Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel Indipendenti — Assenteiżmu

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm mill-ġenituri tas-648 studenti li fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 10784 jingħad li kienu assenti mill-iskejjel indipendenti bla ċertifikat u mhux skużati ttieħdu passi kontrihom bil-qorti? X'ġara dwar dawk il-ġenituri tal-254 studenti li fallew l-iskola mingħajr raġuni valida f'Jannar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ebda waħda mill-iskejjel konċernati ma avżat li kien hemm ksur ta' provedimenti ta' l-edukazzjoni obbligatorja u għaldaqstant ma kienx il-każ li jittieħdu passi skond il-liġi.

Skejjel — Studenti - Ċertifikat Mediku

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti mill-iskejjel kollha ta' Malta li mhux qed jattendu l-iskola b'mod regolari għaliex koperti minn ċertifikat mediku? X'tip ta' mard qed isofru minnu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-sena skolastika 2004/2005 in-numru ta’ studenti mill-iskejjel ta’ l-Istat li mhux qed jattendu l-iskola b’mod regolari għaliex huma koperti minn ċertifikat mediku huwa ta’ 313. Informat li l-informazzjoni mitluba dwar skejjel mhux statali filwaqt li tinżamm mill-iskejjel konċernati ma tinżammx mid-Divizjoni ta’l-Edukazzjoni. Miċ-ċertifikati mediċi jirriżulta li l-kondizzjonijiet mediċi ivarjaw u jinkludu lukemja, brain tumor, pneumonia, bone marrow tumor, anxiety, school phobia, scoliosis, URTI, influenza, recovery from surgery, bronchial asthma, migraine, tonsillitis, bronchitis and gastric flu, respiratory problems, bone complication, heart, persistent headaches/psychotic disturbances, medical treatment, minicore disease, hypersensitivity disorder, viral infection, hysterical bouts, headache/backache, renal colic, leg injury, being investigated in hospital, acute enteritis, colon problems- through negligence, global development delay and recurrent infections, wheelchair case care by St Luke’s Hospital, chest cold, renal problems, anxiety neurosis, adjustment disorder and identity crisis, school refusal with identity crisis, abdominal colic, psychological reason, shoulder burn, kidney infection, hospitalization (England), epilepsy, undergoing chemo therapy, cerebral palsey with epilepsy, dyspepsia, chronic constitutional upset, chest infection, pregnancy and dymenonbrea/ABO.

Dipartiment ta' l-edukazzjoni — Trasferiment ta' impjegata

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li l-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tiġi trasferita minn dipartiment għal dipartiment fi ħdan l-istess ministeru, jiġifieri dik ta' purtinara għall-maintenance fis-servizz tat-trasport fejn jitqassmsu affarijiet u oġġetti għall-iskejjel tal-gvern?

Response (GALEA, LOUIS)

Kull impjegat għandu l-possibilita li jitlob li jiġi trasferit. Kull talba tiġi konsidrata mill-kapijiet konċernati skond l-esiġenzi tas-servizz. Informat li bħalissa hemm ħtieġa ta' purtinara fl-iskejjel statali.

ETC — Korsijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta mistennija jiftħu korsijiet ta' l-ETC dwar child care, storekeeper, first aid, filming, etc.? Għal min huma intitolati dawn il-korsijiet u kemm hu twil kull kors? Xi kwalifiki jrid ikollok biex issegwi kull kors? Kemm hi twila l-lista ta' applikanti biex isegwu kull kors? Xi proċeduri tieħu l-ETC biex jintagħżlu l-istudenti? Fejn qed jiġu organizzati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kors ta' Storekeeping li jmiss ser jibda minn nhar it-23 ta’ Mejju sat-3 ta’ Ġunju. Huwa twil tletin siegħa. Kull min japplika għal dan il-kors huwa mportanti li jkun jaf jikteb u jaqra. Sa llum hemm 189 persuna fuq il-waiting list. Bħalissa għaddej kors fuq childcare,dan qed isir fil-Valletta Training Centre. Għal dan il-Kors preżenti qed jattendu għalih 20 persuna. Il-Korsijiet taċ-Child Care jaghmlu parti mill-proġett tal-ESF. Bħal dan l-istess kors huwa pproġettat illi jsiru sitta oħra wieħed wara l-ieħor, bl-iskop li jiġu mħarrġa mija u għoxrin (120) child carers ġodda. Il-Kors huwa twil 800 siegħa. Hemm tlett modi ta' kif wieħed/waħda jista' jkun eliġibbli għal dan il-kors. 1. O’level fil-Malti, Ingliż u Matematika. 2. Jekk ma jkollux/iex Matematika jista' jkollu/ha żewġ O’ levels oħra biex jikkumpensaw għal dan is-suġġett. 3. Jekk ma jkollux/iex O’Levels il-kandidati huma suġġetti li joqgħodu għal xi eżamijiet. (Dan biex jiżgura li l-applikanti jkollhom ċertu livell ta’ edukazzjoni). Bħal issa hemm lista ta’ mitejn applikant. Kors tal-Filming Informat li ma hemm ebda pjan s'issa li jerġa jiġi organizzat xi kors fuq Filming. Kors fuq il-First Aid Rigward il-Kors tal-First Aid, informat li dan ma jsirx mill-Korporazzjoni, minħabba li l-First Aid ma jwassal għall-ebda impjieg. Pero' wieħed irid isemmi li s-suġġett fiħ innifsu huwa inkorporat f’xi korsijiet oħra. Il-Korsijiet imsemmija qed isiru f’Ċentri tat-Taħriġ tal-Korporazzjoni. Il-partiċepanti jintgħazlu skond il-kwalifiki tad-dħul għal kull kors. Persuni li jaħdmu u jkunu interessati li jattendu għal korsijiet jistgħu jagħmlu dan billi jimlew applikazzjoni għal kors li jkunu interessat fih jew minn fuq il-website tal-Korporazzjoni jew minn xi wieħed mill-uffiċċji li l-Korporazzjoni għandha ġewwa Malta u Għawdex. F’każijiet ta’ waiting list, l-applikanti għandhom il-kwalifiki meħtieġa jintgħażlu fuq bażi ‘first come first serve’.

Kors ta' M.Psych

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hijiex tinkiser il-liġi ta' l-edukazzjoni meta l-universita' tiċċarġja Lm1,500 kull sena lill-istudenti għall-kors ta' l-M.Psych li jsir filgħodu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kors ta' Masters fil-Psikoloġija huwa kors full-time li nofsu huwa ddedikat għall-course work u n-nofs l-ieħor għall-prattika. Il-maġġoranza tal-lezzjonijiet, għal diversi raġunijiet validi, ser isiru barra mill-ħinijiet normali ta' l-Universita'. Għall-prattika l-istudenti qed ikunu allokati fl-isptarijiet, skejjel u servizzi oħra. Ftit minn dawn is-servizzi, l-aktar l-isptarijiet u l-iskejjel joperaw biss filgħodu jew sa kmieni wara nofs in-nhar. Oħrajn joperaw filgħaxija. Dan ifisser li l-istudenti iridu jattendu għall-prattika f'kwalunkwe ħin tal-ġurnata u waqt il-vaganzi ta' l-Universita'. Il-parti l-kbira tax-xogħol tal-kors se jkun organizzat tard wara nofs in-nhar. A bażi ta' dawn iċ-ċirkostanzi mogħti l-parir li m'hemm l-ebda ksur ta' liġi.

Belt Valletta — Skola primarja ta' Sant'Iermu

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata l-faċċata ta' l-iskola primarja ta' Sant'Iermu tal-Belt Valletta u dan anke fid-dawl li numru ta' postijiet fil-Belt qed jiġu restawrati u kkurati fosthom l-examination centre li jmiss ma' l-istess skola u allura t-telqa fil-faċċata ta' din l-iskola tidher aktar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan il-proġett, bħal diversi xogħolijiet u proġetti oħra meħtieġa fl-iskejjel tal-Gvern, qiegħed fi programm ta' xogħolijiet li jitwettqu fuq perjodu ta' żmien.

Wied il-Għajn — Skola primarja - xogħol ta' kostruzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qed isir xogħol ta' kostruzzjoni waqt il-ħin ta' l-iskola primarja ta' Wied il-Għajn u dan b'periklu ċar kemm għat-tfal kif ukoll għall-għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Evidentement l-Onor. Membru ipprefera jagħmel ġudizzju negattiv u bl-addoċċ dwar "periklu ċar" bla ma ivverifika l-fatti. Meta jagħmel hekk l-Onor. Membru ikun jaf li mhux qed jagħmel ġid. L-Onor. Membru jaf li jien inqis il-kritika u s-sorveljenza ġenwina u korretta fuq l-operat tad-dekasteru tiegħi bħala essenzjali u tgħin biex il-poplu jkollu servizzi aħjar. Iżda f'dan il-każ informat li ma hemm l-ebda periklu fix-xogħol li qed isir f'din l-iskola. Ix-xogħol li qed isir bħalissa huwa 'l ġewwa mill-opramorta eżistenti ta' l-iskola u l-ġewwa mill-kuritur propost. Il-materjal qed jittella' wara l-ħin ta' l-iskola. Dan ix-xogħol qed isir b'koordinament mal-kap ta' l-iskola u mas-Sindku ta' Wied il-Għajn, fuq program ta' xogħol maqbul magħhom. Tajjeb inżid li x-xogħol li, fiż-żmien minn meta l-Onor. Membru għamel il-Mistoqsija, xogħol ta' kostruzzjoni li kien stmat li jieħu tliet xhur, twettaq f'xahar biex il-bini u s-saqaf ta' sebgħa klassijiet u żewġ toliets huma kważi lesti. B'hekk qiegħdin f'pożizzjoni li f'Settembru li ġej din l-estenzjoni ġdida fl-iskola primarja ta' Wied il-Għajn tilqa' t-tfal u l-għalliema f'ambjent ġdid u sabiħ. Issa qed isir ix-xogħol biex jibda l-bini ta' kindergarten ġdida għal din l-iskola.

MCAST — Kors ESF14

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għall-kors ESF14 employability skills for women returning to the workforce organizzat mill-MCAST? Kemm minnhom ġew aċċettati għall-ewwel grupp? Fuq liema bażi sar ir-ranking tal-kandidati? Il-kandidati ġew informati b'din il-proċedura?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm 200 applikant minn Malta u 21 minn Għawdex għall-kors ESF 14 Employability Skills for Women returning to the Workforce. Għall-ewwel grupp ġew aċċettati 107 minn Malta u 12 minn Għawdex. Ir-ranking tal-kandidati sar minn Aptitude Test. Fuq l-applikazzjoni l-kandidati kienu infurmati li jista' jsir Interview jew Aptitude Test u kellhom laqgħa fejn kien ġie spjegat li ser ikunu ranked fuq Aptitude Test.

Eżami ta' l-EFL Monitoring Board

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex ma terġax tiġri t-taħwida li ġrat għall-eżami ta' l-EFL monitoring board li sar nhar is-Sibt 26 ta' Marzu 2005? Meta mistennija titlesta l-inkjesta dwar x'ġara?

Response (GALEA, LOUIS)

L-istħarriġ li tlabt li jsir tlesta mid-Direttur tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni s-sur Lawrence Zammit. Kopja tar-rapport datat 6 ta' April, 2005, ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Universita' — Staff akkademiku

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9269 datata 19/11/2004 u cioe' jgħid jekk il-kondizzjonijiet ta' l-impjiegi ta' l-istaff akkademiku ta' l-Universita' jinkludux, u jekk fl-affermattiv jindika, x'inhuma n-numru ta' sigħat tax-xogħol u jekk hemmx xi benchmarks dwar kemm minn dawn is-sigħat għandhom jiġu wżati għal-lectures, tutorials, xogħol ra' riċerka, eċċ.? Jista' ukoll jgħid x'arranġamenti jeżistu għal dawk il-membri ta' l-istaff akkademiku li jokkupaw karigi pubbliċi jew privati u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-pożizzjoni/grad ta' dawk il-membri ta' l-istaff akkademiku li huma awtorizzati li jokkupaw karigi pubbliċi u privati u x'inhuma dawn il-karigi?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija hija definita fil-ftehim kollettiv dwar l-istaff akkademiku. Informat li m'hemmx arranġamenti fissi rigward staff akkademiku li jkunu mitluba jagħtu servizz pubbliku jew privat, u kull każ jiġi ttrattat skond iċ-ċirkostanzi partikolari.

Eżamijiet ta' TEFL

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu fid-dawl li kien hemm żbalji fuq il-karta ta' l-eżamijiet ta' TEFL u min se jkun accountable għall-iżbalji li saru? X'se jsir mir-riżultati biex jiġu assessjati mod fair?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li wara li ddiskuta l-aspetti kollha tal-każ, il-Bord ta' Sorveljanza tat-Tagħlim ta' l-Ingliż bħala Lingwa Barranija, li huwa Bord awtonomu, ddeċieda li l-eżami bil-miktub jiġi kkoreġut, u l-marki għall-mistoqsijiet fejn kien hemm żbalji jitqassmu fuq sezzjonijiet oħra tal-karta. Iċ-Ċirkolari Numru EFL 4/2005 tat-30 ta' Marzu 2005 ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Kopja tar-rapport dwar l-istħarriġ ta' dan il-każ magħmul mid-Direttur tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni s-sur Lawrence Zammit, tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra mat-tweġiba għal Mistoqsija numru 11625.

Raħal Ġdid — St Joseph Junior Lyceum

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-coach ta' St Joseph junior lyceum, Paola, route no. 7 li tmur għalihom l-iskola ħafna drabi mhux qed tmur la filgħodu u wisq anqas wara l-iskola bil-konsegwenza li t-tfal ikollhom jeħduha bil-mixi? X'passi ħadu jew se jittieħdu billi dan qed jiġri ta' spiss?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħarġet ordni biex dan ix-xufier jispiċċa minn fuq din ir-rotta mill-bidu ta' April 2005.

Raħal Ġdid — Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jara li siġra li hemm fl-entratura ta' l-iskola primarja Santa Monika, Raħal Ġdid u li tinsab f'kantuniera bejn Triq Santa Monika u Triq San Ġużepp tinqala' minħabba li qed tagħmel ħsara lill-istudenti ta' l-istess skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-Taqsima tal-Ġardinara tad-Diviżjoni qed tieħu ħsieb dan il-każ.

FTS — Ħamrun - Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada dwar il-problema marbuta mas-supply tad-dawl fl-iskola primarja B, Dun Ġorġ Preca li tinsab fil-Ħamrun? Jista' jgħid ukoll meta se jitwaħħlu r-railings li kienu ġew mitluba s-sena li għaddiet, qabel ma jinqala' xi inċident u wara jkun tard wisq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta' Għada għamlet stallazzjonijet ta' l-elettriku li kienu meħtieġa fl-imsemmija skola, kif ukoll bniet 'substation' ġdid fl-inħawi ta' l-iskola. Jonqos issa li l-Korporazzjoni Enemalta tqiegħed l-apparat ta' l-elettriku fis-'substation' biex fl-iskola jkun hemm kurrent qawwi biżejjed għal ħtiġijiet ġodda taż-żewġ skejjel li flimkien jiffurmaw il-bini kollu ta' dan il-kumpless. Il-Fondazzjoni tinsab informata li l-Enemalta ppjanat li tkun lestiet ix-xogħol kollu meħtieġ sa nofs Mejju 2005. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, informat ukoll li dan ix-xogħol huwa wieħed minn diversi xogħolijiet u proġetti oħra li l-FTS qegħda tikkonsidra li tagħmel u li għalihom irid isir programm biex dawn isiru fuq perjodu ta' żmien.

Impjegati tal-gvern — League tal-football

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari 10769, jista' il-Ministru jgħid x'wassal biex ikun hemm bidla meta l-ministri preċedenti qatt ma rraġunaw b'dan il-mod? Jista' jgħid ukoll allura taħt liema dekasteru taqa' meta l-isport jaqa' f'dan id-dekasteru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Malta Employees Sports Association hija ente mhux governattiva awtonoma bl-istatut u l-amministrazzjoni tagħha. Ir-relazzjoni tal-Ministeru responsabbli għall-isports ma' din l-assoċjazzjoni għandha tkun fuq l-istess livell tar-relazzjonijiet ma' assoċjazzjonijiet sportivi oħra.

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xgoħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - mhix qed titħalla tirreġistra għax-xogħol meta din hi waiter kwalifikat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna msemmija kienet qed tirreġistra fuq l-ewwel parti u għalhekk ġiet mitluba tattendi għall-Job Search Seminar biex tiġi mgħejjuna titħarreġ u ssib xogħol skond skemi tal-Korporazzjoni Xogħol u Taħriġ. Il-persuna msemmija rrifjutat li tagħmel dan, falliet u għalhekk ġiet maqtugħa minn fuq ir- reġistru.

Skola Sir Adrian Dingli — Nissen huts

Question

Jista' il-Ministru jindaga għaliex erba' nissen huts li hemm ħdejn l-iskola ta' Sir Adrian Dingli, Pembroke, għandhiex bżonnhom l-iskola jew le? Jekk le, jistax jikkunsidra li jiġu mislufa jew jingħataw għal użu filantropiku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-'nissen huts' li hemm ħdejn l-iskola ta' Sir Adrian Dingli, Pembroke, ma humiex parti mill-iskola.

Gradwati tal-B.Pharm — Xogħol l-Ingilterra

Question

Jista' il-Ministru jindaga għalfejn dawk il-gradwati tal-B.Pharm li qed japplikaw biex jaħdmu l-Ingilterra mhumiex qed jitħallew jirreġistraw għal dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni tirreġistra l-persuni li jkunu iridu jaħdmu f'Malta u mhux barra minn Malta. Għal dawk interessati sabiex jaħdmu barra, l-Korporazzjoni toffri s-servizz tal-EURES . Dan huwa servizz fejn wieħed jingħata tagħrif kif jista jfittex barra. Wieħed jista wkoll ipoġġi c-CV tieghu fuq il-EURES portal. Informat ukoll li għal aktar tagħrif wieħed jista' javviċina l- Uffiċju tal- EURES bejn id-9.00am u 12.00pm mit-Tnejn sal-Ġimgha.

Skejjel — Facilitators

Question

Peress li qed ikun hemm ilmenti daparti ta' ġenituri li għandhom lil uliedhom bil-facilitator fl-iskejjel għaliex meta l-facilitators ma jiġux l-iskola t-tfal jintbagħtu lura lejn id-dar, jista' il-Ministru jara jekk huwiex possibbli li jkun hemm facilitators extra biex meta dawn il-facilitators ma jmorrux l-iskola t-tfal jibqgħu l-iskola biex jitgħallmu u ma jintbagħtux id-dar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm facilitators extra li jissejħu "On Call facilitators". Mill-istess natura tax-xogħol tagħhom dawn il-facilitators jiġu ikkuntattjati mill-iskejjel fi żmien qasir u mhux dejjem ikunu f'pożizzjoni li jattendu l-iskola biex jieħdu post facilitator li ma tkunx attendiet.