Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 27761?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-somma ta' Lm6000 ivvutata fl-estimi tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport bħala għajnuna lill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ tingħata lill-istess Kunsill fil-bidu tas-sena. Fl-aħħar ta' kull sena l-Kunsill jaħtar awditur biex jeżamina l-finanzi, u kopja ta' l-audited accounts tiġi mgħoddija lid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u dik għas-sena 2000 ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 27760?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar l-ewwel parti tad-domanda nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25268. Informat li dan l-istudju ġie jiswa Lm3000. Din l-ispiża se titħallas mill-fondi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. L-uniċi fondi addizzjonali li ngħataw mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport minbarra l-għotja ta' Lm6000 ammontaw għal Lm500.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx inkjesta interna dwar l-inċident li kien ġara waqt logħba waterpolo fil-Pixxina Nazzjonali fejn tifla waqgħat minħabba l-ċeda railing?
X'irriżulta minn din l-inkjesta jekk saret? Jista' jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara l-inċident il-Board tal-Pixxina Nazzjonali iltaqa' b'urġenza. Matul din il-laqgħa ġie diskuss x'passi jistgħu jittieħdu. Peress li kienet għaddejja inkjesta minn espert tal-Qorti ma nħassx il-bżonn li ssir inkjesta interna dwar l-inċident. Saret ukoll on-site inspection minn surveyor maħtur mill-kumpanija ta' l-assikurazzjoni.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi 26294, jista' l-Ministru jgħid liema skejjel tal-knisja u indipendenti li aċċettaw it-taħriġ offrut mill-Focus Groups TO2 u TO3? X'inhu t-taħriġ li qed isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa issa t-taħriġ kollu ġie offurt mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għaliex il-'Focus Group' għadhom qegħdin jiġu ffurmati.
L-ewwel taħriġ bi tħejjija għal suġġetti ġodda se jkun kors li jwassal għal 'University Certificate in Technology Education' u li se jibda f'Ottubru 2001. Dan l-ewwel kors seta' jiġi offrut lill-iskejjel ta' l-Istat u dawk tal-Knisja waqt li se jkun possibbli li t-tieni kors li se jibda f'Ottubru 2002 jkun miftuħ għal kulħadd.
Għal dan l-ewwel kors se jattendu 4 applikanti mill-iskejjel tal-Knisja:
2 - Savio College
1 - Sacred Heart Convent
1 - St Elia's College
Jista' l-Ministru jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija tiegħi 27052. Jista' jeleka dawk l-iskejjel privati kollha li għollew ir-miżati għas-sena skolastika li se tiftaħ dalwaqt? B'kemm? Kemm kienu l-miżati qabel?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni li waslitli s'issa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsiru interviews għal recruitment ġdid ma' l-Orkestra tal-Manoel Theatre? Meta se jsiru? Kemm-il mużiċist se jiddaħħlu ġodda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proposti mressqa mill-Bord ta' l-Orkestra Nazzjonali rigward recruitment ta' mużiċisti ġodda ma' l-Orkestra qegħdin jiġu konsidrati.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26620 dwar kemm hemm vaganzi ta' kapijiet u assistenti kapijiet fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-gvern f'Għawdex? Liema huma dawn l-iskejjel u x'passi qed jittieħdu biex dawn il-vaganzi jiġu mimlija qabel tibda s-sena skolastika li jmiss?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li vakanzi ta' Kapijiet u Assistenti Kapijiet f'Għawdex hemm f'dawn l-iskejjel:
Kapijiet:
Agius de Soldanis Girl's J.L. & Sec. School
Ninu Cremona Boys' J.L. & Sec. School
Sir MA Refalo Centre for Further Studies
St Lawrence Primary School
Żebbuġ Primary School
Sannat Primary/SEN Unit
Assistenti Kapijiet:
Victoria Primary (wieħed)
Għajnsielem Primary (wieħed)
Nadur Primary (wieħed)
Xagħra Primary (wieħed)
Xewkija Primary (wieħed)
Informat ukoll li żewġ Assistenti Kapijiet qed imexxu l-iskejjel ta' San Lawrenz u taż-Żebbuġ, għalhekk Għawdex hemm b'kollox 3 Assistenti Kapijiet neqsin.
Il-postijiet vakanti ta' Assistenti Kapijiet ser jimtlew mil-lista ta' dawk li ġew irrakomandati biex isiru Assistenti Kapijiet. Din il-lista kienet valida sas-7 ta' Settembru 2001. Sadanittant qegħdin nistennew ir-riżultati ta' l-intervisti li saru ftit ilu biex inkomplu nirrakomandaw il-ħatra ta' Assistenti Kapijiet wara s-7 ta' Settembru 2001 minn fuq il-lista l-ġdida.
Bħalissa qegħdin isiru intervisti biex jinħatru l-Kapijiet għall-iskejjel ta' Għawdex kif ukoll dawk ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex f'każijiet umantarji bħal każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament, id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni mhux jieħu l-konsiderazzjonijiet kollha tal-bżonnijiet finanzjarji w mediċi tal-persuna, meta tkun kostretta li tmur għal trattament fil-renal unit ta' l-isptar, ma tingħatax leave bil-ħlas?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt mitlub ningħata aktar dettalji b'mod kunfidenzjali dwar il-persuna msemmija biex ikun jista' jsir l-istħarriġ meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu l-investigazzjonijiet fuq il-post fuq l-art proposta għall-bini ta' Skola sekondarja tas-subien ġdida f'Ħal Kirkop? Liema hija l-art proposta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-investigazzjonijiet ġeotekniċi fuq l-art proposta għall-bini ta' skola sekondarja ġdida fil-Karwija huma kompluti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-prezzijiet ta' l-oġġetti mibjugħa mit-tuck shops ta' l-iskejjel humiex ikkontrollati? Jekk iva, min jagħmel il-monitoring biex jiġi assigurat li l-prezzijiet ikunu kkontrollati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-prezzijiet ta' l-oġġetti mibjugħa mit-tuck shops ta' l-iskejjel huma kkontrollati.
Minn żmien għal żmien, spetturi tat-Taqsima tal-Price Verification Unit tad-Dipartiment tal-Kummerċ jagħmlu spezzjonijiet għall-għarrieda u jassiguraw li l-prezzijiet huma skond kif mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex tiġi kkontrollata l-problema tat-trab li qed jitfarfar regolarment mill-ħitan ta' San Ġakbu Kavallier u li qed toħloq inkonvenjent għall-wirjiet f'dan iċ-ċentru?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-esperti tal-ġebla għadhom ma sabux soluzzjoni li definittivament tikkontrolla l-problema msemmija. Qed tiġi konsidrata soluzzjoni temporanja biex tnaqqas l-inkonvenjent.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għalliema attendew għall-korsijiet inservice organizzati f'Lulju mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Kemm attendew kors, kors?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li f'line item 28 Travel ta' Vote 22 Culture and the Arts fejn għall-budget 2000 kien hemm nefqa ppjanata ta' Lm3,000 iżda n-nefqa attwali kienet ta' Lm18,141? Fuq xiex intnefqu l-Lm18.141?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa globali tad-Dipartiment tal-Kultura fuq line item 28 Travel ta' Vote 22 Recurrent għas-sena finanzjarja 2000 kienet ta' Lm18,141. Din iċ-ċifra ma tirrapreżentax biss in-nefqa fuq safar mid-Direttorat tad-Dipartiment, iżda tkopri wkoll infiq ieħor minn kumitati maħtura taħt il-ġurisdizzjoni tad-Dipartiment tal-Kultura, fosthom il-Kumitat Festi Nazzjonali u l-Kumitat Festival Kanzunetta Maltija u Kanzunetta għall-Ewropa. Fil-fatt, l-imsemmija nefqa magħmula mid-Direttorat tad-Dipartiment fis-sena 2000 ma kinitx teċċedi s-somma vvutata u approvata fl-Estimi Finanzjarji 2000 li kient ta' Lm3,000. Għaldaqstant, id-diskrepanza bejn iċ-ċifra ta' somma approvata ta' Lm3,000 u dik ta' Lm18,141 indikata fil-Mistoqsija ta' l-Onor. Membru hija biss waħda apparenti.
Għall-fini ta' accounting u proċeduri finanzjarji stabbiliti, kull infiq fuq safar irid ikun reġistrat fuq line item 28. Dan kien jirrikjedi trasferimenti ta' flus (permezz ta' virement) minn line items 4181 Carnival - Malta u minn 4375 Malta Song Festival & Eurovision Song Contest għal line item 28.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti ġodda li se jibdew jattendu l-iskola Danny Cremona fis-sena skolastika l-ġdida? Kemm se jkun hemm studenti f'din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena applikaw 43 student għal din l-iskola. It-total fis-sena skolastika l-ġdida sejjer ikun ta' 95 student.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti ġodda li se jibdew jattendu l-iskola Gilormu Cassar fis-sena skolastika l-ġdida? Kemm se jkun hemm studenti f'din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti u l-istaff ta' l-Iskola Ġilormu Cassar ġew trasferiti għall-iskola Lorenzo Manche`.
Informat ukoll li matul is-sena skolastika li jmiss se jkun hemm b'kollox 64 student f'din l-iskola, 24 minnhom huma studenti ġodda.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27615, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar kopja tal-pjanta u disinn tas-servizzi tal-kumpless sportiv tal-Kottonera?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-pjanti u d-disinn tas-servizzi tal-kumpless sportiv tal-Kottonera tlestew. Peress li dawn il-pjanti se jkunu suġġetti għal sejħa ta' offerti, ma jidhirlix li f'dan l-istadju ikun opportun li jiġu ppublikati.
Jista' l-Ministru jgħid fiex intnefqu l-flus taħt vot 4185 taħt item Programmes and Initiatives?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-flus ivvutati taħt Item 4185 - Programmes and Initiatives s'issa ntefqu hekk:
Lm
Direttorju Għaqdiet Żgħażagħ 110
Youth Specialisation Studies Scheme 9,198
Youth Support Programme 7,690
Għarfien Nazzjonali Żgħażagħ 1,495
Youth Exchange Programme 8,519
National Youth Day 6,820
Youth Empowerment Centre 1,248
Youth Net 7,529
Youth Song Festival 350
EMCY Concerts 2,415
Youth for Drama 757
NSTS Projects 2,000
Għajnuna għal Counselling Service Projects 2,000
Infieq ieħor konnes ma' attivitajiet varji 13,958
Jista' l-Ministru jgħid kif tqassmu l-flus taħt vot 4178 Programmes and Initiatives?
Jista' jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li ftit aktar minn Lm30,000 li kienu vvotati sabiex tingħata għajnuna lill-għaqdiet sportivi ma tqassmux? Jista' jgħid fiex intnefqu dawn il-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-flus li kienu vvutati taħt Item 4178 - Programmes and Initiatives kienu mqassma hekk:
Ammont Allokat Nefqa s'issa
Lm Lm
Malta Olympic Committee 145,000 130,000
Sport for All 10,000 2,243
Skolasport 30,239 27,981
Doping 4,000 -
International Tournaments 6,000 6,000
Għajnuna lill-għaqdiet sportivi 140,000 128,215
Seminars / Conferences 128 75
Adventure Sport 4,000 2,819
Sport Activities 1,966 1,964
Skolasajf 6,000 239
Swimming Promotion Unit 6,500 2,000
G.S.S.E 2001 Bonuses 14,650 14,650
Infieq ieħor konness ma' attivitajiet varji 14,000 13,812
Ma jirriżultax li fl-estimi tad-Dipartiment kien hemm ivvutata somma ta' Lm30,000 biex tingħata għajnuna lill-għaqdiet sportivi. L-ammont li d-Dipartiment alloka għal dan il-għan kien ta' Lm140,000. S'issa diġa' ingħata total ta' Lm128,265 bħala għajnuniet.
Jista' l-Ministru jgħid item 24 Rent taħt vot 21 Youth and Sport għal xiex kienet ivvotata u peress li dan il-vot ma ntnefaqx, jista' l-Ministru jgħid jekk il-flus intnefqux taħt vot ieħor? Jekk iva, jista' jgħid taħt liema vot?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont ta' Lm6,000 li hemm ivvutat f'Item 24 Rent taħt il-vot 21 Youth and Sport huwa intiż biex ikopri l-valur dovut għal kiri ta' faċilitajiet, propjeta` tal-Gvern, li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport jikri mingħand id-Dipartiment ta' l-Artijiet. Il-flus ivvutati taħt dan l-item ma jistgħux jintużaw għajr għal dan il-għan.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 27103, b'mod partikolari dwar alterazzjonijiet strutturali ta' l-Olympic Diving Stand, jista' l-Ministru jgħid ta' min kienet l-unika offerta u l-prezz li kkwota? Fiż-żewġ każi l-oħra d-dipartiment għamel stima? Jekk iva, ta' kemm kienu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-unika offerta biex isiru alterazzjonijiet strutturali ta' l-Olympic Diving Stand kienet minn għand il-kuntrattur Gordon Ellul. Il-prezz li ġie kkwotat kien Lm4,137. L-istima tad-Dipartiment kienet Lm3,000. Din l-offerta ma setgħetx tiġi aċċettata minħabba li kienet għolja aktar mir-rata stabbilita ta' 10% fuq l-istima tad-Dipartiment.
Fil-każ tar-refurbishment ta' l-Olympic Diving Stand l-istima tad-Dipartiment kienet ta' Lm1,250. L-istima għax-xiri u stallazzjoni ta' diving boards kienet ta' Lm13,000.