Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sigurta' Soċjali — Każ ta' Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-pensjonant, li ismu qed jintbagħat separatament mhux qed tingħatalu ż-żieda dovuta lilu fil-pensjoni skond il-ftehim kollettiv tal-kumpannija Cargo Handling li magħha kien jaħdem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Raħal Ġdid

Question

Tista' il-Ministru tara għaliex fil-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament qed jidħol l-ilma minn shaft u kull darba jaqta' id-dawl?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar għall-ispezzjoni meħtieġa.

Għajuna Soċjali

Question

Tista' il-Minisru tara li d-dipartiment tas-sigurta' soċjali jirrevedi l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament billi hi qed tikkontesta li tħallset żejjed is-somma ta" Lm582.30 għall-mard, peress li d-dipartiment qed jgħid li l-mezzi ta' din il-persuna kienu jeċċedu l-iskala?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Awtorita' tad-djar — Servizz ta' care & repair

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'passi se tieħu l-awtorita' tad-djar biex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi megħjuna mis-servizz care & repair ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fl-14 ta' Ottubru 2004, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, fil-fatt applikat taħt Skema 5 ta' l-Awtorita' tad-Djar, jiġifieri għall-irranġar tar-residenza mikrija mill-privat, u mhux taħt l-inizjattiva tal-care and repair. Din l-applikazzjoni ser tiġi kkunsidrata.

Djar — Plot fi stat ta' abbandun

Question

Tista' il-Ministru tara li tittieħed azzjoni sabiex il-plot - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - ma jibqax fl-istat ta' mistħija li jinsab fih peress li huwa abbandunat, perikoluż u b'soqfa sporġuti? Tista' is-sitwazzjoni tiġi rimedjata anke għaliex peress li qrib il-hypogeum mhux l-ewwel darba li turisti waqfu jieħdu ritratti ta' dan il-plot?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-plot indikat hu tal-privat. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-periklu.

Adozzjonijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm saru adozzjonijiet wara Ġunju ta' l-2001, minn liema pajjiżi saru sena b'sena? Kemm minn dawk tar-Rumanija li ġew imsejħa pipeline cases inqdew? Huwa minnu li għad hemm xi nies li ma nqdewx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti fl-ewwel parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija ninsab infurmata wkoll li mid-disa familji li kienu bdew il-proċess għall-adozzjoni mir-Rumanija meta din twaqqfet, għad fadal tliet familji li ghadhom jistennew biex iġibu t-tfal minn dak il-pajjiż.

Sigurta' Soċjali — SAF

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm persuni fil-preżent li qegħdin jirċievu l-SAF u x'ammont ta' flus ħallas id-dipartiment tas-sigurta' soċjali s'issa din is-sena f'dan il-benefiċċju soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li preżentament hemm 465 persuna li qed jirċievu l-SAF u l-ammont imħallas għal dan il-benefiċċju din is-sena hu Lm1,249,760.25.

Sigurta' Soċjali — Pensjoni tal-Wens

Question

Tista' il-Ministru tgħid fil-preżent kemm hemm persuni li qegħdin jirċievu l-pensjoni tal-wens? Kemm kien hemm applikazzjonijiet ġodda matul din is-sena? Kemm minnhom ġew approvati, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sigurta' Soċjali — Pensjoni tal-Wens

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhu l-massimu tal-pensjoni tal-wens fil-preżent? X'inhuma l-kondizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti biex wieħed ikun eliġibbli għal din il-pensjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ammont massimu ta' pensjoni tal-wens hu ta' Lm33.11 fil-ġimgħa. Il-kundizzjonijiet biex persuna tikkwalifika għal din il-pensjoni huma dawk elenkati f'Artikolu 68 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, fosthom li: i) tkun ċittadina Maltija; ii) tissodisfa t-test tal-mezzi kif speċifikat fis-sub artikolu 68 (1)(b) ta' l-imsemmi Att; iii) tkun qed tieħu ħsieb weħedha, fuq bażi full time u regolarment tal-ġenitur tagħha, jew ħuha, oħtha, nannitha, zijuha, missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett li jkun/tkun qed igħix fl-istess dar ta' l-applikanti u, minħabba infermita', jkun/tkun kostrett/a li j/tgħaddi ħajtu/ħajjitha fis-sodda jew f'wheelchair.

Għajnuna Soċjali — Pensjoni tal-Wens

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kienu dawk il-persuni li rċevew il-pensjoni tal-wens? X'ammont ta' flus tħallas mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali kull sena minn mindu ġiet introdotta din il-miżura soċjali f'dan il-pajjiż minn Gvern Nazzjonalista? Kemm hemm benefiċċjarji u x'ammont tħallas s'issa din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jinġabar u Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Pensjonijiet — Żidied

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta hemm ħsieb li l-pensjonanti jieħdu ż-żieda li huma intitolati għaliha skond il-ftehim li kien intlaħaq qabel tħabbar il-budget għas-sena 2003?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għalkemm mhux ċar għal liema ftehim qed jirreferi l-Onor. Interpellant, ninsab infurmata li x-xogħol fuq ir-reviżjonijiet tal-pensjonijiet, kemm dawk li jirriżultaw minn xi ftehim kollettiv u kemm le, hu eżerċizzju kontinwu. Kif kelli okkażjoni ngħid fi tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti dwar is-suġġett, id-Dipartiment konċernat jagħmel dak kollu meħtieġ biex dawn ir-reviżjonijiet isiru fl-iqsar żmien possibbli.

Djar — Kera ta' postijiet tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk teżistix sistema li permezz tagħha l-kera għal bini residenzjali tal-gvern titnaqqas għax jiġi nieqes ir-raġel u l-mara ssir armla (u ma tkunx taħdem)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi jekk il-kirja saret qabel l-1987 allura l-kera tibqa l-istess. Jekk il-kirja saret wara, allura s-sussidju fuq il-kera jiġi rivedut kull sentejn skond id-dħul tal-familja matul is-sena preċedenti. Għalhekk meta jiġi nieqes ir-raġel, is-sussidju fuq il-kera jiġi rivedut fir-reviżjoni li jkun jmiss.

Entitajiet parastatali — Reviżjoni tal-pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid liema huma dawk l-entitajiet parastatali li għadha ma saritx reviżjoni tal-pensjoni - skond il-collective agreement- tal-ħaddiema li kienu jaħdmu magħhom? Tista' tgħid jekk hemmx xi żmien stipulat meta se ssir din ir-reviżjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif kelli okkażjoni ngħid fi tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti dwar is-suġġett, ix-xogħol fuq ir-reviżjonijiet tal-pensjonijiet, kemm dawk li jirriżultaw minn xi ftehim kollettiv u kemm le, hu eżerċizzju kontinwu. Id-Dipartiment konċernat jagħmel dak kollu meħtieġ biex dawn ir-reviżjonijiet isiru fl-iqsar żmien possibbli.

Djar — Applikazzjonijiet għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

B'riferenza għas-sena 2003 u għal perjodu Jannar sa Awissu 2004, tista' il-Ministru tkun daqstant ġentili u tgħid għal kull xahar: 1) kemm daħlu applikazzjonijiet ġodda għal akkomodazzjoni alternattiva maqsuma skond kull lokalita; 2) kemm ġew allokati djar mid-dipartiment; 3) kemm postijiet ġew lura f'idejn id-dipartiment matul kull xahar; 4) x'kien in-numru ta' postijiet li kellu f'idejh id-dipartiment fl-aħħar ġurnata ta' kull xahar; u 5) x'kien in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti fl-aħħar ġurnata ta' kull xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma jkollux stock ta' postijiet vojta li jistgħu jiġu allokati għax tali postijiet jiġu allokati hekk kif id-Dipartiment ikollu ċ-ċwievet. Ninsab infurmata wkoll li t-tagħrif mitlub fil-kumplament tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Familja — Applikazzjoni għall-fondi mill-UE

Question

Tista' il-Ministru tkun daqstant ġentili u tgħid liema kienu dawk l-entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta' Jannar 2004 sal-lum (kemm pre-accession u accession funds)? Għal liema fondi applikaw? Kemm-il proġett ġie sottomess? X'kien l-eżitu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Persuni self-employed — Ħlas ta' l-NI

Question

Fil-preżent, tista' il-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' persuni self-employed li huma regolari fil-ħlas tal-bolla tas-sigurta' soċjali, l-NI? Tista' tgħid kemm hu n-numru ta' persuni self-employed li għandhom arranġamenti speċjali sabiex iħallsu l-arretrati ta' l-NI? Tista' tgħid kemm hi ċ-ċifra globali li trid titħallas f'arretrati minn dawn is-self-employed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

B'seħħ mill-1 ta' Jannar 1998, ir-responsabbilta' għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali għaddiet taħt il-Kummissarju tat-Taxxi Nterni. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.

Djar ta' l-anzjani

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm inżammet jew ħallsu flus anzjani residenti ġo djar tal-gvern kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-informazzjoni mitluba għas-snin 2000 - 2003 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 3786 mogħtija f'Seduta Nru. 88. Ninsab infurmata li l-ammont għal din is-sena bejn Jannar u Settembru kien ta' Lm1,795,037.

Single mothers — Children's allowance

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhu n-numru ta' ommijiet mhux miżżewġa li bħalissa qed jingħataw xi forma ta' għajnuna? F'din is-sena kemm ingħataw f'children's allowance u benefiċċji oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Sigurta' Soċjali — Children's allowance

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm tħallas s'issa matul din is-sena f'children's allowance? Kemm-il familja qed tibbenefika? Kemm hu maħsub li se tkun is-somma totali li se titħallas f'din is-sena finanzjarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.