Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10845 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek, ċioe': jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti tad-Dipartiment ta' l-Anzjani biex tinfetaħ dar ta' l-anzjani tal-privat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-djar ta' l-anzjani huma liċenzjati taħt il-provedimenti ġenerali ta' l-Ordinanza dwar il-Professjonijiet Mediċi u l-professjonijiet li għandhom x'jaqsmu magħha.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-linji ta' gwida li tuża d-Diviżjoni tas-Saħħa biex tagħti pariri dwar ħruġ ta' liċenzji.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ta'l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq li ġew ippreżentati fl-aħħar jiem lill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pjanti li ġew preżentati huma voluminużi (madwar 1,000 pjanta) u għadhom qed jiġu ikkunsidrati mit-tim tekniku tal-Fondazzjoni għas-servizzi Mediċi qabel ma jiġu approvati.
Jista' l-Ministru jgħid fl-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq kemm se jkun hemm sodod għall-pazjenti? Kemm minn dawn is-sodod huma day beds?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fl-ewwel fażi tal-proġett huwa ippjanat li jkun hemm madwar 650 sodda għall-`inpatients` `day beds`. In-numru finali ta` sodod akunti jiġu determinat iktar il-quddiem wara li jintemmu ir-riformi fis-settur ta` l-isptarijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun hemm assenjati sodod lil kull speċjalita' u sub-speċjalita' individwalment fl-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq? F'kull każ, l-ammont tas-sodod ivarja mir-rapport ippreparat mill-Hospital Planners SDC, taħt l-amministrazzjoni Laburista preċedenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Għadu kmieni biex jiġi deċiż kif ser jkunu assenjati is-sodod lil kull speċjalita fl-isptar il-ġdid. Wara l-proċess ta` verifika u riforma li beda fl-isptar San Luqa, inkunu f`pożizjoni aħjar li niddeterminaw b`ċertezza l-allokazzjoni tas-sodod.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern preżenti hux ser jimxi fuq il-pjani tal-Gvern Laburista preċedenti biex l-infrastruttura ta' barra mill-foot print preżenti fl-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq jingħata wara sejħa ġdida għat-tenders?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Gvern preżenti qed jimxi fuq il-Memorandunm of Understandingiffirmat ma Skanska Malta J.V. f`Diċembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jitlesta l-bini ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq? Meta mistenni li dan l-isptar ikun jista' jilqa' l-ewwel pazjenti fih? Kemm hu mistenni li jdum il-proċess kollu tat-trasferiment tax-xogħol kollu li jsir fl-Isptar San Luqa għall-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-bini ta` l-ewwel fażi ta` dan il-proġett hu mistenni li jkun lest fis-sena 2003, fejn l-ewwel pazjenti jintlaqghu minnufih. It-trasferiment tas-servizzi fl-ewwel fażi tal-proġett għandu jdum madwar sentejn.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema partijiet ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq mhux se jkun hemm arja kondizzjonata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-partijiet fl-Isptar il-Ġdid li mhux ser ikollhom arja kondizzjonata huwa kif imniżżel fid-dokument hawnhekk mehmuz.
Madanakollu wieħed irid jinnota li dawn l-areas ser ikollhom il-ventilazzjoni neċessarja skond l-ASHREA standards. Dan ifisser li minkejja in-nuqqas ta` arja kondizzjonata f`dawn l-areas, l-atmosfera ser tkun xorta waħda komda.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W30, li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u li ġiet riferuta għalik u cioe': Billi naf li hemm mill-inqas enrolled nurse wieħed li jaħdem fi sptar privat u li hu interessat li jkun sponsored mill-istess sptar fejn jaħdem biex jagħmel il-Conversion Course għal SRN u billi dan it-tip ta' kors isir biss mill-Institute of Health care, għaliex persuni bħal dawn ma jitħallewx jattendu għal dan il-kors ladarba l-Institute se jitħallas għal dan il-Conversion Course mill-isptar privat in kwestjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Enrolled Nurses li qed jattendu jew li ser jattendu il-Convension Course għal SRN ġew magħzula wara li ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li kienet miftuħa għall-impjegati fis-Settur Pubbliku biss. Għaldaqstant persuni oħra ma jistgħux jattendu l-imsemmi kors.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-metodu ta' tindif fl-isptarijiet u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid f'kull każ jekk hemmx il-ħsieb ta' xi tibdil fil-metodi ta' tindif u kif beħsiebu jimxi l-Ministru f'kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa t-tindif kemm fl-isptarijiet kif ukoll fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tas-Saħħa isir mill-ħaddiema impjegati mad-Diviżjoni tas-Saħħa, minbarra xi sezzjonijiet fl-isptar San Luqa - li jsiru mill-kuntrattur li kien ingħata t-tender tat-tindif.
Hu maħsub li la darba jagħlaq il-kuntratt preżenti ta' tindif, dan ix-xogħol ukoll jibda jsir mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tas-Saħħa bħala parti mir-riforma li qegħda ssir fil-Qasam tas-Saħħa.
Bħal ma diġa sar qabel kull riforma li ġiet imnedija sa issa, sar studju xjentifiku u ntensivta' kif jista'jogħla l-livell tas-settur ta' l-indafa fl-isptarijiet bil-għan li ntejbu s-servizz għall-klijenti tagħna filwaqt li nagħtu image u identita' ġdida lill-ħaddiema ta' dan is-settur. Għaldaqstant, biex ix-xogħol ta' tindif fl-isptarijiet jilħaq il-livell professjonali mixtieq, filwaqt li jiġi iffaċilitat l-operat tal-ħaddiema ser jiġi introdott programm ta' tindif professjonali bbażat fuq:
i. protokolli għal tindif professjonali
ii. programmi speċjalizzati ta' taħriġ intensiv dwar metodi
ta' tindif fl-isptarijiet
iii. introduzzjoni ta' makkinarju industrijali biex
jiffaċilitizza t-tindif
iv. introduzzjoni ta' uniformi ġdida lill-ħaddiema li
minbarra li tagħtihom corporate identity, tagħtihom ukoll image
professjonali
Billi mhux l-ewwel darba li fil-Parlament f'din il-leġislatura tħabbar id-dħul ta' impjegati fid-Dipartiment tas-Saħħa, inkluż il-paga, allowances u overtime ta' individwi, jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar mill-1 ta'Ottubru, 1998 sa l-aħħar ta' Settembru 1999, min huma l-impjegati, l-ID Card u l-grad tagħhom fid-Dipartiment tas-Saħħa li f'xi xahar qalgħu aktar minn Lm100 overtime? F'kull każ kemm kien il-valur f'termini ta' flus ta' dan l-overtime?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tiġi miġbura u minħabba l-kunfidenzjalita sejra titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-format tas-soltu f`xi seduta oħra.
Id-dettalji kif mitluba mill-Onor. membru sejrin jiġu mgħoddija lilu b`mod kunfidenzjali meta dawn jinġabru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi ħarġitx allowances minn Settembru 1998 sal-lum lil x'impjegati li jaħdmu fid-dekasteru tal-Ministeru tas-Saħħa? Jekk fl-affermattiv, min huma dawn l-impjegati, il-grad tagħhom, kemm hu l-ammont ta' l-allowance, għal-liema raġuni f'kull każ toħroġ jew ħarġet din l-allowance?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bejn Settembru 1998 u illum il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi ma ħarġet l-ebda allowance lill xi impjegati fid-dikasteru tal-Ministru tas-Saħħa ħlief lill-impjegati ta` l-istess Fondazzjoni, kif stipulat fil-kuntratti rispettivi tagħhom. Dawn il-kuntratti ġew impoġġija fuq il-mejda tal-kamra ma tweġiba għal-mistoqsija parlamentari numru 10137.
Jista' l-Ministru jgħid, ġurnata b'ġurnata mill-1 ta' Mejju, 1999 sa l-aħħar ta' Ottubru 1999, kemm kien hemm pazjenti fis-secure unit ta' l-Isptar Monte Carmeli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' pazjenti li kien hemm fis-`Secure Unit' tal-isptar Monte Carmeli ġurnata b'ġurnata mill-1 ta' Mejju, 1999 sa l-aħħar ta' Ottubru, 1999 huma kif jidher fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid matul ix-xahar ta' Ottubru 1999 min mill-impjegati fl-Isptar Monte Carmeli ngħata l-faċilita' li juża t-trasport tad-dipartiment minn u lejn id-dar? F'kull każ, kemm-il darba ngħata din il-faċilita' tul Ottubru 1999?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-posizzjoni fix-xahar t' Ottubru 1999 kienet l-istess bħal dik mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari Numru 10074.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba hemm fuq il-waiting list għal qabar fiċ-ċimiterju ta' Sant Andrija, Ħaż-Żebbuġ? L-estensjoni li qiegħda issir bħalissa f'dan iċ-ċimiterju se tkun biżżejjed biex tissodisfa talbiet li hemm pendenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm ħamsa u disgħin talba fuq il-`waiting list' għal qabar fiċ-ċimiterju ta' Sant Andrija, Ħaż-Żebbuġ.
Nixtieq ninforma li baqa jinbnew tmintax-il qabar bħala parti mill-konstruzzjoni oriġinali ta' l-istess ċimiterju u mhux bħala estenzjoni. Għaldaqstant mhux se jiġu ssodisfati t-talbiet pendenti kollha f'dan iċ-ċimiterju.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax tinsab soluzzjoni għall-problema ta' infestazzjoni ta' ġrieden li hemm fl-inħawi tas-Suq tal-Belt fejn hemm it-triq mħaffra fi Triq San Pawl kantuniera ma' Triq it-Teatru l-Antik, Valletta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl'area indikata fl-inħawi tas-Suq tal-Belt isir trattament regolari mill-`Rodent Control Section' tad-dipartiment tas-Saħħa għal kontra il-ġrieden. L-aħħar żewġ trattamenti saru fis-sitta ta' Settembru u fil-wieħed u għoxrin ta' Ottubru 1999.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu f'kull każ l-inkjesti li saru jew għadhom qed isiru dwar imwiet li seħħew fl-Isptar San Luqa minn Settembru 1998 sal-lum? Il-familjari tal-mejta ġew infurmati bir-riżultati ta' dawn l-inkjesti? Meta huwa maħsub li jintemmu l-inkjesti dwar l-imwiet? Għaliex il-familjari jitħallew fil-għama dwar dawn l-inkjesti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Peress li xhur ilu kienet ħarġet call for tender għat-tindif ta' l-Isptar San Luqa, jista' l-Ministru jgħid jekk din ġietx magħżula? Jekk le, min qed jesegwixxi t-tindif u jekk dan hux qed isir b'direct order lill-privat jew jekk hux mill-ħaddiema tal-Gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
1. L-ebda offerta ma ġiet magħżula wara s-sejħa għall-offerti.
2. Ix-xogħol ta` tindif illum qed isir mid-ditta Salamander Janitor Services Ltd. b'estensjoni fuq il-kuntratt oriġinali li l-istess kumpanija kellha.
L-impjegati ta` l-oħra baqgħu jagħmlu xogħol ieħor ta` tindif f'dawk l-'areas' li ma kienux parti mill-kuntratt oriġinali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent għandu ngaġġat mal-Ministeru tiegħu u kemm jitħallsu dawn il-konsulenti individwalment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' konsulenti ngaġġati mal-Ministeru tas-Saħħa huwa disa u tmenin (89) li minnhom erba' (4) huma barranin. Is-salarju tal-konsulenti Maltin huwa Lm7,482 fis-sena (Skala Nru 4) u dak tal-bararnin huwa kif ġej:
2 Lm7,482 fis-sena (bħal tal-Maltin) bla taxxa.
1 Lm35,000 fis-sena bla taxxa. Is-salarju jiġi
rivedut fis-sena 2001.
1 Lm42,000 fis-sena taxxabbli. Dan ser jitla'
għal Lm45,000 fis-sena taxxabbli
mill-01.01.2000.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10235, jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tas-saħħa hux qed jieħu xi miżuri preventivi f'dan ir-rigward? U jekk id-dipartiment tas-saħħa hux qed isegwi/jorganizza xi tip ta' survey f'dan ir-rigward?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent għaddej bl-istħarrig fuq dan il-każ.
Peress li hemm arranġament bejn iż-żewg dipartimenti fir-rigward ta` monitoraġ, li dan isir mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent u r-riżultati miksuba jiġu mogħdija lil dan id-dipartiment, ma hemmx għalfejn isir xi monitoraġ ieħor.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' pazjenti li matul din is-sena ddaħħlu fl-isptarijiet ta' l-Istat ibatu mill-marda tal-Parkinsons Disease? Xi programm ta' kura jingħataw? Kemm kien in-numru ta' pazjenti matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena li ddaħħlu għal din il-kura u x'etajiet kellhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
1. Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal- Hospital Activity Analysis fis-snin mill-1994 u mill-1998 u mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru ta' din is-sena ddaħħlu fl-Isptar San Luqa 263 każ ta' Parkinsons disease (ICD-9 code 3320; ICD-10 code G20). L-etajiet tagħhom kienu kif jidher fit-tabella segwenti:
Eta' (Snin)
__________________________________________ _______________________
Sena 30- 40- 50- 60- 70- 80- 90- Eta' mhumiex Total
39 49 59 69 79 89 99 irrekordjata
________________________________________________ _________________
1994 0 1 3 12 15 12 0 0 43
1995 0 3 2 12 12 23 1 3 56
1996 2 3 8 11 17 12 0 3 56
1997 0 2 3 7 19 8 1 0 40
1998 0 2 8 7 16 9 0 0 42
1999 0 0 8 8 2 8 0 0 26
Parti
_______________________________________ ___________________________
Total 2 11 32 57 81 72 2 6 263
_____________________________________________ _____________________
2. Ma' dawn wieħed iżid numru akbar ta' persuni li jattendu regolarment bħala Out-Patients. in-numru totali ta' pazjenti ji jirċievu trattament għal Parkinson's disease fuq Skeda V huwa viċin is-700.
3. Id-Dipartiment joffri servizz komplut ta' dijanjosi u trattament għal Parkinson's Disease. Il-mediċini liċenzjati fl-Ewropa u fl-Amerika u li huma effettivi bħala kura għal din il-marda huma kollha għad-dispożizzjoni ta' l-ispeċjalisti li jkunu huma li jiddeterminaw il-ħtiġijiet individwali ta' kull pazjent. F'każi estremi ġew referuti pazjenti għall-operazzjoni ta' pallidotomy li ssir barra minn Malta iżda ta' min jirrimarka li dawn ma tawx ir-riżultati mixtieqa.
Dwar żviluppi ġodda li qed isiru fil-kura tal-Parkinson's, l-ispeċjalisti tagħna qed iżommu ruħhom kontinwament aġġornati dwar:
i. mediċini ġodda;
ii. progress fil-qasam tal-kirurġija fuq il-moħħ; u
iii. deep brain stimulation
Dawn is-servizzi jiġu ntrodotti biss meta l-istudji xjentifiċi internazzjonali jaslu f'konklużjonijiet ċari dwar vantaġġi u benefiċċji għal pazjenti li jiżbqu dawk li toffri t-terapija preżenti.