Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri minn dawk l-istudenti li jinsabu f'kors post sekondarju f'xi waħda minn dawk l-istituzzjonijiet li se jiffurmaw parti mill-MCAST, kif se jkomplu l-korsijiet preżenti
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull Kors post-sekondarju mibdi f'xi waħda mill-istituzzjonijiet li se jiffurmaw parti mill-MCAST jitkompla fuq il-kundizzjonijiet li għalihom daħlu għalih l-istudenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27679?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tassigura li l-investiment fl-iskola primarja ta' Pembroke ser jirrispondi b'mod adegwat ma' l-iżvilupp demografiku ta' din il-lokalita`.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27680?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru diversi taħditiet informali u formali mal-Kunsill Lokali ta' Pembroke rigward l-iskola primarja tal-lokalita`. Dawn it-taħditiet huma ppjanati li jitkomplew.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-iskop tat-Task Force li twaqqfet fil-PBS biex timplimenta pjan ta' ristrutturazzjoni fil-kumpanija? Jista' jagħti dettalji tax-xogħol li wettqet din it-task force u jekk ikkonkludietx ix-xogħol tagħha? Għamlitx xi rapport u x'se jsir fuqu? Jista' jgħid x'tip ta' ristrutturazzjoni beħsieba ssir u meta? Hemm xi żmien stipulat meta din ir-ristruturazzjoni għandha titlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Tul dawn l-aħħar snin saru diversi rapporti li għamlu proposti għar-ristrutturazzjoni tal-PBS Ltd.
It-Task Force li għaliha qed issir referenza, twaqqfet mill-PBS mhux biex tagħmel rapport ieħor iżda biex tgħin lill-Kumpanija twettaq il-proċess ta' ristrutturazzjoni li tant hu meħtieġ u li issa sar urġenti.
Fil-ġimgħat li għaddew it-Task Force iltaqgħet, f'diversi każi aktar minn darba ma' dawk kollha li għandhom interess fil-PBS: dawn kienu jinkludu l-Gvern, li huwa x-shareholder, il-Bord tal-Kumpanija, il-GWU kif ukoll l-Executives u l-Managers kollha tal-Kumpanija.
It-Task Force studjat ukoll il-proposti kollha li saru sa issa f'rapporti differenti.
It-Task Force għadha kif lestiet fażi importanti tal-ħidma tagħha peress li ressqet quddiem il-Bord tal-PBS u l-Gvern, proposti li għandhom jgħinu fit-twettiq ta' l-ewwel fażi tar-riforma. Issa sta għal Bord tal-Kumpanija u għall-Gvern, bħala x-shareholder, li jindikaw ir-rejazzjoni tagħhom għad-direzzjoni proposta mit-Task Force għar-ristrutturazzjoni.
Qiegħed dejjem aktar joħroġ ċar - u jidher li l-partijiet kollha jaċċettaw dan - li r-riforma li jinħtieġ li ssir fil-PBS trid tkun waħda maġġuri u radikali. Biex il-PBS ikollha futur, kif jixtieq kull min huwa nvolut, jinħtieġ li l-partijiet kollha interessati jaħdmu flimkien biex ibiddlu l-istrutturi preżenti u l-prattiċi tax-xogħol mill-qiegħ nett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti barranin bħalissa fl-Universita' ta' Malta? Jagħti lista ta' nazzjonalitajiet ta' dawn l-istudenti u x'korsijiet qed jagħmlu? Jista' jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet biex l-istudenti barranin jagħmlu korsijiet fl-Universita' ta' Malta? Jista' jgħid x'tip ta' permessi li jingħataw biex waqt li jsegwu l-kors jkollhom residenza f'Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti barranin li kienu qed jattendu l-Universita` ta' Malta fuq bażi full time matul is-sena akkademika li għaddiet kien ta' 447. Dawn ġew minn 72 pajjiż. Minbarra l-istudenti full time, l-Universita` irċeviet għall-ewwel darba fuq bażi ta' semester 95 student Ewropew taħt il-programm Socrates u 96 student ieħor fi skambji ma' u transfers minn universitajiet barranin. Lista tal-pajjiżi li minnhom ġew dawn l-istudenti u l-korsijiet li ħadu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Studenti barranin li jridu jsegwu korsijiet fl-Universita` ta' Malta bl-iskop li jottjenu grad mill-Universita` tagħna (jiġifieri dan ma japplikax għal min jiġi għal perjodu qasir) irid jissodisfa l-kwalifiki tad-dħul tal-kors li għalih jirreġistraw. Barra minn hekk iridu jħallsu l-miżata preskritta. Din l-informazzjoni tista' tinkiseb mill-katalgi tal-korsijiet u mill-website ta' l-Universita`. F'każ li l-istudenti barranin ma jkollhomx il-livell meħtieġ, għaliex f'pajjiżjom is-sistema edukattiva ma twassalhomx għal-livell tal-MATSEC, dawn ikunu imġiegħla jattendu 'Foundations Studies Course', li jdum sena, u jgħaddu mill-eżamijiet tiegħu qabel jitħallew jidħlu fil-kors propju. Studenti barranin għandhom bżonn ta' visa li tinħareġ mill-Uffiċju ta' l-Immigrazzjoni u li trid tiġġedded perjodikament skond ma jitlob dak l-Uffiċju.
Jista' l-Ministru jara d-dokumenti mibgħuta separatament, u jgħid x'investigazzjonijiet għandhom isiru u jara li dan il-każ jingħata l-attenzjoni meħtieġa u r-rimedju meħtieġ u li l-persuna konċernata tkun informata bl-eżitu ta' dan?
Jarax il-Ministru li s-surmast konċernat, jekk hu l-każ, jagħraf iġib ruħu ferm aħjar fiċ-ċirkostanzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt ir-rejazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u tweġiba tingħta f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra f'liema stadju wasal ix-xogħol fuq l-kumpless sportiv ġewwa l-Kottonera u kemm intefqu flus sa issa fuqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol ta' l-iskavar fuq il-proġett tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera tlesta. Beda wkoll ix-xogħol tal-kostruzzjoni. Dan ix-xogħol miexi kif ippjanat. Bħalissa qegħda tiġi mfassla t-tender tal-finishes u s-servizzi.
S'issa tħallsu:
Skavar: Lm110,104
Kostruzzjoni Lm210,526
Spejjeż anċillari: Lm 16,308
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra fuq liema mill-iskejjel tal-primarja u sekondarja li hemm ġewwa l-Fgura, Bormla, l-Birgu, l-Kalkara, l-Isla, x-Xghajra u Ħaż-Żabbar ser jsiru xogħlijiet ta' natura strutturali matul is-sajf li ġej u kemm ser jintefaq fuqhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel imsemmija mhux maħsuba li ser isiru xogħlijiet ta' natura strutturali matul is-sajf li ġej.
Jista' l-Ministru b'referenza għad-domanda parlamentari preċedenti jinforma l-kamra jekk kemm-il darba hemmx xi żvilupp fuq l-manutenzjoni aħjar tal-ground tal-football ġewwa l-Kalkara?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ntlaħaq ftehim bejn is-Segretarjat Parlamentari u l-Kunsill Lokali biex ix-xogħol ta' manutenzjoni tal-ground tal-Kalkara jsir mill-Kunsill Lokali. Id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport alloka għotja ta' Lm4000 għal dan il-għan.
Jista' l-Ministru jindika liema huma dawk l-iskejjel li ġew targeted biex isir titjib infrastrutturali sostanzjali matul dan is-sajf qabel jerġgħu jidħlu t-tfal lura fl-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu l-preparamenti sabiex jitwassal id-dawl lejn it-tempju tal-Imnajdra u Ħaġar Qim, speċjalment fid-dawl ta' dak li ġara fil-Ġimgħa l-Kbira 2001 u l-bżonn li l-post ikun imdawwal u indukrat kif jixraq?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-16 ta' April ta' din is-sena, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili installa generator u sistema ta' floodlighting temporanju madwar it-tempju ta' l-Imnajdra. Inxtraw ukoll żewġ generators ġodda mid-Dipartiment tal-Mużewijiet sabiex ikomplu jagħtu din il-provvista temporanja fl-Imnajdra u f'Ħaġar Qim. Dawn jaħdmu fuq id-diesel sabiex jiġi evitat il-periklu ta' splużjoni li jippreżenta l-użu tal-petrol.
Rigward il-provvista permanenti ta' l-elettriku, jiena nformat li sabiex jitwassal l-elettriku f'Ħaġar Qim u l-Imnajdra, jinħtieġ li tinbena sub-station ġdida u titwassal il-provvista mill-inħawi tal-Maqluba fil-Qrendi. Għal dan il-għan, diġa' tfasslu d-disinni u ġew sottomessi għall-approvazzjoni ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Dawn ix-xogħlijiet qed jiġu mwettqa bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-Korporazzjoni Enemalta.
Informat ukoll li Ħaġar Qim u l-Imnajdra issa ġew kollegati b'sistema ta' telekomunikazzjoni li ma tiddependix fuq l-elettriku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna studenti Għawdxin mill-oqsma differenti ta' l-iskejjel sekonardji u post-sekondarji li qagħdu għas-suġġetti differenti fil-livelli:
1) SEC
2) Intermediate
3) Avvanzat
4) Systems of Knowledge
f'kull każ kemm studenti
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien r-riżultati li ġabu l-applikanti ta' l-eżamijiet Sec, Intermediate u Avvanzat fis-suġġetti differenti, minn kull qasam edukattiv fis-sessjoni li saret f'Mejju 2001?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna studenti Għawdxin li temmew l-edukazzjoni sekondarja u post-sekondarja fl-oqsma edukattivi differenti fis-sena skolastika li għadha kemm intemmiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti Għawdxin li temmew l-edukazzjoni sekondarja kienu:
Ninu Cremona Boys' Secondary 75
Ninu Cremona Boys' Junior Lyceum 65
Agius De Soldanis Girls' Secondary 45
Agius De Soldanis Girls' Junor Lyceum 166
K. Galea School of Building & Architecture 17
M. Mejlaq Girls' Trade School 13
In-numru ta' studenti Għawdxin li temmew l-edukazzjoni post-sekondarja kienu:
Secreterial 15
Pre Vocational 11
Banking 9
Matriculation Certificate 177
Technical Institute 16
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol sar matul din is-sena mill-monitoring board li dmiru jissorvelja standards u adezjoni mal-kundizzjonijiet tat-tmexxija ta' l-iskejjel għat-tagħlim ta' l-Ingliz?
X' irriżulta minn din il-ħidma tal-bord?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħidma tal-Monitoring Board kienet tikkonsisti prinċipalment f'dawn l-oqsma:
* Amministrazzjoni Ordinarja mill-Uffiċċju tas-Segretarju: tweġibiet għal ħafna domandi li jsiru kemm bit-telefon kif ukoll bil-kitba. Ħafna drabi kienet tintalab informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għal ftuħ ta' skejjel ġodda, kif ukoll dwar il-kwalifiki mitluba għall-ħruġ ta' EFL Permit. F'dawn l-aħħar xhur ġew proċessati 'l fuq minn 200 EFL Permit u Renewals ta' l-istess Permit. Dan ix-xogħol jinkludi l-iscreening tal-kwalifiki ta' l-applikant/i. Sa l-aħħar ta' Marzu 2001 l-applikazzjonijiet għal teachers' EFL Permit kienu ġew pproċessati kollha.
* Laqgħat tal-Monitoring Board: minn Jannar 2001 sa l-aħħar ta' Marzu 2001 il-Board iltaqa' tlett darbiet. L-attendenza tal-membri kienet kważi 100%. F'dawn il-laqgħat ġew diskussi u ttrattati fost affarijiet oħra:
- applikazzjonijiet għal permessi ta' skejjel ġodd. Dawn
l-applikazzjonijiet jinvolvu kemm żjarat mill-Board fil-lokal ta'
l-iskejjel proposti kif ukoll eżami tal-Questionnaire li kull applikant
irid jimla' u jagħti dettalji dwar il-metodi ta' tagħlim li se jintużaw, il-
kwalifiki tal-personnel li se jmexxi l-iskola, il-marketing u l-budget
ta' l-ewwel snin.
- Deċiżjoni dwar erba' skejjel li m'għadhomx joperaw.
- Screening tal-kwalifiki ta' erba' Diretturi ġodda ta' skejjel ta' l-Ingliż
- Approvazzjoni ta' TEFL Courses imnedija minn żewġ skejjel għat-
taħriġ tat-teachers.
- Preparazzjoni għall-Meeting Ġenerali fi tmiem it-term of office ta' l
istess Board.
- Rapport dwar il-ħidma tal-Board f'dawn l-aħħar sentejn: April 1999-
April 2001. Kopja ta' dan ir-rapport ingħatat lili u lill-Ministru tat-
Turiżmu.
Jista' l-Ministru jgħid min għamel l-istudju dwae l-impatt tas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea fuq iż-żgħażagħ għall-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ? Kemm ġie jiswa dan l-istudju? Minn liema vot se jitħallas?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefaq s'issa mill-vot li ngħata għal din is-sena l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ? Kemm fadallu x'jonfoq min dan il-vot?
Fuq xiex intefqu l-fondi s'issa? Tista' tagħti breakdown dettaljat tan-nefqa tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ din is-sena s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mil-kapijiet tal-5 istituti tal-MCAST għandhom id-diploma in Administration & Monument?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għas-sejħa pubblika li kienet saret għal ħames Kapijiet ta' l-Istituti tal-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija.
Kull Kap ta' l-Istitut intgħażel skond il-kriterji ppublikati fis-sejħa pubblika. Tlett Kapijiet li ntagħżlu huma ex-Kapijiet ta' Skejjel pubbliċi, wieħed mill-Kapijiet għandu Diploma fl-Administration u Kap ieħor huwa b'self minn Kumpanija sussidjarja tal-MALTACOM.
Fil-pjani li għandha d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għal skejjel primarji u sekondarji tad-diversi lokalitajiet ta' Malta u Għawdex, jista' l-Ministru jgħid x'proġezzjonijiet demografiċi għandha dwar fejn se jiżdiedu u jonqsu t-tfal tal-lokalitajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni taġġorna l-proġezzjonijiet demografiċi fejn se jiżdiedu u jonqsu t-tfal fil-lokalitajiet fuq bażi regolari.