Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani — Ċentri ta’ Matul il-Jum– tibdil fit-tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fil-persuni li jmexxu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani minn Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ għaliex ġara dan? F’kull każ kif ġew appuntati l-persuni l-ġodda li ħadu l-kariga? Fejn ħarġet is-sejħa għal dawn il-pożizzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm żewġ tibdiliet fil-persuni li jmexxu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani minn Marzu 2013 sal-lum. Dan ġara peress li waħda mill-Uffiċjali nkarigati taċ-Ċentru rtirat bl-eta’ u l-Uffiċċjal inkarigat l-oħra ġiet trasferita għar-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul. Id-Dipartiment mexa fuq l-istess proċeduri ta’ dan l-aħħar għoxrin sena. Ma saret l-ebda ħatra jew appointment peress li x-xogħol indikat isir minn persuni tal-istess grad.

Anzjani — Ċentri ta’ matul il-jum - – post ta’ officer in charge

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki intalbu biex persuna tkun tista’ tapplika għall-post ta’ officer in charge fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-anzjani? X’kien il-minimu ta’ snin ta’ esperjenza li ġew mitluba biex persuna tkun tista’ tapplika għal din il-kariga? Jista’ jgħid jekk kienx hemm każijiet fejn persuni li daħlu jaħdmu fi grad bażiku f’Ċentri tal-Anzjani wara Marzu 2013 ġew promossi għal officer in charge fix-xhur ta’ wara? F’liema ċentri ġara dan?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment mexa fuq l-istess proċeduri ta’ dan l-aħħar għoxrin sena. Ma saret l-ebda promozzjoni jew ħatra peress li x-xogħol indikat isir minn persuni tal-istess grad.

Child Care Centre — standards

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-istandards mitluba biex xi ħadd ikun jista' jopera Child Care Centre? Jista' jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kopja tad-dokument - Standards Nazzjonali għall-Facilitajiet tat-Tfal ta' Matul il-Jum qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Politika Nazzjonali dwar it-Tfal – politika ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10577 u jagħti d-dettalji u d-dati tal-proċess tat-tfassil tal-Politika Nazzjonali ġdida dwar it-Tfal?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10644.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – konsulenti u persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10465, u jgħid jekk sal-lum il-Ministeru żiedx iktar konsulenti (inkluż persons of trust), oltre dawk li ssemmew fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 349, li qegħdin jagħtu kontribut fid-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid x’terms of reference għandhom il-konsulenti (u persons of trust) kollha għall-ħidma tagħhom fil-Ministeru?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi segwitu tal-Mistoqsija Parlamentari numru: 349, ġew ingaġġati dawn il-konsultenti: Strategic and Priorities Unit Dr Andy Ellul Terms of Reference Legal Consultant Contracts for Service – Advisory/Consultancy Terms of Reference Profs Maurice Mullard Financial and Budgetary matters Mr Godwin Mifsud Pensions Reform/Drafting of Strategy Dr Aaron Grech Pensions Reform/Drafting of Strategy Persons on Trust (Advisory) Terms of Reference Ms Maria Rauch Consultant re EU Funds, LEAP Project

Awtorità tad-Djar – każ ta’ persuna miż-Żejtun

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna miż-Żejtun li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema dwar applikazzjoni mal-Housing?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna in kwestjoni m’għandhiex applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali pendenti.

Pensjonijiet – Pjan tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan tal-Gvern dwar il-pensjonijiet għas-snin li ġejjin? Il-Ministeru tiegħu ser jimxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet li hemm fir-rapport tal-Kumitat li kien immexxi mis-Sur Spiteri Gingell, liema rapport tfassal minn numru t'esperti wara xhur twal ta' konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żmien li hu kien Ministru u anke qabel, minkejja li l-Gvern ta’ dak iż-żmien kellu dan ir-rapport quddiemu sa minn Dicembru 2010, kważi ma mplimenta ebda rakkomandazzjoni li saret fih. B’konsegwenza ta’ dan, meta l-Pensions Strategy Group li waqqaf il-Gvern preżenti f’Gunju 2013 reġa eżamina dawn ir-rakkomandazzjonijiet sab li tant intilef żmien prezzjuż li kellu jerġa’ jibda x-xogħol mill-ġdid. Dan il-Grupp issa kważi temm il-ħidma tiegħu fuq it-tfassil tal-istrateġija tal-pensjonijiet u din se tkun qed titħabbar dalwaqt.

Residenza San Vinċenz de Paul – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul din l-aħħar sena? Jista’ jagħti lista ta’ f’liema gradi ġew ingaġġati u x’inhi l-paga tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħol ta’ manutenzjoni jew xogħlijiet oħra saru fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn Marzu 2013 s’issa? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u jekk dawn ingħatawx ix-xogħol permezz ta’ direct order jew ta’ tender?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Marzu 2013 s’issa saru madwar 28 biċċa xogħol ta’ manutenzjoni, fejn ħafna mix-xogħol sar mill-ħaddiema tar-Residenza San Vinċenz de Paul. Il-materjal inxtara permezz ta’ talba għall-kwotazzjoni, kif stipulat fir-regolamenti finanzjarji. Meta tali xogħol ma setax isir mill-ħaddiema ta’ San Vinċenz, saret talba għal kwotazzjoni sabiex isir ix-xogħol, dejjem skont ir-regolamenti finanzjarji. L-ispiża u l-metodu kif sar dan huma ndikati fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Sadanittant qed ikun evalwat il-mod kif ikomplu jsiru proġetti simili u li l-proċess tagħhom jinbidel fl-istess linja ta’ rakkomandazzjonijiet li kellna.

Servizz ta’ Homehelp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ngħataw servizz ta’ homehelp tul is-sena 2013 u l-2014? Jista’ jgħid jekk hemmx waiting list għal dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 3742-il persuna li ħadu dan is-servizz fis-sena 2013 u 3576 li ħadu s-servizz fis-sena 2014 (sal-aħħar ta’ Settembru). Bħalissa hemm 107 djar jistennew għall-homehelp. Dawn diġa ġew referuti lill-kuntratturi u se jingħataw is-servizz fi żmien qasir.

Servizz ta’ homehelp ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ngħataw servizz ġdid ta’ homehelp minn April 2013 sal-lum u f’liema lokalitajiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ingaġġ ta’ Home helpers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati nies biex jaħdmu bħala home helpers din l-aħħar sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista aġġornata ta’ persuni li qed jagħtu konsulenza fil-Ministeru tiegħu u kemm qed jitħallsu f’paga, allowances u perkaċċi oħra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għandu 4 persuni li jagħtu konsulenza. 1. Persuna part-time – Skala 3 (pro rata) + Allowance tal-karozza u expertise allowance u mobile phone allowance. 2. Persuna full time - € 64,000 3. Persuna part-time – Skala 5 (pro rata) + Expertise Allowance, mobile phone u car allowance 4. Persuna full time – Skala 3 + Allowance tat-trasport + mobile phone allowance

Djar tal-anzjani – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’kemm żdiedet il-waiting list ta’ anzjani li jridu jidħlu fi djar residenzjali tal-Gvern jew fi djar residenzjali mikrijin minnu minn Marzu sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Marzu ta’ din is-sena kien hemm 1935 applikazzjoni fil-lista ta’ stennija għad-dħul fi Djar tal-Anzjani tal-Gvern jew fi djar residenzjali mikrijin mill-Gvern u sal-lum hemm 1950 applikazzjoni .

Djar tal-anzjani – dħul ta’ anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani ġodda fi djar residenzjali tal-Gvern jew fi djar residenzjali mikrijin minnu minn Marzu sal-lum? Jista’ jgħid mil-liema lokalitajiet ġejjin dawn l-anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar tal-anzjani — Żieda fis-sodod

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm żdiedu sodod residenzjali ġodda għall-anzjani f’entitajiet governattivi matul is-sena li għaddiet? Fejn żdiedu u kemm f’kull każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar tal-anzjani – prijorità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qed jiddeċiedi l-prijorità ta’ liema anzjani jidħlu f’dar residenzjali tal-Gvern? Min huma l-persuni fuq dan il-bord tal-għażla? X’inhuma l-kriterji li qed jimxi fuqhom dan il-bord tal-għażla?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċess tal-għażla għad-dħul fir-Residenza San Vinċenz de Paule u kif ukoll fid-djar residenzjali tal-Gvern, huwa kompletament f’idejn tim professjonali u multi dixxiplinarju kkordinat minn konsulenti ġerjatriċi. Dan it-tim jieħu ħsieb jeżamina kull applikazzjoni billi jħarsu lejn l-aspetti differenti li jinkludu dawk mediċi, soċjali u fiżiċi, kif ukoll il-livell ta’ dipendenza tal-individwu li jirriżulta mill-evalwazzjoni, b’hekk tkun tista’ tingħata priorita’ għad-dħul f’post addattat għall-bżonnijiet tiegħu.

Residenza San Vinċenz de Paul — Fluid and Food Thickener

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex jingħata l-Fluid & Food Thickener lill-anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul? X’konsegwenzi jista’ jkollu jekk dan ma jingħatax lill-anzjani? X‘periklu jista’ jpoġġi fih lill-anzjani dan in-nuqqas?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fluid and Food Thickener huwa terminu wżat għal-sustanżza li żżid il-viżkożita tal-likwidu mingħajr ma tbiddel it-togħma b’mod sostanzjali. Il-bażi tal-food thickener huwa jew polysaccharides (starch, vegetable gums u pectin) bħal arrow root, potato starch, guar gum, cornstarch jew proteina li jinkludu l-abjad tal-bajd u ġelatina. Fost l-anzjani l-food thickener jintuża sabiex il-persuna ndikata tkun tista tibla’ sustanzi likwidi b’inqas diffikultà.

Residenza San Vinċenz de Paul – Fluid and Food Thickener

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġurnata dam out of stock il-Fluid & Food Thickener fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Għaliex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm perjodu wieħed (1) fejn il-Food Thickener dam għal perjodu ta’ sebgħa u tmenin (87) ġurnata out of Stock. Dan ġara peress li tali prodott kien nieqes mis-Central Procurement and Supplies Unit. Meta l-amministrazzjoni ta’ San Vincenz kienet mgħarrfa bin-nuqqas ta’ thickener , kienet ittieħdet deċiżjoni u ntalbet l-awtorizzazzjoni sabiex jinxtara ammont adekwat ta’ thickener sabiex kull resident li kellu jew kellha bżonnu jkun moqdi.

Awtorità tad-Djar — każ ta' persuna minn Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna minn Raħal Ġdid li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar perikolu fis-saqaf?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament applika għall-irranġar u titjib fir-residenza tiegħu fi Frar 2014. Meta din il-persuna ġiet mitluba biex tersaq għall-iffirmar tal-ftehim mall-Awtorità tad-Djar, din naqset li tagħmel dan u talbet lill-Awtorità tad-Djar għal aktar xogħlijiet. Għal darba oħra din il-persuna ser terġa’ tintalab tersaq għall-iffirmar tal-ftehim, b’xi xogħol miżjud.