Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #4549 Sitting 69 2013-10-30 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali – riżenja ta’ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġiet offruta l-ebda riżenja minn persuni maħtura minn dan l-Uffiċċju, f’kariga uffiċjali jew bord.
Leg 12 PQ #5437 Sitting 69 2013-10-30 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — persons of trust - persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li huma ngaġġati bħala persons of trust (POT) fi ħdan il-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu li ngħataw permess biex jagħmlu xogħol bit-telework? Jekk iva min huma u kemm bħala persentaġġ jistgħu jagħmlu telework mill-ħin kollu?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan il-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħi, m’hemmx persuni li huma ngaġġati bħala persons of trust (POT) li jagħmlu xogħol bit-telework.
Leg 12 PQ #5317 Sitting 67 2013-10-28 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — U-bends

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5163, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm iktar u-bends li għalkemm imwaħħla, m'għandhomx riklami mwaħħla magħhom? Fejn jinsabu dawn il-bends li huma mwaħħla iżda mhux użati?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li tali informazzjoni mhux normalment tkun disponibbli għall-Kunsilli Lokali.
Leg 12 PQ #5286 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali – skeda ta’ pagamenti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iskeda tal-pagamenti kollha approvati mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-lum?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskedi tal-pagamenti kollha approvati mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-lum, hekk kif provduti mill-Assoċjazzjoni. Nirrimarka li d-dettalji personali tal-impjegati tal-Assoċjazzjoni tneħħew mill-iskedi għal raġunijiet marbuta ma’ Protezzjoni tad-Data.
Leg 12 PQ #5288 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali ta’ Sannat – Segretarju Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li għaliha ġie mneħħi s-Segretarju Eżekuttiv ta’ Sannat Għawdex? Jaf li ftit jiem qabel ma s-Sindku ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Segretarju Eżekuttiv, l-istess Segretarju Eżekuttiv kien mar għand il-Kummissarju tal-Pulizija u taħ recording li kien fih allegazzjoni ta’ ksur ta’ liġi mis-Sindku? Is-Segretarju Eżekuttiv ngħata l-opportunità li jispjega l-każ lilu bħala Ministru responsabbli qabel tneħħa kif huwa maħsub fil-liġi tal-Kunsilli Lokali?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ex Segretarju Eżekuttiv ġie mneħħi wara Mozzjoni approvata mill-Kunsill Lokali tas-Sannat waqt Seduta tal-Kunsill li saret nhar il-15 ta’ Lulju 2013. Ninsab infurmat li l-ex Segretarju Eżekuttiv tas-Sannat għamel allegazzjonijiet u li dawn l-allegazzjonijiet għaddihom lill-Kummissarju tal-Pulizija. Kif spjega diġa’ s-Segretarju Parlamentari fl-ittra ta’ risposta li bagħat lis-Sur Arthur Bajada, qed nikkwota l-parti li tikkonċerna tneħħija ta’ Segretarju Eżekuttiv li toħroġ minn Taqsima V, Uffiċjali u Impjegati , Artiklu 49 (6) (c) mill-Att tal-Kunsilli Lokali: “I ż da f’kull ka ż il-Ministru JISTA’ jieħu dawk il-passi li jidhirlu xierqa biex kull parti tingħata l-opportunita’ li tressaq il-ka ż tagħha qabel jieħu d-deċi ż joni finali”. Quddiem din is-sitwazzjoni u peress li l-każ kien diġa’ qiegħed quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija u sabiex ma tkunx preġudikata tali investigazzjoni, kien deċiż li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali jirrispettata id-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali tas-Sannat.
Leg 12 PQ #5301 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Kunsill Lokali - laqgħat

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4912, liema domanda saret b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4694, billi hu evidenti li dawn ir-risposti jagħmlu referenzi għal laqgħat differenti minn xulxin u billi l-mistoqsija parlamentari 4912 saret għaliex it-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4694 ma kenitx kompluta, u billi staqsejt dwar laqgħat pubbliċi, fejn mhux biss min ikollu proposta imma ukoll il-kunsilliera u r-residenti jkunu infurmati bil-laqgħa partikolari, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif in-nies involuti kienu infurmati bil-laqgħa u meta, fejn u x’ħin inżammet il-laqgħa? Billi mit-tieni risposta jidher li kienu l-entitajiet governattivi li kienu mistiedna għal-laqgħa, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk ir-residenti u l-kunsilliera tal-lokal kinux mistiedna jew le għal din il-laqgħa? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l-email li qiegħda ssir referenza għaliha fir-risposta, kif ukoll lil min intbagħtet? Minbarra hekk, jista’ jagħti tagħrif dwar min kienu r-rappreżentanti tal-entitajiet li attendew? Jista’ jagħti ukoll tagħrif dwar kemm kien hemm residenti li attendew il-laqgħa?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 4694 u 4912. Intant ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-laqgħa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant saret it-Tlieta 13 ta’ Awwissu 2013 fis-siegħa ta’ wara nofsinhar (1:00 pm), fl-uffiċini tal-Kunsill Lokali stess. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-email li kienet intbgħatet dwar dan u li telenka l-persuni/entitajiet li kienu mistiedna. Ma kienx hemmx stediniet oħrajn apparti din il-lista fil-kopja tal-email li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #5321 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Skema għal Turiżmu Sostenibbli

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet tar-raba' sejħa għal fondi mill-iskema għat-turiżmu sostenibbli li skont il-Ministru stess kellha tiġi finalizzata sal-aħħar ta' Settembru, ġietx iffinalizzata? Jekk le, x'wassal għal dan it-tieni dewmien fl-evalwazzjoni li oriġinarjament kellu jintem f'Ġunju ta' din is-sena?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-marki ta’ l-aħħar fażi ta’ l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet tar-raba’ sejħa għal fondi mill-iskema għat-turiżmu sostenibbli għadha kif ġiet iffinalizzata u ser jintbagħtu l-ittri bir-riżultat lill-applikanti. Wara dan il-proċess, tibda diskussjoni mal-benefiċċjarji fejn dawn ikunu jridu jikkonfermaw u jiffirmaw il-grant agreement li jinkludi fih id-dettalji ta’ inizjattivi li ser isiru u ż-żmien biex dawn jitwettqu. Il-proġetti jridu jitlestew sa Settembru tal-2014. Bħal ma ġara fl-iskemi preċedenti, l-applikanti kellhom ukoll l-għażla li jibdew il-proġett tagħhom, iżda ma jitlestiex qabel ma jinħarġu r-riżultati b’approvazzjoni tal-iskema.
Leg 12 PQ #5322 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Skema għal Turiżmu Sostenibbli

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx applikazzjonijiet għal fondi taħt ir-raba sejħa tal-iskema għat-turiżmu sostenibbli li se jiġi affetwati negattivament minħabba id-dewmien fl-evalwazzjoni? Jista' jikkonferma li wħud mill-proġetti ma jistgħux isiru fit-totalità jew parzjalment għax ma baqax żmien biżejjed biex isir il-proġett kif pjanat?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5321.
Leg 12 PQ #5323 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunċert tal-MTV

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-kunċert tal-MTV hux se jsir is-sena d-dieħla? Jekk iva, jista' jagħti d-data ta' meta se jsir il-kunċert?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħas-snin preċedenti bħalissa għaddejin diskussjonijiet mal-MTV dwar il-kunċert. Kif jiġu konklużi dawn in-negozjati tkun tista’ tingħata iktar informazzjoni.
Leg 12 PQ #4525 Sitting 65 2013-10-22 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Ministeru tiegħu fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #4526 Sitting 65 2013-10-22 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali – safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Uffiċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #5162 Sitting 65 2013-10-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – żbir ta’ siġar tal-palm

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min kien responsabbli biex jinżabar il-palm fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar (jiġifieri min qata' l-weraq niexef jew żejjed)? Meta sar dan ix-xogħol, u minn min? Taħt is-superviżjoni ta' liema persuna li tifhem fis-siġar sar dan ix-xogħol? Liema inġenji ntużaw waqt il-qtugħ li kien neċessarju? Taħt liema kuntratt sar dan l-istess użu ta' makkinarju?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ż-żbir tal-palm li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien responsabbli minnu l-istess Kunsill Lokali. Dan iż-żbir sar mill-kuntrattur, imqabbad mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, il-ġimgħa l-oħra. Iż-żbir sar b’mutur adegwat (grass cutter) bix-xogħol kollu sar taħt is-superviżjoni tal-kuntrattur innifsu.
Leg 12 PQ #5163 Sitting 65 2013-10-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – U-Bends

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ u-bends li għandu mwaħħla l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fil-lokalità tiegħu? Fejn jinsabu dawn l-istess bends? Kemm minn dawn il-bends għandhom reklami fuqhom, u kemm ġabar flus il-kunsill lokali matul din is-sena minn dawn il-bends? Kemm hemm bends oħra li saru iżda s’issa mhux użati?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li hemm 109 u-bends mwaħħla fil-lokalità. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali ġabar €10,164.14 minn dawn il-bends għall-perjodu li jkopri bejn Jannar u tmiem Settembru 2013. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ dokumenti li juru fejn jinsabu dawn l-istess bends u dawk li għandhom reklami fuqhom.
Leg 12 PQ #5164 Sitting 65 2013-10-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – twaħħil ta’ Bus Shelters

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ bus shelters li twaħħlu fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar matul l-aħħar 18-il xahar? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew Transport Malta li talabhom l-istess kunsill matul l-istess perijodu? F’kull każ, kemm ilhom biex jiġu deċiżi dawn l-istess talbiet?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ma twaħħal ebda bus shelter fil-lokalità matul dawn l-aħħar tmintax (18)-il xahar. Infurmat ukoll li hemm sitt (6) applikazzjonijiet pendenti għal bus shelters. Dawn l-applikazzjonijiet saru f’Diċembru 2012 lil Transport Malta.
Leg 12 PQ #4012 Sitting 64 2013-10-21 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — xogħol mogħti lil individwu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ xogħlijiet li ngħataw lill-individwu u/jew kumpanija li dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013 mill-Ministeru tiegħu u entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jgħid jekk f’kull każ, ix-xogħol ingħatax b’direct order jew wara li saret sejħa għall-offerti? Jista’ jgħid f’kull każ kemm kienet l-ispiża? F’kull każ, min awtorizza li jsir il-ħlas? F’kull każ fiex kien jikkonsisti x-xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #4101 Sitting 64 2013-10-21 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għat-Turiżmu

Reklamar ta’ mużewijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi n-nefqa biex nirreklamaw il-mużewijiet u s-siti arkeoloġiċi kollha fl-industrija tat-turiżmu? Liema mużewijiet huma l-aktar li jiġu rrekklamati barra pajjiżna?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu tesegwixxi programm estensiv ta’ promozzjoni f’bosta swieq madwar id-dinja. Il-promozzjoni f’dan il-programm hi mfassla skont l-interessi diversi li għalihom turist iżur il-gżejjer tagħna. Naturalment l-element kulturali jassumi parti importanti ħafna fis-selezzjoni ta’ motivazzjonijiet li għalihom iħajjru turist iżur pajjiżna. Għaldaqstant il-promozzjoni ġenerali li twettaq l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu tinkorpora fiha b’mod dirett l-aspetti kulturali kollha li joffri pajjiżna, inkluż il-mużewijiet u s-siti arkeoloġiċi. Minħabba li l-qafas tal-promozzjoni hu wieħed ġenerali huwa diffiċli li wieħed jikkwantifika n-nefqa fuq turiżmu kulturali b’mod separat.
Leg 12 PQ #4395 Sitting 64 2013-10-21 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Postijiet għal rehearsals minn bands

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il band instabilha garaxx fejn tagħmel ir-rehearsals mid-9 ta’ Marzu 2013 ’l hawn? Fejn jinsabu dawn il-garaxxijiet, lil liema bands instabu u kemm tħallas għalihom f’xiri jew kirjiet? Jista’ jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament għadhiex ingaġġata fuq kuntratt mal-Ministeru tiegħu?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3087. Sadanittant, nikkonferma li l-persuna li qed issir referenza għaliha hija ngaġġata fuq kuntratt mal-Ministeru.
Leg 12 PQ #5057 Sitting 64 2013-10-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – il-Menqa — tneħħija ta’ dgħajjes u opri tal-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’rappreżentazzjonijiet għamel il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kontra t-tneħħija tad-dgħajjes u opri oħra tal-baħar minn ħdejn il-Menqa f’San Pawl il-Baħar? Meta saru dawn ir-rappreżentazzjonijiet u lil min? X’kienu r-risposti li rċieva l-kunsill dwar dawn l-ilmenti?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ma għamilx rappreżentazzjonijiet kontra t-tneħħija tad-dgħajjes u opri oħra tal-baħar minn ħdejn il-Menqa f’San Pawl il-Baħar.
Leg 12 PQ #5103 Sitting 64 2013-10-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — talbiet għall-fondi għal wirt storiku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti sottomessi minn kunsilli lokali differenti, mis-7 u t-12-il distrett elettorali, biex jingħataw għajnuna ħalli l-istess kunsilli lokali jkunu jistgħu jħarsu xi wirt storiku partikolari? F'kull każ liema huma t-talbiet li għadhom pendenti f'dan ir-rigward?

Response (VELLA, KARMENU)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-aħħar Skema ta’ Restawr ta’ Postijiet Storiċi Żgħar. Din l-iskema kienet deċiża u l-aġġudikazzjoni tagħha finalizzata. Għaldaqstant infurmat li ma hemmx talbiet pendenti.
Leg 12 PQ #4906 Sitting 63 2013-10-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — deċiżjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jassigura li kull deċiżjoni li tittieħed mill-kunsilli lokali tkun rekordjata fil-minuti tal-istess kunsill, b'vot kull darba, għal kull proposta, wara li dik il-proposta tkun ġiet diskussa formalment, u ma jkun hemm l-ebda azzjoni li tittieħed mingħajr ma jkun hemm deċiżjoni formali dwarha, ukoll jekk tali deċiżjoni tkun ta' benefiċċju għal xi residenti?

Response (VELLA, KARMENU)

L-Onor. Interpellant jifhem li t-teħid tal-minuti tal-laqgħat tal-Kunsilli Lokali, inkluż riżultati ta’ votazzjonijiet, proposti mressqa u deċiżjonijiet meħuda fost l-oħrajn, huwa kompitu tas-Segretarju Eżekuttiv. Il-minuti ta’ kull laqgħa wara li jinqraw jiġu approvati mill-Kunsill, u wara ffirmati mis-Segretarju Eżekuttiv u mis-Sindku tal-lokalità. L-Onor. Interpellant japprezza wkoll li għal kull minuta li ssir hemm lok u spazju biex issir korrezzjoni, skont kif imqajma u mitluba mill-membri tal-Kunsill Lokali, li jirriflettu dak li jkun seħħ fil-laqgħa li tagħha jkunu ttieħdu l-minuti.