Jista’ l-Ministru jgħid kemm ir-rotta ħadmu separatament is-7-seaters, 14-seaters u 18-seaters illi inkrew biex jipprovdu servizz ta’ trasport pubbliku bejn it-8 ta’ Jannar 2015 u d-data ta’ meta ġiet sottomessa din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm-il vjaġġ għamlu separatament, u kemm tellgħu nies separatament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, l-Malta Public Transport, jirriżulta illi:
· Fil-każ ta’ vetturi
7 seaters
kien hemm mhux aktar minn għaxar vetturi illi ntużaw f’ġurnata. Fil-perjodu bejn it-8 ta’ Jannar 2015 u d-19 ta’ Frar 2015, li kienet l-aħħar data meta ntużaw dawn it-tip ta’ vetturi fuq is-servizz tat-trasport pubbliku, dawn il-vetturi għamlu total ta’ 3,259 vjaġġ.
· Fil-każ ta’ vetturi 14
seaters
kien hemm mhux aktar minn ħames vetturi illi ntużaw f’ġurnata. Fil-perjodu bejn it-8 ta’ Jannar 2015 u s-7 ta Marzu 2015, li kienet l-aħħar data meta ntużaw dawn it-tip ta’ vetturi fuq is-servizz tat-trasport pubbliku, dawn il-vetturi għamlu total ta’ 3,032 vjaġġ.
· Fil-każ ta’ vetturi 16, 18 jew 21
seaters
kien hemm mhux aktar minn ħdax-il vettura illi ntużaw f’ġurnata. Fil-perjodu bejn it-8 ta’ Jannar 2015 u s-7 ta Marzu 2015, li kienet l-aħħar data meta ntużaw dawn it-tip tal-vetturi fuq is-servizz tat-trasport pubbliku, dawn il-vetturi għamlu total ta’ 11,898 vjaġġ.
Ta’ min wieħed jinnota li mit-8 ta’ Marzu 2015 ir-rotot kollha tat-trasport pubbliku qed jiġu mħaddma minn karozzi tal-linja tal-operatur tat-trasport pubbliku u għaldaqstant, m’għadhomx jintużaw vetturi mikrija tat-tip imsemmija.
L-operatur tat-trasport pubbliku m’ għandux figuri ta’ kemm passiġġiera għamlu użu minn dawn il-vetturi.
Malta Public Transport Services Ltd – company secretary
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13837, jista’ l-Ministru jgħid kif u minn min intgħażel il-company secretary tal-Malta Public Transport Services Ltd? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument illi ntuża bħala gwida illi wasslet biex saret l-għażla?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 13673.
Jista’ l-Ministru jgħid min kien responsabbli tad-deċiżjoni li l-istatwa tal-ex Prim Ministru Malti Dott. George Borg Olivier tittieħed f’garaxx il-Furjana u tiddendel minn għonqu hekk kif irrappurtat fil-media? Jista’ jgħid ta’ min hu l-garaxx u jekk itteħdux miżuri biex dan l-iżball jitranġa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li ż-żewġ kuntratturi li huma responsabbli mix-xogħol li qed isir bħalissa, ingħataw struzzjonijiet preċiżi dwar il-mod ta’ kif il-monumenti li qed jitneħħew minn Pjazza Kastilja sakemm isiru x-xogħlijiet, għandhom jiġu ppreservati u maħżuna. Jirriżulta li dawn l-istruzzjonijiet ma ġewx segwiti meta sar irbit kontra l-istruzzjonijiet mogħtija. Skont informazzjoni mgħoddija lili, il-kuntratturi ma stivawx il-monument kif maqbul mill-ewwel, iżda ttieħdu passi biex dan jiġi rettifikat u fil-fatt il-ħażna tagħhom issa qed issir skont l-istruzzjonijiet mgħotija. Infurmat ukoll li l-monument imsemmi, qatt ma kien imdendel, iżda sar irbit mal-ħajt biex il-monument ma jaqax u b’mod insensittiv, il-ħabel intrabat kontra l-istruzzjonijiet li ingħataw.
Peress li fit-22 ta' April 2013, għall-mistoqsija parlamentari 503 dwar Għar Dalam traffic junction f'Birżebbuġa, il-Ministru kien weġibni li x-xogħol kellu jibda f'Ġunju tal-2013 u għall-mistoqsija parlamentari 4625 b'referenza għall-istess traffic junction ir-risposta tal-Ministru fit-2 ta' Ottubru tal-2013 kienet li l-proġett imsemmi kien fi stadju ta' tendering, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm għaddew madwar sena u nofs mill-aħħar risposta li tani, ix-xogħol fuq din il-junction għadu ma bediex? Peress li għadda daqshekk żmien min meta suppost beda x-xogħol, jista’ jgħid jekk din il-junction tant importanti għaż-żona ta' quddiem Għar Dalam f'Birżebbuġa, anke wara diversi aċċidenti tat-traffiku fatali li seħħew f'din l-area, f'dawn l-aħħar xhur għadhiex fil-pjanijiet tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, meta fil-konkret se jibda u jispiċċa x-xogħol relatat ma’ din t-traffic junction f'Birżebbuġia?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol tal-junction fi Triq Għar Dalam diġa nbeda skont il-pjanti approvati. Ninsab infurmat li x-xogħol ser ikun qed jitkompla u jitlesta fl-aħħar ġimgħa ta’ April.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li se jinbnew mill-ġdid u/jew se jingħatalhom it-tarmak mill-Gvern ċentrali f'Birżebbuġa għall-perjodu mill-2015 sal-2018?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta qiegħda fil-proċess li tibni partijiet minn Triq il-Port Ħieles kif ukoll Triq Ġdida fi Triq il-Kus. Transport Malta tagħmel l-lista ta’ toroq għas-snin li ġejjin skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista’ l-Ministru jgħid x'wassal għall-inċidenti reċenti ħdejn ir-roundabout ta' Ħal Lija fejn qed isir xogħol marbut mal-flood relief project u fejn, fost l-oħrajn, vetturi nqabdu ġo tappieri? Jista’ jgħid min ser jinżamm responsabbli? Jista’ jgħid ukoll jekk il-ħruġ ta' drenaġġ fl-aħħar jiem fil-wied ta' Ħal Balzan kienx marbut ma' dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li kien qiegħed isir ħdejn ir-roundabout ta’ Ħal Lija kien xogħol magħmul mill-Korporazjoni tal-Ilma biex titranġa is-sistema tad-drenaġġ u mill-kuntrattur li għandu l-kuntratt tal Flood Relief Project biex jitqiegħdu gradilji għal dan il-proġett.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir minn Transport Malta fir-rigward tad-diversi vetturi bi pjanċi barranin li żdiedu fit-toroq fl-aħħar xhur, speċjalment vetturi – ħafna minnhom lussużi u b’ċilindrata għolja – fl-inħawi ta’ Tas-Sliema, is-Swieqi u San Ġiljan bi pjanċi tal-Libja u tal-Lvant Nofsani, meta fil-fatt il-liġi ma tippermettix iż-żamma u l-użu ta’ pjanċi mhux reġistrati f’Malta lil hinn minn ċertu ammont ta’ żmien?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li l-Uffiċċjali tal-Infurzar ta’ Transport Malta jagħmlu xogħol fuq infurzar ta' vetturi bi pjanċi barranin skont l-eżiġenzi tax-xogħol li jkun għaddej.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar spezzjonijiet minn Transport Malta fi Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar? X'koordinazjoni saret s'issa ma' entitajiet li jagħtu s-servizzi bħall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar ix-xogħol li jrid isir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li fil-preżent m’għandi xejn iktar x’inżid mar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14584.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15023, jista’ l-Ministru jipprovdi l-informazzjoni kollha dwar toroq residenzjali li qed jinbnew għall-ewwel darba peress li dawk jaqgħu taħt ir-responsabilità diretta ta’ Transport Malta kif ġie speċifikat fil-mistoqsija parlamentari inkwistjoni?
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15024, jista’ l-Ministru jipprovdi l-informazzjoni kollha dwar toroq arterjali li qed jinbnew għall-ewwel darba u dawk li qed jinbnew mill-ġdid?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni fi Triq il-Kosta li jkopri tul ta’ 7.3 kilometri.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15025, jista’ l-Ministru jipprovdi l-informazzjoni kollha dwar toroq arterjali li qed jinbnew għall-ewwel darba u dawk li qed jinbnew mill-ġdid?
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar spezzjonijiet fuq il-breakwater ta’ Buġibba? Min wettaq dawn l-ispezzjonijiet u x’irriżulta minnhom? X’passi ttieħdu wara li saru l-istess spezzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-aħħar spezzjonijiet li saru fuq il-breakwater ta’ Buġibba kienu bbażati fuq studji viżwali, inkluż dawk ta’ taħt il-baħar, u ġeoloġiċi. Dan ir-rapport kien ġie finalizzat f’Diċembru 2007.
Il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport kienu li l-wiċċ tal-breakwater kien jinsab f’kundizzjoni raġjonevolment tajjeb iżda li kienu jeżistu numru ta’ fissuri fil-wiċċ ta’ matul il-breakwater kollu kif ukoll jeżistu diversi postijiet mittiekla (scouring) fl-istruttura ta’ taħt wiċċ l-baħar.
Ninsab infurmat ukoll li bejn April u Mejju tal-2011 saru tiswijiet minuri fil-wiċċ tal-moll.
Transport Malta tagħmel manutenzoni u xogħlijiet oħra ta’ tiswija fuq dan il-breakwater abbażi ta’prijoritajiet u finanzjament allokat għal dan il-għan.
B’referenza għal domandi preċedenti dwar tabella fi Triq San Ġużepp kantuniera ma’ Triq San Publiju f’San Pawl il-Baħar, biex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar liema tabella qed nagħmel referenza għaliha, jista’ l-Ministru jitlob li Transport Malta tinvestiga l-ħtieġa tat-tabella “No Parking”, mhux dik li tindika “No Entry”?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li t-tabella No Parking No Stopping, li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant, tikkumplimenta id-double yellow lines li hemm immarkati fuq il-post. Għaldaqstant tali tabella mhix qiegħda tippreġudika l-ebda arranġamenti tat-traffiku li hemm fuq il-post.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi kemm u fejn sejrin jiġu l-irmiġġi l-ġodda f'Wied il-Buni u jekk hemmx xi ħsieb li jsiru rmiġġi oħra mad-dawra tax-xatt ta' Birżebbuġa (inkluża l-Qajjenza)?
Response (MIZZI, JOE)
Fid-dawl tal-laqgħa riċenti li saret bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta Birżebbugia qegħdin ikunu diskussi diversi possibilitajiet.
B'referenza għall-irmiġġi li se jsiru f'Birżebbuġia, jista’ l-Ministru jikkonferma li dawn l-irmiġġi mhux se jidħlu fl-area fejn hu riservat għall-għawm? X'se tkun id-distanza mis-shoreline għal dawn l-irmiġġi? Jekk id-dgħajjes li se jkunu marbuta ma’ dawn l-irmiġġi jridu jintlaħqu b'tender (dgħajjes żgħar), fejn se jiġu marbuta/storjati dawn it-tenders?
Response (MIZZI, JOE)
Fid-dawl tal-laqgħa riċenti li saret bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta Birżebbugia qegħdin ikunu diskussi diversi possibilitajiet.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir yacth marina fl-area ta' San Ġorġ, f'Birżebbuġa? Jekk fl-affermattiv, meta hemm il-ħsieb li din issir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament, ma hemm l-ebda ħsieb li ssir xi yacht marina fl-inħawi ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14259 u jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dekasteru tiegħu? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iktar x’inżid mat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 14259.
Il-Mellieħa — triq minn ħdejn il-Latrina tax-Xemxija għall-Belleview - rranġar
Question
Billi t-triq prinċipali li twassal minn ħdejn il-latrina tax-Xemxija sa fejn kien hemm il-Belleview fil-Mellieħa tista' tiġi deskritta biss bħala diżastru, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'beħsiebu jagħmel il-Ministeru biex tiġi rranġata din l-istess triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi parti mit-triq imsemmija (jiġifieri mir-roundabout tax-Xemxija sa roundabout tal-Mellieħa ma’ Triq Louis Wettinger), taqa’ taħt ir-responsabilitàà ta’ Transport Malta. Transport Malta qiegħdha tippjana major resurfacing għall-partijiet minn din it-triq filwaqt li fil-bqija tat-triq issir il-manutenzjoni regolari skont il-prijoritajiet li jirriżultaw. Transport Malta trid iżda tikordina dawn ix-xogħlijiet ma’ l-entitajiet għax hu mifhum li hemm xi pjanijiet ta’ trinekk min-naħa tagħhom. Il-bqija tat-triq li mir-roundabout tal-Mellieħa twassal sa fejn kien hemm il-Belleview, ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta.
San Pawl il-Baħar — Toroq li qed isiru minn Transport Malta
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq li bħaliisa qed isiru minn Transport Malta f'San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq li bħalissa qed isiru minn Transport Malta f'San Pawl il-Baħar huma parti minn Triq Annetto Caruana u Triq Jean de la Cassiere.