Legislature:
Category:
Reset
Active:

Msida — Muturi pparkjati

Question

Billi ġewwa Triq Ta' Xbiex fl-Imsida kantuniera ma' Antonio Bosio Str, Msida qed ikun hemm muturi pparkjati ġo parking bay ta' karozza, meta eżatt maġenb din il-parking bay hemm parking bay apposta għall-muturi li qed tkun vojta, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-forzi ta' l-ordni, jiġifieri l-wardens jew il-pulizija, qed iħallu dan l-abbuż isir sfaċċjatament? Jista' jara li dan l-abbuż jieqaf?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7671.

Qrati — Persuni ħatja dwar traffikar ta' droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm instabu persuni ħatja ta' traffikar ta' droga s-sena l-oħra? X'weħlu l-barranin f'kull kas u x'weħlu l-Maltin? Billi l-liġi tgħid illi min jinstab ħati ta' traffikar ta' droga jistgħu jiġu kkonfiskati xi flus, bini u affarijiet oħra, jista' jgħid kemm ġew ikkonfiskati flus, bini u affarijiet oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2004 fil-Qorti nstabu 44 persuna ħatja ta' traffikar ta' droga. Minn dawn 25 kienu Maltin filwaqt li kien hemm 19-il barrani. L-informazzjoni dwarhom mitluba hi kif tidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija — Partita Floriana/Valletta

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu pulizija waqt l-inkwiet li nqala’ bejn il-partitarji wara l-logħba bejn Floriana u Valletta ta’ nhar is-Sibt 23 ta’April, 2005 fl-istadium nazzjonali? Kien hemm min korra serjament u se jkollu jibqa’ barra mix-xogħol? Kemm ġew arrestati nies? X’akkużi nġabu kontrihom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-inċidenti msemmija mill-Onorevoli Interpellant, weġgħu minn ta' lanqas żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija, li wieħed minnhom ġie mogħti s-sick leave. Infurmat ukoll illi b'konnessjoni ma' dawn l-istess inċidenti qed jittieħdu proċeduri kriminali kontra għaxar persuni.

Pulizija — Partita Senglea/Hamrun

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministu jgħid jekk itteħdux passi kontra dawk il-persuni li waddbu numru mhux ħażin ta’ fliexken żgħar tal-plastik wara l-logħba bejn Senglea u Hamrun li saret fil-ground Victor Tedesco nhar is-Sibt 23 ta’April 2005? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm pulizija fil-ground? Kemm minnhom kienu xogħol u kemm bħala extra duty bi ħlas?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi in konnessjoni ma' l-inċidenti msemmija mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra erba' persuni. Infurmat ukoll illi għal din il-logħba kien hemm dettaljati ħmistax-il membru tal-Korp tal-Pulizija, li ħamsa minnhom kienu extra duty on payment.

Kunsilli lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sindku għandux dritt jittermina kuntratt ta' impjieg mingħajr ma jkollu l-approvazzjoni uffiċjali tal-kunsill lokali?

Response (BORG, TONIO)

L-ebda Sindku m'għandu dritt jittermina kuntratt ta' impjieg mingħajr l-approvazzjoni tal-Kunsill. Naturalment dan jgħodd fil-każ ta' kuntratti viġenti, u mhux fil-każ ta' kuntratt li t-terminu tiegħu ikun skada.

Żebbuġ — Kunsill lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ qiegħed ikollu problemi biex jiltaqa' f'seduta? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Kunsill Lokali Żebbuġ (Malta), preżentament jinsab mingħajr Segretarju Eżekuttiv kif ukoll mingħajr Deputat Segretarju Eżekuttiv. Qed isiru sforzi sabiex jinħatar Aġent Segretarju Eżekuttiv, sakemm il-Kunsill jingaġġa s-servizzi ta' Segretarju Eżekuttiv skond il-liġi.

Gwardjani lokali — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali relatati ma' ksur tar-regolament/liġijiet ambjentali din is-sena u s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Paradise Bay — Użu għal rave party

Question

Jidhirlu l-Viċi Prim Ministru li hu sewwa u ġust li l-Paradise Bay kellha tingħata lil xi ħadd biex isir rave party bi nhar u anke bil-lejl, bi ħlas u għall-profitt, filwaqt li l-poplu kollu jinżamm milli jmur jgħum jew igawdi l-inħawi waqt li ħaddieħor jistagħna? Kemm se jħallas l-organizzatur għall-kiri tal-bajja għall-party li se jsir ġewwa Paradise Bay f'Ġunju li ġej?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi meta jingħataw permessi biex isiru attiviatajiet f'bajjiet, il-permessi jkunu suġġetti għall-kundizzjoni li l-bajja tibqa' aċċessibli u miftuħa għall-pubbliku. Id-Dipartiment tal-Artijiet ma irċieva l-ebda ilment mill-pubbliku li xi ħadd inżamm milli jmur jgħum meta saret l-aħħar attivita' f'din il-bajja. Rigward l-attivita' li sa ssir f'Ġunju li ġej, l-organizzaturi ser iħallsu mija u ħamsin lira maltin (Lm150).

Qrati — Esperti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħareġ flus il-gvern fi ħlasijiet għall-esperti tal-qorti s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 l-Gvern ħallas l-ammont ta' Lm339,886.67 lill-esperti tal-Qorti f'Malta, filwaqt li għall-istess perijodu, fil-Qorti ta' Għawdex l-ispiża kienet ta' Lm11,155.66.

Inkjesti maġisterjali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn inkjesti maġisterjali pendenti llum u fuq xiex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li hemm 1,475 inkjesti pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta), filwaqt li fil-Qorti ta' Għawdex hemm 178. Ai termini tal-liġi, informazzjoni fuq x'hiex huma dawn l-inkjesti, ma tistax tingħata.

Qorti — Oġġetti misruqa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm insterqu oġġetti mill-qorti kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm minnhom instabu u x'insteraq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-uniku rapport ta' serq mill-Qrati tal-Ġustizzja f'dawn l-aħħar 10 snin seħħ fis-sena 2003. Fis-17 ta' Novembru 2003, Security officer irraporta li naqsu erba' fire extinguishers mill-basement tal-Qorti. Sal-lum dawn għadhom ma nstabux.

Pulizija — Xogħol waqt partiti tal-football

Question

Jikkonferma l-Viċi Prim Ministru li fil-maġġoranza tal-pulizija li jkunu xogħol bi ħlas waqt partiti tal-football ikunu hemm fuq bażi volontarja (extra duty)? X’persentaġġ ikun hemm li jkunu assenjati bħala xogħol? Jikkonferma li peress li issa dawn il-pulizija ilhom ma jitħallsu minn Novembru, 2004 hemm minnhom li mhux qed japplikaw li jmorru volontarjament u b’konsegwenza qed ikunu ordnati? X’inhu l-ammont totali sa l-24 ta' April 2005 li jridu jitħallsu l-pulizija li għamlu xogħol fil-grounds tal-football? Jista’ jgħid jekk dan jinkludix ukoll lil Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-extra duty on payment fil-Korp tal-Pulizija issir minn dawk il-membri tal-Korp li jkunu talbu sabiex jaħdmu dan ix-xogħol kull fejn ikun meħtieġ fuq bażi volontarja. Infurmat ukoll illi bħala regola, f'logħbiet tal-football normalment 33% tal-Pulizija assenjati ikunu bi ħlas. Ikun hemm okkażżjonijiet fejn, f'logħbiet ta' ċertu entita, dan il-persentaġġ jiżdied. Fil-preżent l-ammont dovut mill-MFA dwar extra duty on payment huwa ta' Lm15,029, filwaqt li dak għal Għawdex huwa ta' Lm1,701.

Ta' Qali Crafts Village

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11299 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u mistoqsija parlamentari 11714 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe' jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma l-kirjiet ta' proprjeta' li hemm f'Ta' Qali crafts village?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi f'Ta` Qali Crafts Village kien hemm disgħa u disgħin (99) allokazzjoni b'kirja u waħda b'ċens. Id-99 kirja ma ġewx imġedda wara l-31 ta' Diċembru 2003. L-allokazzjoni mogħtija b'ċens għada għaddejja. Peress li dawn l-allokazzjonijiet kienu amministrati mill-Malta Development Corporation sal-31 ta' Diċembru 2003, mhux possibli minn naħa tad-Dipartiment tal-Artijiet li jgħid kemm kienet tinġabar kera. Iċ-ċens ta' disa' mija u tlettax-il Lira Maltija (Lm913) fuq l-unika allokazzjoni enfitewtiku għadu qiegħed jinġabar.

Ħal Farrugġ — Art biswit Triq Bughadam

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk din l-art biswit Triq Bughadam f'Ħal Farruġ hijiex tal-gvern - pjanta mmarkata bl-aħmar qed tintbagħat separatament? Jekk inhi hekk, liema dipartiment hu responsabbli tagħha? Jista' jgħid jekk jistax titnaddaf din l-art mill-iskart industrijali li hemm ġo fiha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija tal-Gvern, iżda hija amministrata mill-Malta Industrial Parks Ltd li taqa' taħt il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Informazzjoni Teknoloġika.

Ħal Farrugġ — Art biswit Triq Bughadam

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk din l-art biswit Triq Bughadam f'Ħal Farruġ hijiex tal-gvern - pjanta mmarkata bl-aħmar qed tintbagħat separatament? Jekk inhi hekk, liema dipartiment hu responsabbli tagħha? Jista' jgħid jekk jistax titnaddaf din l-art mill-iskart industrijali li hemm ġo fiha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija tal-Gvern, iżda hija amministrata mill-Malta Industrial Parks Ltd li taqa' taħt il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Informazzjoni Teknoloġika.

Ħal Qormi — Reati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienu r-reati kriminali rapportati lill-puliizja f'Ħal Qormi kull sena mill-2001 sa l-2004, reat reat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-reati kriminali irrapurtati lill-Pulizija fil-limiti ta' Ħal Qormi matul is-snin 2001-2004, skond l-istatistika miżmuma mill-Pulizija, kienu kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.