Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — lista ta' direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti, sena b’sena, lista kollha ta’ direct orders li ngħataw mill-Ministeru, inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Settembru 1998 sat-8 ta’ Marzu 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Qasam Edukattiv – konsultazzjoni

Question

Minħabba li l-Ministru ripetutament jistqarr li jkun ikkonsulta ma’ kulmin hu konċernat dwar bidla ta’ policy, direzzjoni jew riforma fil-qasam edukattiv anke meta min ikun ikkonċernat, fosthom il-Malta Union of Teachers, joħroġ jgħid pubblikament li ma kienx hemm konsultazzjoni xierqa, rigward (a) il-middle schools, u (b) il-koedukazzjoni, separatament, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti (i) ir-rapport dettaljat dwar il-konsultazzjoni li saret mal-Malta Union of Teachers, l-amministrazzjoni ċentrali, l-amministrazzjoni tal-iskejjel, l-edukaturi (inklużi għalliema, koordinaturi f’kull qasam, learning support assistants, kindergarten assistants, counsellors, social workers, il-ġenituri u l-istudenti; (ii) kwestjonarju jew kwestjonarji li seta’ bagħat lil kull sezzjoni indikata, dwar iż-żewġ riformi u x’irriżulta minn dan/dawn il-kwestjonarju/i dwar kull riforma?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-Ministeru ilu minn Ġunju 2013 jaħdem fuq id-dħul tal-ko-edukazzjoni sekondarja u ħadem id f'id mal-MUT, Prinċipal, Kap, Assistenti Kapijiet u ġenituri u studenti tal-Kulleġġ Santa Klara. Din l-esperjenza kienet pożittiva ħafna u l-Prinċipali u Kapijiet ta' kulleġġi oħra kollha talbuna biex tidħol ko-edukazzjoni wkoll għandhom. Irċevejna wkoll reazzjoni pożittiva minn ġenituri u għalliema. Dak li rnexxielna nagħmlu b'suċċess bejn Ġunju u Settembru 2013 fil-Kulleġġ Santa Klara nistgħu nagħmluh aħjar fil-kulleġġi l-oħra sa Settembru li ġej. Qed jitħejja rapport dwar x'tgħallimna mill-esperjenza ta' Santa Klara biex nużawh mal-kulleġġi l-oħra. Meta l-gvern preċedenti daħħal ko-edukazzjoni fl-iskola nazzjonali sports ma għamel l-ebda tħejjija serja u konsultazzjoni. Din l-iskola hi suċċess. L-akbar sfida li għandna quddiemna hi kif inħaddmu mixed ability u differentiated teaching li l-gvern ta' qabel daħħal bla tħejjija serja. Bdejna nindirizzaw din il-problema permezz ta' programmi edukattivi alternattivi. Imma għadna fil-bidu u se jsir ħafna iżjed xogħol biex ngħinu lill-għalliema jilħqu lit-tfal b'ħiliet differenti permezz ta' sillabi u pedagoġija addattati.

Qasam Edukattiv – konsultazzjoni

Question

Minħabba li l-Ministru ripetutament jistqarr li jkun ikkonsulta ma’ kulmin hu konċernat dwar bidla ta’ policy, direzzjoni jew riforma fil-qasam edukattiv anke meta min ikun ikkonċernat, fosthom il-Malta Union of Teachers, joħroġ jgħid pubblikament li ma kienx hemm konsultazzjoni xierqa, jista’ l-Ministru jgħid (a) jekk kwestjonarju elementari jqisux bħala konsultazzjoni serja ma’ xi settur edukattiv indikat u (b) jekk laqgħat ta’ informazzjoni dwar deċiżjonijiet diġà meħuda, iqishomx laqgħat ta’ konsultazzjoni wkoll?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7107.

Ftuħ ta’ outdoor gyms

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm infetħu outdoors gyms mill-2008 sal-lum u x’inhu l-pjan tal-Gvern f’dan ir-rigward?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li mill-2008 sal-lum infetħu sitt outdoor gyms li jinsabu f'Ta' Qali, Ħal Qormi, il-Mellieħa, Ħaż-Żabbar, is-Siġġiewi u fil-ġonna tal-President f'Ħ'Attard. Il-Gvern bi ħsiebu jkompli jiftaħ aktar minn dawn il-faċilitajiet.

Skejjel tal-Istat – faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il għaqda sportiva qed jużaw faċilitajiet sportivi fl-iskejjel tal-istat, liema huma l-għaqdiet sportivi u liema huma l-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi għandu numru ta’ ftehim mal-Kunsill Malti għall-Isport dwar l-użu ta’ faċilitajiet sportivi fl-iskejjel. Dawn jinkludu tmienja u għoxrin (28) skola Sekondarja u Primarja, kif ukoll il-Higher Secondary tan-Naxxar. Il-lista ta’ dawn l-iskejjel u tal-għaqdiet sportivi li jużaw dawn il-faċilitajiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MFA u KMS – għajnuna għal grawds ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il klabb tal-futbol sarilhom grawnd ġdid permezz ta’ għajnuna mill-Kunsill Malti għall-Isports (KMS) u mill-Malta Football Association (MFA) mill-2008 ‘l hawn u liema huma?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Gvern għandu kuntratt mal-MFA u hija l-MFA li tagħżel liema grawnds jiġu rranġati

Għajnuna għall-klabbs tal-boċċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema klabbs tal-boċċi ħadu għajnuna mill-Gvern mill-2008 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

KMS – skemi sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-iskemi sportivi kollha amministrati mill-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) u s-sena ta' meta dawn ġew imwaqqfa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema għal Turiżmu Sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b'sena kemm kienu vvutati flus minn meta tnediet l-iskema għal turiżmu sportiv, kemm ibbenefikaw għaqdiet, u kemm ġabu bed nights?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — skejjel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal l-ippjanar ta’ skola/skejjel ġodda fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li jsiru l-applikazzjonijiet formali għal dan ix-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada għamlet it-talba lid-Dipartiment tal-Artijiet sabiex l-art tiġi esproprijata.

Skejjel – servizz ta’ after school

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema skejjel ingħata s-servizz tal-after school fis-sena 2012/2013? X’attivitajiet twettqu fil-ħin ta’ wara l-iskola? Kif jista’ ġenitur japplika, biex uliedu jkunu jistgħu jingħataw dan is-servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi qed tagħti dawn is-servizzi wara l-ħin tal-iskola: Klabb 3-16 f’dawn l-iskejjel Primarji tal-Istat: Malta: Mosta, Qormi, San Pawl il-Baħar, Luqa, San Ġwann, B’Kara, Fgura, Żurrieq, M’Scala, Naxxar, Ħamrun, Mellieħa, Żebbuġ, Pembroke, Rabat, Żabbar, Attard, Siġġiewi. Għawdex: Ir-Rabat u x-Xagħra. Klabb 3-16 huwa servizz ta’ kura u appoġġ għat-tfal ta’ bejn it-3 snin u s-16-il sena. L-attivitajiet li jsiru huma għajnuna fil-home work u attivitajiet rekreattivi bħal logħob, crafts, story telling u oħrajn. Il-ġenituri jistgħu jmorru saċ-ċentri sabiex jirreġistraw lil uliedhom hemmhekk u jibdew jagħmlu użu minn dan is-servizz. Is-servizz Nwar ingħata minn dawn l-iskejjel primarji: Bormla, Kirkop, Paola 'B', Qormi San Ġorġ, San Gwann 'B', Naxxar, Rabat 'B', B’Kara, Żejtun 'B' u Skola Sekondarja tas-Subien, Rabat, Għawdex. Is-servizz Nwar huwa programm ta’ għajnuna lit-tfal li għandhom diffikultajiet sabiex jitgħallmu jaqraw u jiktbu bil-Malti u bl-Ingliż. Il-ġenituri flimkien mal-iskola japplikaw għal dan is-servizz. Is-servizz ta’ Klabb Naħla ingħata minn dawn l-iskejjel primarji: Isla, Bormla, Żabbar B, Kirkop, Għaxaq, Ħamrun GP, Floriana, Pieta, Qormi San Ġorġ, Siġġiewi, Qormi San Bastjan, San Ġwann B, Sliema, Mellieħa, Rabat, Sta Venera. Qed jingħata wkoll f’dawn iċ-ċentri: Paulo Freire Institute, Qawra Aċċess, Marsa Local Council, Valletta Aċċess. Dan is-servizz qed jagħti għajnuna lit-tfal fl-iskola primarja li ġejjin minn backgrounds żvantaġġjati. L-iskola jew l-Aġenzija Appoġġ permezz tas-social workers jirreferu t-tfal għal dan is-servizz.

Stipendji – każ ta’ individwu

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6802, jista' l-Ministru jispjega kif l-istudent fl-MCAST li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament tnaqqaslu l-istipendju b'€23?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-istudent indikat mill-Onor. Interpellant irċieva żewġ pagamenti kif ġej: Pagament ta’ €83.86 li sar fit-2/12/2013. Dan kien l-ewwel pagament ta’ erba’ ġimgħat li jinħareġ mingħajr tnaqqis lil kull student tal-MCAST. Pagament ta’ €62.89 li sar fil-31/12/2013. Dan kien it-tieni pagament li jkopri tlett ġimgħat sal-15/11/2013. Għaldaqstant dan l-istudent ma kellu l-ebda tnaqqis iżda rċieva dak kollu li kien dovut jiġifieri tħallas tal-ewwel seba’ ġimgħat li attenda peress illi attenda l-lezzjonijiet kollha. Minn issa 'l quddiem l-istudenti ser jirċievu pagament għal kull erba’ ġimgħat u jkollhom tnaqqis biss jekk ma jattendux għal xi lezzjonijiet.

ETC – programmi ta’ xogħol għaż-żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi ta’ xogħol u programmi ta’ taħriġ l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ kellha għaż-żgħażagħ mill-2008 ’l hawn u kemm kien hemm parteċipanti f’kull programm mill-istess perijodu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn Ottubru 2007 sa Novembru 2013, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ipprovdiet esperjenza ta’ xogħol lil 2,728 żgħażagħ. Barra minn hekk, hija direttament sabet xogħol lil 1,966 żagħżugħ u żagħżugħa. L-iskemi tal-ETC li pparteċipaw fihom iż-żgħażagħ huma kif se nsemmi: Skemi li pparteċipaw fihom iż-żg ħa żag ħ Minn Ottubru 2007 sa Novembru 2013 Job Experience Scheme 734 Active Youth Scheme 103 Bridging the Gap 118 Work Trial 1,370 Community Work Scheme 84 Work & Training Exposure Scheme 319 Youth Employment Programme 6,260 Gozo Employment Aid 146 Employment Aid 1,701 Private Sector Placement Scheme 119 F’dak li huwa taħriġ, bejn Ottubru 2007 u Novembru 2013, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ħarrġet 13,333 żagħżugħ/a. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-korsijiet li tħarrġu fihom.

KMS – għaqdiet sportivi reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għaqdiet u entitajiet sportivi kienu rreġistrati mall-Kunsill Malti għall-Isport sena b’sena mill-2008 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ applikazzjonijiet sottomessi u proċessati mill-2008 sal-2013 hu kif ġej: Sena Ammont Sottomess Ammont Proċessat 2008 189 0 2009 98 239 2010 69 71 2011 43 68 2012 63 63 2013 26 28 Hemm 19-il applikazzjoni li qegħdin fil-proċess ta' reġistrazzjoni. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li s-sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ għaqdiet sportivi mal-Kunsill Malti għall-iSport ġiet introdotta fl-2008 u għalhekk l-applikazzjonijiet, għalkemm intlaqgħu fl-aħħar xhur tal-istess sena, bdew jiġu pproċessati fl-2009.

KMS – walking and jogging clubs

Question

Jista’ jgħid f’liema lokalitajiet u ċentri qed isiru l-walking and jogging clubs tal-Kunsill Malti għall-Isport u kemm parteċipanti pparteċipaw sena b’sena f’dan il-programm?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-programm imsemmi mill-Onor. Interpellant ġie introdott fl-aħħar tas-sena 2012. Il-lokalitajiet u ċentri flimkien mal-għadd ta' parteċipanti fl-2013 huma kif ġej: Kumpless Sportiv, Kirkop 578 parteċipant Skola Sekondarja Subien, Kulleġġ San Injazju, Ħandaq 323 parteċipant Skola Sekondarja Subien, Kulleġġ Santa Margerita, Bormla 291 parteċipant Skola Sekondarja Subien, Kulleġġ Maria Regina, Mosta 738 parteċipant It-total ta' parteċipanti fl-2013 kien 1930. Darba fil-ġimgħa jkun hemm coach li jgħin lill-parteċipanti biex jagħmlu programm ta’ taħriġ personalizzat.

Ta’ Qali – użu tal-faċilitajiet tal-High Ropes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni użaw il-faċilitajiet tal-high ropes f’Ta’ Qali minn meta fetħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-20 ta’ Diċembru 2009 sal-15 ta’ Diċembru 2013, użaw il-highropes 5,898 persuna.

Programmi sportivi fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi sportivi fl-iskejjel qed jittellgħu mill-SPU u kemm kienu l-parteċipanti fihom mill-2008 ’l hawn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Atleti – skemi offurti mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi skemi hemm u li kienu offruti mill-Gvern għall-isportivi elite mill-2008 sal-lum u kemm fl-istess perijodu bbenefikaw minnhom atleti sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-atleti elite jingħataw għajnuna mill-Kunsill Malti għall-iSport li tgħaddi assistenza finanzjarja lill-Kumitat Olimpiku Malti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji dwar skemi oħra li bbenefikaw minnhom atleti elite.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — skemi ta' rtirar kmieni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-Segretarjat privat tiegħu, fil-Ministeru, dipartiment u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu hemmx persuni impjegati li bbenefikaw minn skemi ta’ rtirar kmieni jew skemi oħra simili mnedija mill-Air Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – servizzi/għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra lista ta’ servizzi/għajnuna soċjali kollha offruti mill-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, kif ukoll għal kull każ jgħid min jista’ jibbenefika, kemm jista’ jibbenefika, kif trid issir il-proċedura tal-applikazzjoni, il-persuna responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ kull miżura kif ukoll xi informazzjoni oħra relatata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.