Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu d-dħul annwali (inklużi bonuses u allowances): a) tal-Prim Ministru; b) ta' kull ministru fil-Kabinett; u c) ta' kull Segretarju Parlamentari?
Minbarra dan id-dħul, il-Prim Ministru, kull ministru u kull Segretarju Parlamentari huma ntitolati għal faċilita' ta' karozza jew aktar? Jekk aktar, kemm?
F'kull każ, kemm kienet l-ispiża annwali għal kull karozza, għall-provdiment u l-manutenzjoni tagħha fis-sena 2004?
Il-Prim Ministru, kull ministru u kull Segretarju Parlamentari huma ntitolati għal xufier jew aktar? Jekk aktar, għal kemm-il xufier?
Fil-preżent, min huma x-xufiera tal-Prim Ministru, kull ministru u Segretarju Parlamentari?
Fuq liema bażi kuntrattwali huma mpjegati?
Kemm għandhom salarju, bonuses u allowances kull wieħed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, jiġifieri d-dħul annwali tal-Prim Ministru, tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari, nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-Tweġiba li kont tajt f’Novembru tas-sena l-oħra għal Mistoqsija Numru 8736 (Seduta Numru 188). Naturalment, is-salarji ndikati f’dik it-Tweġiba jridu jiġu aġġustati minħabba ż-żieda għall-għoli tal-ħajja (COLA) mħabbra fl-aħħar Budget.
Dwar il-faċilità ta’ karozza, barra l-karozza Ministerjali, il-Prim Ministru, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari huma ntitolati wkoll għal karozza oħra għall-użu privat tagħhom. L-informazzjoni dwar l-ispiża għal kull waħda minn dawn il-karozzi trid tinġabar u dwar dan tingħata t-tweġiba f’xi Seduta oħra.
Dwar ix-xufiera tal-Ministri u Segretarji Parlamentari, ninforma lill-Onorevoli Membru li skond Guidelines stabbiliti dwar l-ingaġġ ta’ mpjegati fis-Segretarjati ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari, il-Prim Ministru, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari huma ntitolati għal żewġ xufiera/uffiċjali tas-sigurtà, li s-salarju tagħhom ma jistax jeċċedi Skala 14 ta’ l-iSkali tas-Salarji fis-Servizz Pubbliku u li huma ntitolati wkoll għal allowance ekwivalenti għal 35% ta’ din l-iSkala minflok ħlas għall-overtime. Dawn ix-xufiera jiġu mpjegati fuq bażi ta’ kuntratt jew ta’ ftehim li jvarja skond jekk ix-xufier ikunx diġà mpjegat fis-servizz jew is-settur pubbliku jew jekk ikunx ġie mpjegat minn barra. Kopja ta’ dan il-ftehim/kuntratt jinstab fil-Guidelines imsemmija hawn fuq.
Ma naħsibx li huwa l-każ li noqgħod nagħti l-ismijiet ta’ dawn ix-xufiera.
B'żieda għal tweġiba parlamentari 10290, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk:-
id-dipartimenti u l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu jagħtux xi għajnuna lil għaqdiet volontarji u organizzazzjonijiet mhux governattivi, fi kwalunkwe forma, bħalma huma għotjiet ta' flus, materjal, użu ta' proprjeta', self ta' ħaddiema, benefiċċji minn skemi, eżenzjonijiet, eċċ.?
Jekk fl-affermattiv: (a) lil liema għaqdiet u organizzazzjonijiet; b) kenitx għotja ta' darba biss jew tingħata perjodikament; u (c) kemm hu stmat li tiswa l-għajnuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Kif jaf il-Prim Ministru, f'Marzu 2004 għalqu l-applikazzjonijiet għall-fondi marbuta ma proġetti mitluba minn sorsi Ewropej bħal EST, ERDF, etc.
Jista' il-Prim Ministru jinforma: a) kemm kien hemm applikanti? b) min kienu l-applikanti? c) jekk saret l-għażla minn dawn l-applikazzjonijiet, liema proġetti ġew magħżula u kif hu maħsub li jitqassmu l-flus miksuba għal dawn il-proġetti: d) min iddeċieda liema applikazzjonijiet jiġu magħżula? e) jekk ċerti applikazzjonijiet instab li ma kienux mimlijin sewwa kif suppost, saru l-isforzi jew għajnuna biex ċerti proġetti proposti f'dawn l-applikazzjonijiet ma jiġux skartati fuq punti tekniċi, u allura jintilfu flus li setgħu ġew mogħtija? f) meta jerġgħu jinfetħu l-applikazzjonijiet, dawk li ma ntgħażlux jistgħu jerġgħu jiġu kkunsidrati jekk jipproponu l-istess proġett? g) l-applikazzjonijiet jew aħjar il-proġetti magħżula, jistgħu jiġu mxandra fuq ġurnali ta' kuljum? h) kemm hu stmat li jkun il-valur totali ta' għajnuna li tista' tingħata biex jitwettqu l-proġetti magħżula, u kemm iridu joħorġu aktar flus il-promoturi biex tiġi koperta l-ispiża nvoluta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li:
(a) L-applikanti għas-sejħa ta’ proġetti għall-fondi strutturali li saret f’Marzu 2004 kienu 71.
(b) Fil-maġġoranza kbira tagħhom l-applikanti kienu entitajiet pubbliċi (Ministeri, Awtoritajiet, Korporazzjonijiet, istituzzjonijiet edukattivi u soċjali). Kien hemm żewġ applikazzjonijiet minn Kunsilli Lokali u applikazzjoni waħda mill-imsieħba soċjali.
(c) Il-lista tal-proġetti magħżula s’issa tinsab fuq il-website www.ppcd.gov.mt. Il-proġetti jinkludu infrastruttura pubblika fil-qasam tat-trasport, ambjent, turiżmu, edukazzjoni u taħriġ, skemi ta’ għajnuna lill-bdiewa, sajjieda u lill-industrija, u skemi ta’ taħriġ u mpjieg.
(d) Il-proġetti ġew magħżula fuq kriterji approvati mill-Kumitat ta’ Sorveljanza. Il-Kumitat ta’ l-Għażla tal-Proġetti evalwa l-proġetti skond dawn il-kriterji u għamel ir-rakkomandazzjoni lill-Kabinett tal-Ministri li approva l-proġetti.
(e) Il-Kumitat ta’ l-Għażla tal-Proġetti għamel kull sforz (laqgħat kif ukoll korrispondenza bil-miktub ma’ l-applikanti u ma’ esperti esterni) biex kemm jista’ jkun ma jiġux skartati applikazzjonijiet eliġibbli.
(f) L-applikanti tal-proġetti li ma ġewx magħżula ġew infurmati bir-raġunijiet għalfejn il-proġett ma ġiex magħżul. Sejħa ġdida għall-proġetti tkun marbuta ma’ miżuri partikulari tal-Programm u għalhekk wieħed irid jara jekk il-proġett hux eliġibbli taħt il-miżura li tkun miftuħa għall-proġetti.
(g) Il-proġetti kollha magħżula s’issa jinsabu fuq www.ppcd.gov.mt.
(h) Il-valur totali tal-Fondi Strutturali għall-proġetti magħżula kollha hu €61,387,411. Ma’ dan, fil-każ ta’ proġetti pubbliċi, l-Gvern irid joħroġ madwar €19,270,750 (li hu bejn wieħed u ieħor 26% ta’ l-ispiża eliġibbli ta’ dawn l-istess proġetti) u l-VAT (fejn din mhix spiża eliġibbli). Fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna lis-settur privat, (miżuri 1.3, 3.1, 3.2 u parti minn miżura 3.3), il-Gvern qed joħroġ madwar €3,395,118 ta’ l-ispiża eliġibbli u s-settur privat €9,852,859 ta’ l-istess spiża.
Awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji — Użu ta' proprjeta'
Question
Jista' il-Prim Minsitru jgħid jekk l-awtorita' Maltija għas-servizzi finanzjarji jew il-Bank Ċentrali ta' Malta tul l-aħħar ħames snin kellhomx rapporti dwar - jew ikkonstatawx - l-użu mingħajr il-permessi jew liċenzji meħtieġa ta' proprjeta' bħala uffiċini ta' xi bank kummerċjali? F'każijiet simili, x'passi jittieħdu u x'inhuma l-implikazzjonijiet għall-bank jew banek in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji — Chairpersons/diretturi/kapijiet eżekuttivi
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk qatt sarx stħarriġ mir-Reġistratur tal-Kumpanniji jew l-Ispettorat għas-Servizzi Finanzarji fi ħdan l-awtorita' Maltija għas-servizzi finanzjarji jew mill-board ta' l-accountancy dwar xi irregolaritajiet relatati ma' każi fejn uffiċjali (chairpersons, diretturi jew kapijiet eżekuttivi) ikollhom uliedhom jew qraba immedjati tagħhom fl-ingaġġ ta' l-istess awdituri tal-kumpannija tagħhom? Jekk fl-affermattiv, kienx hemm każi relatati ma banek kummerċjali u x'passi ttieħdu? X'inhuma r-riperkussjonijiet ta' każi simili - b'mod speċjali fid-dawl tal-liġi tal-kumpanniji u tal-liġi dwar il-professjoni ta' l-accountancy?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid:
a) x'inhi r-remunerazzjoni tar-Reġistratur tal-kumpanniji; b) x'allowances għandu; c) x'inhuma l-perks li jgawdi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata fil-mistoqsija għandu remunerazzjoni ta’ Lm18,311 fis-sena, allowances xejn u jagħmel użu minn karozza leased li għandha valur taxxabbli ta’ Lm741 fringe benefit fis-sena.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li qed tħoss li saret inġustizzja magħha min-naħa tad-dipartiment tat-taxxi interni fejn qed tiġi mitluba tħallas is-somma ta' Lm149, fejn hi qed tallega li m'għandha l-ebda kont pendenti ma' l-istess dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata tista’ tmur fit-Taxpayer Service (Blokk 4) tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni waqt il-ħin ta’ l-uffiċċju u tingħata l-għajnuna kollha meħtieġa.
(Tweġiba mogħtija: 13/04/2005PM)
(Seduta Numru: 254)
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - għandhiex id-dritt tħallas is-somma ta' Lm2,300 lid-dipartiment ta' l-inland revenue meta hi qed tallega li m'għandhiex kontijiet pendenti ma' l-istess dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata tista’ tmur fit-Taxpayer Service (Blokk 4) tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni waqt il-ħin ta’ l-uffiċċju u tingħata l-għajnuna kollha meħtieġa.
Bil-prezzijiet kurrenti taż-żejt, jista' il-Prim Ministru jikkompara l-prezz tal-petrol bil-lira Maltija u kemm kien ikun kieku Malta kienet qed tuża l-Euro?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Kastilja — Xogħlijiet mid-ditta tal-periti Architecture Project
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid liema xogħlijiet f'Kastilja wettqu d-ditta tal-periti Architecture Project? Kemm tħallsu fees sal-lum dawn il-periti? AP tqabbdu wara sejħa għall-offerti? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li għandhom il-periti AP?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kuntratt mal-konsulenti Architecture Project Ltd sar fis-6 ta’ Settembru 1996 u kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Huma tqabbdu bħala periti fuq ix-xogħolijiet ta’ restawr f’Kastilja fuq rakkomandazzjoni tal-Valletta Rehabilitation Project bil-kundizzjoni li l-istess isir bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi u bil-kundizzjoni li dan jiġi ċċertifikat mid-Dipartiment tax-Xogħolijiet. Apparti x-xogħol li sar qabel, ma sar ebda xogħol matul din il-leġislatura (i.e. minn April 2003 sal-llum).
Jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li kien għamel Gvern Nazzjonalista preċedenti tal-European Investment Bank, meta biex jissellef flus għal użu partikolari, intalab li jdaħħal taxxa fuq id-drenaġġ? Billi issa jidher li din it-taxxa se tiġi rtirata, jista' jgħid x'se jiġri billi issa nkisru l-kondizzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim ta’ self li kien sar mal-Bank Ewropew għall-Investiment fil-15 ta’ Diċembru 1995 dwar il-Malta Sewerage Project II.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-self miftiehem mal-Bank Ewropew għall-Investiment qatt ma ntuża u l-gvern ma sofra ebda danni jew ħlasijiet.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta' nisa impjegati mal-gvern fil-gradi rispettivi tagħhom? Kemm minnhom jinsabu fl-iskala minn 1 sa 4? Kemm minn dawn ħadu promozzjonijiet għal dawn l-iskali fl-aħħar tliet snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi fis-Servizz Pubbliku hemm 9,675 impjegati nisa full-time fil-gradi kollha.
Minn dawn, 45 jinsabu fi skali ta’ salarju minn 1 sa 4. Tnejn u tletin minnhom ħadu promozzjoni għal dawn l-iskali f’dawn l-aħħar tlett snin.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ listi li juru l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant:
Lista ‘A’ turi n-numru ta’ impjegati nisa f’kull grad fi skali ta’ salarju minn 1 sa 4 li qegħdin fuq Performance Agreement, kif ukoll dawk fl-istess skali li m’humiex fuq Performance Agreement.
Lista ‘B’ turi n-numru ta’ impjegati nisa f’kull grad fi-skali ta’ salarju minn 5 sa 20.
Jista' il-Prim Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm kien hawn impjegati fiċ-ċivil illi s-sena li għaddiet kellhom dħul akbar mis-somma dovuta lill-President tar-Repubblika? F'liema dipartiment kienu, x'tip ta' xogħol kienu jagħmlu u xi grad kellhom?
Kemm ġew imqabbda advisors, konsulenti u esperti biex jgħinu s-servizz pubbliku fl-istess żmien li matul is-sena li għaddiet kellhom dħul akbar minn tal-President tar-Repubblika? Min kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10450 u cioe' jgħid liema xogħlijiet wettqu f'Kastilja d-ditta tal-periti Architecture Project? Kemm tħallsu feessal-lum dawn il-periti? AP tqabbdu wara sejħa għall-offerti? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li għandhom il-periti AP?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10450.
Jista' il-Prim Ministru jagħti xi indikazzjoni meta jista' isir l-aħħar pagament lid-depożitanti tal-BICAL peress li l-aħħar pagament li sar issa ilu s-snin?
Jista' jgħid ukoll jekk wara li jsir il-pagament li jmiss hemmx xi ħsieb li d-depożitanti jingħataw xi forma ta' ħlas barrani, biex jagħmel tajjeb għall-imgħaxijiet li ntilfu minn mindu għalaq l-imsemmi BICAL fuq 30 sena ilu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma jkunx għaqli li issa jsiru distribuzzjonijiet oħra qabel it-tqassim finali. Qegħdin isiru t-tħejjijiet meħtieġa sabiex din il-likwidazzjoni tiġi konkluża fi żmien qasir.
L-ammont li jiġi distribwit fuq tali likwidazzjoni u lil min, ikun jiddependi mit-tħejjija tal-pjan ta’ distribuzzjoni
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11540 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment,. Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jgħid meta hu maħsub li jingħataw iż-żidiet u l-arretrati ta' l-istess żidiet lill-pensjonanti ex-ħaddiema tal-BOV, u dan skond l-aħħar ftehim kollettiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11482 f’Seduta Numru 251 mill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjetà Soċjali.
Jista' il-Prim Ministru jgħid f'liema stat wasal ix-xogħol fuq Dar Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-interior designs huma lesti u dawn jinkludu t-tqassim ta’ kmamar, sistemi ta’ sigurtà, telephones u IT. Dawn l-arranġamenti huma intenzjonati għall-bini kollu b’mod partikulari għall-Ambaxxata Maltija fil-Belġju u r-Rappreżentanza Permanenti.
B’dawn fil-post inkunu nistgħu naġġornaw l-applikazzjoni għall-permessi li kienu diġà ġew sottomessi mill-kuntratturi għal refurbishment minimu fuq standards kummerċjali. B’dawn il-permessi ġodda jkollna Ambaxxata u Rappreżentanza Permanenti ta’ livell xieraq.
Fil-frattemp, xogħolijiet bħal żarmar ta’ fittings u fixtures u ġarr ta’ terrapien li ma kellhomx bżonn permessi diġà saru. Ix-xogħol il-kbir u viżibbli jinbeda mal-ħruġ tal-permessi.
Kummissjoni għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji
Question
Peress li f'mistoqsija parlamentari 11419 tad-9 ta' Marzu 2005 il-Prim Ministru ġie mistoqsi jikkonferma li wara li skada t-terminu għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji l-gvern ħareġ estimi sussidjarji konċernanti kumpens li kien ġie rakkmandat mill-istess kummissjoni u l-istess Prim Ministru kien irrisponda li l-informazzjoni mitluba kienet qed tinġħabar, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk din l-informazzjoni s'issa nġabritx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Numru 11419 fl-4 ta’ April 2005 waqt seduta numru 251.