Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies jittraffikaw id-droga u b'pussess ta' droga fl-inħawi taċ-Ċentru tad-Detox matul l-1999 u fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar, 1999, u d-29 ta` Frar, 2000, inqabdu 3 persuni jittraffikaw u 5 persuni b`pussess ta` droga fil-lokalita` li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jinvestiga għalfejn l-persuni li l-art tagħhom ġiet esproprjata għadhom ma ġew offruti l-ebda kumpens allavolja għaddew kważi tlett snin u nofs u saret applikazzjoni bin-numru L449/94/II/I?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuni li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant u li l-art tagħhom kienet diġa` ġiet esproprjata, sena ilu għamlu talba biex biċċa art oħra li kien fadal ma` ġenb din l-art tiġi wkoll esproprjata, peress li ma setgħu jagħmlu xejn biha. Id-Dipartiment ta` l-Artijiet ma kellu l-ebda oġġezzjoni għal dan, tant li din l-art ġiet inkluża fil-proġett li għalih kienet ġiet esproprjata l-art qabel.
Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment għall-Ambjent għad irid jagħmel it-talba formali għall-akkwist ta` l-art li kien fadal sabiex id-Dipartiment ta` l-Artijiet ikun jista` jippublika d-dikjarazzjoni meħtieġa fil-Gazzetta tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema ta' l-Uffiċċju Konġunt? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti, każ b'każ? Jista'jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat, fl-Uffiċċju Konġunt sar trasferiment wieħed u dan sar fuq talba tal-persuna konċernata.
Bħal f`kull dipartiment ieħor, transfers minn u lejn dan id-dipartiment isiru skond l-esiġenzi tas-servizz fiċ-ċirkostanzi prevalenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għal swali tar-riċevimenti din l-aħħar sena minn Jannar 1999 sa Jannar 2000? F'liema lokalitajiet inħarġu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar, 1999, u l-31 ta` Jannar, 2000, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet permess wieħed għal sala ta` riċevimenti li tinsab fil-limiti taż-Żurrieq.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm persuni tħallsu, u kemm huma l-ammonti komplessivament, tal-esproprjazzjonijiet li saru ġewwa Bormla fil-bini f'Santa Liena fejn illum hemm block ta' flats li huwa amministrat mill-awtorita' tad-djar? Jista' wkoll jiġi ndikat kemm persuni għadhom ma tħallsux u tistax tiġi ndikata l-proċedura li għandhom jagħmlu dawn sabiex l-ħlas tagħhom isir?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta` l-Artijiet għadu ma għamel l-ebda ħlasijiet dwar l-esproprjazzjonijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant peress li għadhom qed isiru l-istimi tal-fondi in kwestjoni. Wara li l-prezzijiet jiġu ffissati jkun jonqos ukoll li jiġu identifikati s-sidien tal-proprjetajiet esproprjati.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija li tikkonċerna l-proċedura, ninsab infurmat li s-sidien jistgħu jagħmlu kuntatt mall-'Contracts Section' tad-Dipartiment ta` l-Artijiet biex jingħataw id-dettalji tad-dokumenti li huma meħtieġa sabiex, wara li jiġu stabbiliti l-prezzijiet, ikunu jistgħu jiġu konklużi il-kuntratti.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk huwiex minnu li numru ta' shelters ta' l-aħħar gwerra dinjija li jinsabu fil-belt Sengleana humiex qegħdin fil-pussess leġittimu jew illeġittimu ta' terzi persuni u jistax jinforma l-Kamra x'passi qed jittieħdu sabiex dawn jiġu spezzjonati u possibbilment mnaddfa?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf kulħadd f`diversi lokalitajiet f`Malta hawn kwantita` ta` shelters li kienu ġew imbarrati wara l-gwerra. Ninsab infurmat li minbarra xi numru żgħir ta` shelters li kienu nkrew mill-Gvern, ħafna minn dawn is-shelters kienu nfetħu illegalment minn terzi. It-Taqsima tal-Gvern għandha l-ħsieb li, maż-żmien, tieħu l-passi neċessarji biex tkun tista` tagħmel dak li qed jiġi suġġerit fil-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm arretrati ta' kirjiet u ċnus sa l-aħħar ta' Diċembru, 1999 li għandu jieħu l-Lands Department? Jista' jinforma l-Kamra kemm hemm kawżi jew atti esekuttivi pendenti u dawn fuq liema ammonti, sabiex dawn jiġu rkuprati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-arretrati tal-kirjiet u ċnus li għandu jieħu d-Dipartiment ta` l-Artijiet sa l-aħħar ta` Diċembru 1999 jammontaw għal Lm4,337,000. Ta` min wieħed jinnota li parti sostanzjali minn dawn l-arretrati hija dovuta minn entitajiet li huma proprjeta` ta` l-istess Gvern. Qegħdin isiru wkoll arranġamenti mad-Dipartiment tal-Finanzi biex dawk l-arretrati li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jinġabru jiġu 'written off'.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba jrid isir eżami manwali tal-files kollha u dan jinħtieġ ħafna żmien u ħafna riżorsi. Ma jidhirlix li l-użu ta` dan iż-żmien u riżorsi biex isir l-eżami msemmi hu ġustifikat. Hija l-policy tad-Dipartiment li jagħmel dak kollu possibbli biex jiġbor l-arrettrati ta` kera u ċnus.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba l-awtorita' ta' l-ippjanar hiex kkonsidrata għall-effetti legali bħala l-werrieta tal-PAPB u jekk le jistax jiġi ndikat min qed jiġi hekk ikkonsidrat li huwa?
Response (BORG, TONIO)
Skond l-Att I ta` l-1992, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar mhiex is-suċċessur legali tal-PAPB ħlief limitatament għal dawk il-permessi maħruġa mill-PAPB, li kienu normalment jingħataw għal sentejn, u li kienu għadhom validi meta ġiet fis-seħħ l-istess Awtorita`. Dan ġie konfermat ukoll b`deċiżjonijiet tal-Qorti ta` l-Appell. Il-PAPB kien regolat b`diversi avviżi legali u kien bord iddelegat mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi li kien responsabbli għal ħruġ tal-permessi.
Jista' l-Ministru jara li l-każ tal-persuna - dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament flimkien ma' site plan - jiġi riżolt biex il-persuna nvoluta li hija anzjana u b'diżabilita' ma tibqax tbati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta` l-Artijiet qed jikkunsidra t-talba tal-persuna li saret referenza għaliha mill-Onor. Interpellant. Nifhem li dil-persuna bl-ebda mod ma ġiet imfixkla fl-okkupazzjoni tal-fond in kwestjoni.
Jista' l-Ministru jgħid hekk huwiex permess li warehouses jiġu msaqqfa b'corrugated sheeting u b'konsegwenza li l-ilma tax-xita minn fuq dawn is-soqfa jaqa' fit-triq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-liġi sanitarja ma tippermettix li l-ilma tax-xita jintrema` bil-mod kif indikat mill-Onor. Interpellanti, peress li dan l-ilma għandu jkun miġbur qabel ma dan jitrema` għat-triq permezz ta` katusa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx permess għal ħajt fi Triq Nikol Baldacchino, Qormi, mill-kumpannija Aquatess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn stħarriġ li sar jirriżulta li l-ħajt li qed tirreferi għalih l-Onorevoli Interpellanti jifforma parti minn żvilupp li għalih kien ħareġ permess li jġib in-numru P2120/78/2049/77 maħruġ fl-14 ta` Lulju 1978.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ir-residenzi kollha fi Triq Nikol Baldacchinom, Qormi, għandhom il-permess biex jibnu parapetti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fit-triq li rreferiet għaliha l-Onor. Interpellanti, skond l-iskemi ta` l-iżvilupp ma hemmx front garden impost, iżda is-sidien jistgħu minn rajhom jagħmlu setback il-ġewwa mill-linja uffiċjali tal-bini.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet r-raġuni li l-Planning Authority l-ewwel ħarġet permessi għal żewġ sulari fi Triq Nikol Baldacchino, Qormi u mbagħad ħarġet permessi ta' tliet sulari ma' l-istess bini, b'żewġ sulari?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li f`Diċembru ta` l-1993, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet policy fejn areas fejn kienu b`żewġ sulari, il-height limitation inbidlet għal tlett sulari b`eċċezzjoni ta` każijiet speċifikati fl-istess policy. Huwa għalhekk li qabel kienu jinħarġu biss permessi għal żewġ sulari u llum jinħarġu għal tlieta.
Jista' l-Ministru jikkonferma li d-Dipartiment ta' l-Artijiet qiegħed fil-proċess li jirrevedi l-ħlas tar-rata tal-qbiela fuq ir-raba' tal-gvern?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern qiegħed jistudja l-possibilita` li jniedi skema li biha jirregolarizza bi qbiela lil dawk in-nies li qed jaħdmu bla titolu proprjeta` agrikola tal-gvern.
Hemm il-ħsieb li tali skema tkopri ukoll dik ir-raba li llum taqa` taħt l-Uffiċċju Konġunt. Għaldaqstant, id-Dipartiment ta` l-Artijiet issospenda temporanjament ir-rikonoxximent ta` persuni li jallegaw li jaħdmu r-raba tal-Gvern taħt il-policy preżenti.
B'riferenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 14307, jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt sarx rapport dwar dawn iż-żewġ każijiet minn terzi fl-għassa tal-pulizija indikata u, jekk iva, jekk il-pulizija humiex jinvestigaw dan ir-rapport?
Response (BORG, TONIO)
Ma għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 14307.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fil-kampanja edukattiva li saret dwar is-sewqan fuq il-mezzi tax-xandir, bill-boards, etc?
Jekk qed tinżamm statistika ta' l-inċidenti tat-traffiku qabel, waqt u wara l-kampanja, x'inhuma r-riżultati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kampanja edukattiva għal sewqan aħjar swiet b`kollox madwar Lm60,000. Din is-somma tinkludi estimu tal-ħlas dovut lill-mezzi ta` l-istampa li taw is-servizzi tagħhom, relatati ma` din il-kampanja, mingħajr ħlas. Ta` min jirrepeti li ma ntużawx fondi pubbliċi għal din il-kampanja għax il-flus meħtieġa nġabru kollha permezz ta` donazzjonijiet u sponsorships.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li mat-tnedija ta` din il-kampanja ġiet introdotta sistema ġdida għal ġbir ta` statistika dwar inċidenti tat-traffiku li, fost ħwejjeġ oħra, tgħin biex il-pulizija jkunu jistgħu jidentifikaw u jikkonċentraw fuq accident black spots.
Ma hemmx dubju li, b`riżultat ta` din il-kampanja, l-pubbliku sar iżjed konxju mill-perikoli li jeżistu fit-toroq. Għalkemm fl-1999, tilfu ħajjithom 14-il persuna f`inċidenti tat-traffiku, ninsab infurmat li dan in-numru kien l-iżgħar wieħed mill-1991 `l hawn. Filwaqt li kampanji bħal din jgħinu biex jedukaw lis-sewwieqa u l-pedestrians billi jagħmluhom konxji mir-regolamenti tat-traffiku u li dawn għandhom jiġu osservati għall-benefiċċju tagħhom stess, il-frott ta` dan il-proċess ta` edukazzjoni ma jistax jitkejjel fi żmien qasir u għandu jiġi sostnut, partikolarment bil-kontribut tal-pulizija tat-taqsima tat-traffiku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Passaporti? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti, każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant sar trasferiment mis-Sezzjoni tal-Passaporti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reġistrazzjoni Ċivili għad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali.
Ir-raġuni għal dan it-trasferiment hija li l-uffiċjal huwa Għawdxi u ġie msejjaħ biex jibda jaħdem f`Għawdex.
Bħal kull dipartiment ieħor, trasferimenti minn u lejn dan id-Dipartiment isiru skond l-esiġenzi tas-servizz fiċ-ċirkostanzi prevalenti.
Dipartiment tar-Reġistru ta' l-Artijiet — Trasferimenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Reġistru ta' l-Artijiet? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat fil-Mistoqsija ma ngħata l-ebda transfer fir-Reġistru ta` l-Artijet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati inċidenti tat-traffiku fi Triq il-Ħelsien, Qormi sena b'sena mill-1994?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li statistika bid-dettalji hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellanti bdiet tinżamm mill-Pulizija minn Jannar ta` l-1998. It-tagħrif hu kif ġej : -
Sena Numru
---- -----
1998 14
1999 13
2000 * 2
* Sa l-20 ta` Frar.