group ta' darba fil-ġimgħa.
Informat ukoll li dan is-servizz offrut mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni huwa Unit GĦOŻŻA. Huwa offrut lil kull tfajla tqila taħt it-18-il sena.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10148, jista' il-Ministru jagħti d-dettalji għal kull skola separatament, imqassma f'kemm hemm subien u kemm hemm bniet?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.