Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizzi postali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-pajjiżi li jsir servizz ta' posta lejhom bil-baħar? Jista' l-Ministru jgħid separatament ukoll il-frekwenza u l-iskeda ta' dan is-servizz lejn kull pajjiż jew żona u l-ħlas li jsir mill-konsumatur f'dan ir-rigward? Jista' l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar tibdil fl-iskeda, fil-frekwenza tas-servizz u fil-ħlas ta' dan ir-rigward?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fl-ewwel parti tal-mistoqsija tiegħu tista` tinstab fl-Avviż Legali Numru 138 ta` l-1993, kif emendat b`Avviż Legali Numru 15 ta` l-1997. It-talba għal dan is-servizz ma tidhirx li hija kbira ħafna. Jiena nfurmat li l-Maltapost qed titlob li twaqqaf is-servizz tal-posta bil-baħar lill-pajjiżi kollha. It-talba tal-kumpanija bbażata fuq li hija qed tifaċċja diversi diffikultajiet b-dan is-servizz, fosthom telf finanzjarju, dewmien sinifikanti u nuqqas ta` kontroll fuq il-kwalita` tas-servizz. Il-kumpanija qed issostni wkoll li s-servizz tal-posta bil-baħar qed jinqata` ukoll minn ħafna pajjiżi madwar id-dinja għall-istess raġunijiet. Din it-talba għadha qed tiġi diskussa.

San Pawl il-Baħar — Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar xogħol ta' tarmac fi Triq San Pawl li minn quddiem l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar tagħti għal quddiem Palazzo Pescatore? Jista' jgħid ukoll x'ikkaġuna l-ħsara li fiha din il-parti tat-triq? Jista' jgħid min se jagħmel it-tiswijiet li hemm bżonn li jsiru u min se jħallas l-ispejjeż għal dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li m`hemmx `records` għand id-Dipartiment dwar meta kien sar l-asfalt fit-triq Parades, San Pawl il-Baħar. Is-sena l-oħra l-Kunsill ta` San Pawl il-Baħar, nieda proġett ta` tiġdid tas-servizzi fil-qalba tar-raħal u bħala parti mix-xogħol saru ħafna trinek li kixfu d-difetti strutturali kbar li kien hemm fil-pedamenti tagħha. Peress li s-sena l-oħra kien hemm ħafna toroq magħluqa f`San Pawl il-Baħar, ma setax isir xogħol għal bini mill-ġdid ta` din it-triq, u għalhekk ingħatat kisja ħafifa bl-asfalt biex it-triq tkun tista` tintuża. Il-pedamenti tat-triq tant huma mibnija ħażin li anke matul din is-sena partijiet minn dan l-asfalt temporanju kellhom jissewew diversi drabi. Issa li tlesta x-xogħol f`Mosta Road, id-Dipartiment tat-Toroq ħareġ sejħa għall-offerti għal biex il-pedamenti ta` din it-triq jerġgħu jinbnew mill-ġdid, u meta x-xogħol jitlesta` it-triq tkun tista` tingħata l-asfalt finali.

Raħal Ġdid — Triq Valletta - Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 16678, li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek, u cioe': Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol fuq is-sistema tat-traffiku ħdejn il-Madonna ta' Lourdes fi Triq Valletta, Raħal Ġdid (konness ma' l-estensjoni tal-Ħabs)? Jista' l-Ministru jgħid x'irrużultalu t-Traffic Control Board fir-rigward ta' dan ix-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Kunsill tar-Raħal Ġdid ġieli ddiskuta l-problema li teżisti 'Valletta Road' fejn it-triq hi wiesgħa ħafna u hi maqluba b'dik li tissejjaħ 'negative chamber'. Għadha ma nstabitx soluzzjoni għal din il-problema minħabba li t-triq hi wiesgħa ħafna u mibnija fuq kullimkien, u allura jinħolqu livelli mhux aċċettabbli għar-residenti ta' l-inħawi.

Żejtun — Triq it-Tamburin

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta, bejn wieħed u ieħor, Triq it-Tamburin fiż-Żejtun se ssir minħabba li tinsab fi stat mhux aċċettabbli?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.

PTA — Wied il-Għajn

Question

Jaf il-Ministru bit-tibdil fir-rotta ta' Wied il-Għajn, dik li tgħaddi minn San Tumas (Nru 17), li se tkun ta' inkonvenjent għar-residenti ta' l-inħawi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma saru ebda talbiet biex isir xi tibdil fir-rotta ta` Wied il-Għajn, dik li tgħaddi minn San Tumas Nru. 17. Talbiet oħra li saru fil-laqgħa bejn il-Kunsill Lokali ta` Wied il-Għajn u l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku qegħdin jiġu evalwati.

Fgura — Triq Hompesch - Ristrutturazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-offerti għar-ristrutturazzjoni ta' Triq Hompesch, Fgura? Jekk fl-affermattiv, meta ħarġet u x'progress sar? Jista' jgħid ukoll meta se jibda x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-sejħa għall-offerti biex Triq Hompesch, Fgura tinqala` u tinbena mill-ġdid ħarġet xhur ilu. Iż-żmien biex jgħalqu l-offerti kien is-7 ta` Diċembru 1999, u issa t-`tender` tinsab fil-fażi ta` l-aġġudikazzjoni għad-Dipartiment tal-Kuntratti. Ix-xogħol jibda hekk kif il-kuntratt jiġi ffinaliżżat.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema toroq fit-Tieni Distrett Elettorali se jsiru mid-Dipartiment tat-Toroq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li din is-sena xogħolijiet fit-toroq ser isiru f`dawn il-lokalitajiet:- Fgura - Hompesch Road, Triq il-Koppla, Triq il-Pelikan, Triq l-Iskola, Triq Scicluna u Triq San Ġwann; Żabbar - Triq Villabete, Triq Oraldino, Bieb is-Sultan u Berebies; Senglea - Triq is-Sur; Tarxien - Triq Ġwann Mamo, Triq Fieres, Triq Burlo, Triq Kejka, Triq C. Saliba, Triq S. Spiteri, School Perimeter, Triq M. Vella u P-O Sorijiet; Xgħajra - Triq Mahoney, Triq Żabbar u New Street in Fortizza. Xogħolijiet oħra jsiru skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment.

Marsa — Qormi Rd - Zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jiġi ssuġġerit lill-Kunsill Lokali tal-Marsa li jsir zebra crossing f'Triq Ħal Qormi, Marsa (kantuniera ma' Triq Karmnu Abela, Ħamrun)?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jara x'jista' jsir.

Għajn Tuffieħa — Żviluppi

Question

Peress li wasluli lmenti dwar żviluppi li se jsiru fil-bajja ta'Għajn Tuffieħa, Golden Bay fuq il-baħar fejn huma frekwentati mill-pubbliku u mit-turisti, jista' l-Ministru jinfurmani x'applikazzjonijiet kellha jew għandha quddiema l-Awtorita' Marittima dwar dawn l-iżviluppi? X'inhija l-pożizzjoni ta' l-AM dwar dawn l-iżviluppi llum? X'deċiżjonijiet ittieħdu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li ma hemm l-ebda applikazzjoni dwar żviluppi li se jsiru fil-bajja ta' Għajn Tuffieħa li ġiet riferuta lill-Awtorita' Marittima.

Karozzi tal-linja — Testijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar kemm saru testijiet dwar l-użu ta' fuel mill-karozzi tal-linja f'dawn l-aħħar tlett snin? Jista' jgħid x'irriżulta minn dawn it-testijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nagħmel riferenza għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12407 datata 11 ta' Jannar, 2000.

Attard — Triq Durer

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq Durer, Ħ'Attard?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.

Santa Venera — Mobile antennas

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-mobile antenna li twaħħlet fuq "Gemilli Flats", Triq l-Blata Kaħla, Santa Venera, hijiex koperta bil-permessi? Jikkonferma l-Ministru li kemm-il darba l-permess ġie approvat, jekk sarx xi environment and health impact assessment fid-dawl tad-dubji li hawn dwar l-effett negattiv ta' dawn l-antennas?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari Numru 16195 fuq l-istess suġġett li tkopri twaħħil ta` l-antenna msemmija mill-Onor. Interpellant. Jien infurmat li fejn jitwaħħlu dawn l-antennas jaqa` taħt il-ġuridizzjoni ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Dwar xi `health hazard` jien infurmat li mill-istudji li saru u għadhom qegħdin isiru, għadu ma ġiex ippruvat xjentifikament illi hemm xi periklu għas-saħħa.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li d-dipartiment tat-toroq jimpjega dawk l-istudenti li se jiggradwaw bħala periti li għall-ewwel darba huma speċjalizzati fl-inġinerija tat-toroq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Ministeru diġa` ħa passi mal-`Public Service Commission` sabiex l-istudenti li ser jigradwaw din is-sena u li kienu qed jistudjaw fuq xogħol ta` toroq ikunu jistgħu jiġu mpjegati bħala `Trainee A & CE`s fid-Dipartiment tat-Toroq.

Yachts

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammonta n-numru ta' yachts barranin li daħlu f'pajjiżna mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum? Jista' jgħid ukoll fl-istess perijodu kemm ammontaw in-numru ta' yacths Maltin li ħarġu barra l-pajjiż?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li billi kull 'yacht' x'ħin jidħol jew qabel ma joħroġ minn Malta huwa obbligat li jirraporta d-Dwana, nirrakkomanda lill-Onor. Membru li jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat. L-Awtorita' Marittima tista' tagħti biss in-numru ta' `yachts` barranin li jitolbu rmiġġ ġewwa wieħed mill-'Yachting Centres' amministrati mid-Direttorat tal-'Yachting'. Mill-ewwel ta' Jannar 2000 sa llum, in-numru ta' jottijiet li daħlu ġewwa il-'Yachting Centres' ta' l-Awtorita' Marittima kien ta' 211.

Toroq

Question

Peress li skond l-aħħar rapport dwar l-effiċjenza tal-kunsilli lokali rriżulta li toroq rurali u urbani huma fil-maġġor parti tagħhom fi stat inaċċettabli tant li matul dawn l-aħħar 20 xahar komplew imorru mill-ħażin għall-agħar, jista'l-Ministru jgħid x'ikkawża dan il-falliment fit-twettiq tal-politika tal-Gvern?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari Nru. 16287 li tapplika wkoll f`dan il-każ.

Hamrun — Pjazza Vittmi tas-Sette Giugno

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li Pjazza l-Vittmi tas-Sette Giugno, Ħamrun, tingħata t-tarmac peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għadu dif ingħata kuntratt biex jiġu asfaltati t-toroq tar-Rabbat li jinkludi wkoll ix-xogħol f`din il-pjazza. Ix-xogħol mistenni li jibda malli d-dokumenti tal-kuntratt jitlestew.

Ħamrun — Triq Guże' Bajada

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li Triq Guże' Bajada, Ħamrun, tingaħta t-tarmac peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari Nru. 16715 li tkopri wkoll ix-xogħol f`din it-triq.

Ħamrun — Triq Frans Camilleri

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li Triq Dun Frans Camilleri, Ħamrun, tingħata t-tarmac peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpelant għall-mistoqsija parlamentari Nru. 16715 li tkopri wkoll ix-xogħol f`din it-triq.

Ħamrun — Triq Willie Attard

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li Triq Willie Attard, Ħamrun, tingħata t-tarmac peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari Nru. 16715 li tkopri wkoll ix-xogħol f`din it-triq.

Imtarfa — Bypass

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex tneħħiet waħda mir-roundabouts ta' l-Imtarfa bypass bla permess jew l-approvazzjoni tat-Traffic Control Board?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-titjieb fit-triq ta`l-Imtarfa huwa proġett biex jittaffa t-traffiku mill-qalba tar-Rabat u biex joħloq mezz ta` aċċess aħjar għal Ħad Dingli u l-Imtarfa. Għalhekk ir-`roundabout` tneħħiet għaliex fil-pjan ma għadx hemm aktar bżonnha.