Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — Irmiġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk is-sidien ta' l-opri tal-baħar li għandhom l-irmiġġ tagħhom quddiem il-club tar-regatta ta' Bormla, humiex se jibqgħu jgawdu dan l-irmiġġ meta jsir il-proġett tal-Marina?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li biex iseħħ il-proġett tal-Cottonera, l-Awtorita` Marittima tagħt id-dritt lill-Cottonera Waterfront Group biex tibni, topera, tiżviluppa u tikkontrolla l-Yacht Marina. Il-baħar quddiem il-klabb tar-Regatta ta` Bormla jaqa` taħt din il- konċessjoni. Il-Cottonera Waterfront Group huma, skond il-kuntratt, obbligati li jipprovdu faċilitajiet għal 150 frejgatina fl-istess Marina.

Imtarfa — Bypass - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinformana meta se jitkomplew ix-xogħlijiet fuq l-Imtarfa bypass? Kemm se tkun in-nefqa għal dawn ix-xogħlijiet u meta se jiġu finalizzati x-xogħlijiet pendenti u t-triq tkun kompluta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Id-dipartiment tat-Toroq issottomentta l-pjanti mitluba mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għat-tieni fażi tax-xogħolijiet fuq l-Imtarfa Bypass peress illi t-triq trid titwessa f'xi partijiet tagħha biex il-linja tiġi kkoreġuta. Is-sejħiet għall-offerti jkunu jistgħu jiġu ppubblikati hekk kif ikun hemm l-indikazzjonijiet neċessarji li l-Awtorita' se tapprova il-pjan tad-Dipartiment. Dwar ix-xogħlijiet ta' l-ewwel fażi id-Dipartiment issottometta wkoll għand l-Awtorita' ta' l-Ippjanar applikazzjoni biex jiġi modifikat il-ħajt li nbena biex iżomm it-tafal u meta l-permess jinħareġ, dan ix-xogħol ikun jista' jsir bied din il-fażi tax-xogħol titlesta.

Toroq Arterjari — Tarmac

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' kunsilli lokali f'Malta li talbu lill-Ministeru sabiex jagħti t-tarmac fit-toroq arterjali li jappartjenu l-konfini tagħhom? Kemm hija kkalkulata n-nefqa globali li l-gvern jirrikjedi biex iwettaq dawn it-talbiet tal-kunsilli lokali sabiex jingħata t-tarmac f'ċerti toroq proposti fil-lokalitajiet tagħhom? X'inhija l-pożizzjoni tal-gvern u cioe' kemm hija n-nefqa li se tintnefaq, bejn Ġunju u Diċembru li ġej, sabiex jitwettqu dawn it-talbiet tal-kunsilli lokali f'Malta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-rapporti dwar toroq arterjali li tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Isla — Irmiġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk is-sidien ta' l-opri tal-baħar li għandhom l-irmiġġ tagħhom quddiem il-gabbani fix-xatt ta' l-Isla, humiex se jibqgħu jgawdu dan l-irmiġġ meta jsir il-proġett tal-marina?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li biex iseħħ il-proġett tal-Cottonera, l-Awtorita' Maritima tgħat id-dritt lill-Cottonera Waterfront Group biex tibni, topera, tiżvilupp u tikkontrolla l-Yacht Marina. Il-baħar quddiem il-gabbani fix-xatt ta' l-Isla jaqa' taħt din il-konċessjoni. Il-Cottonera Waterfront Group huma, skond il-kuntratt, obbligati li jipprovdu faċilitajiet għal 150 frejgatina fl-istess Marina.

MMA — Diretturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu ċ-chairman u l-membri tal-bord tad-diretturi ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għall-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern Nru 16932 tas-7 ta' April, 2000.

Dingli — Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi problema ħalli Triq Dun Karm Frendo (parti) Dingli, tiġi mogħtija wiċċ peress li din ilha fi stat ta' abbandun għal ħafna snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien informat li fil-lokal fejn il-livelli tal-junction bejn Triq Dun Karm Frendo u t-triq ta' taħtha ma tantx jaqblu u għalhekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar intalbet tagħmel li hemm bżonn biex jiġu definiti sew il-livelli għal dawn it-toroq, ħalli dan ix-xogħol jitlesta u jiġi maqbul. Id-Dipartiment tat-Toroq ikun jista' jieħu l-eżekuzzjoni tax-xogħol.

Rabat — Għar Barka - Trasport

Question

B'riferenza għas-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku f'Għar Barka, Rabat u l-laqgħa li saret fit-12 ta' Mejju, jista' l-Ministru jinformani dwar il-progress? Jista' jara li dan ix-xahar tiġi rimedjata din il-kwestjoni peress li t-tfal se jkunu għal tliet xhur bil-vaganzi tas-sajf u żgur se jkun hemm bżonn ta' aċċess u servizz tat-trasport pubbliku f'Għar Barka, Rabat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-laqgħa saret f`Mejju u nstab li għad fadal xi pendenzi li għad iridu jiġu riżolti.

Kalkara — Ħajt perikoluż

Question

Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-ħajt imwaqqa' wara inċident tat-traffiku fil-Kalkara, inti u tiela' lejn Bighi, jiġi minnufih imsewwi billi huwa ta' perikolu għas-sewwieqa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li din l-azzjoni ser tittieħed mill-Kunsill Lokali.

Kalkara — Triq tax-Xatt

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta ser ikun tlesta x-xogħol li diġa' nbeda fuq it-triq tax-xatt li tieħu mill-Kalkara għall-Birgu u li waqgħet fix-xitwa? Jista' jinforma lill-Kamra kemm dan sejjer jiġi jiswa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant qed isir mid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet fuq inkarigu tad-Dipartiment tat-Toroq. Ix-xogħol hu stmat li ser jiswa madwar Lm80,000 u hu mistenni li jieħu tnax-il ġimgħa.

Żebbuġ — Imdina Road - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fuq il-proġett ta' Imdina Road, Ħaż-Żebbuġ? Kemm se jqum eżatt dan il-kuntratt ta' xogħol? Kemm tħallas flus s'issa l-kuntrattur? Meta beda x-xogħol? Jista' jikkonferma li t-tarmac li ngħata dan l-aħħar se jerġa' jinqala' għaliex l-esperti Ġermaniżi dwar it-toroq ma approvawx ix-xogħol? Min se jħallas għax-xogħol ġdid u t-tarmac ġdid li se jingħata, il-gvern jew il-kuntratturi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li sar bejn il-Ministeru u l-kumpannnija li ħadet il-kuntratt tat-triq imsemmija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-valur tal-kuntratt għall-bini tat-triq u tqegħid ta` servizzi hu stmat li ser jiswa Lm631,005 inkluża l-VAT. Il-valur tal-kuntratt għall-asfaltar tat-triq hu stmat li jiswa Lm323,056 inkluża l-VAT. Fuq l-ewwel kuntratt tħallsu Lm245,312.05, li jinkludu `retentions`. Ix-xogħol ta` l-ewwel kuntratt inbeda fl-14 ta` Ġunju 1999. Rigward ix-xogħol ta` l-asfalt, l-ewwel parti li ngħatat ma ġietx aċċettata u l-kuntrattur ingħata `instructions` biex jaqalgħu u jerġa jagħmlu għas-spejjeż tiegħu. Il-kopji tal-`Letter of Acceptance` tal-kuntratt qed jiġu pprovduti.

Karozzini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax issir xi ħaġa simili għas-sidien tal-karozzini, kif sar fil-każ tat-taxis fl-ajruport u fil-port, fejn it-turist iħallas f'uffiċċju apposta qabel ma jirkeb biex żgur ma jqarrqux bih? Jaf li ċerti sidien ta' karozzini qed jagħmlu ħsara kbira lill-isenm ta' Malta bħala destinazzjoni turistika għax qed jiċċarġjaw prezzijiet esaġerati? Billi taħt l-amministrazzjoni l-oħra, l-Awtorita' għat-Trasport Pubbliku kienet diġa' ltaqgħet ma' rappreżentanti tas-sidien tal-karozzini bil-għan li jiġi ffissat prezz ġdid u li jsiru tabelli ta' prezzijiet li jkunu jidhru, fejn wasal dan ix-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma teżisti l-ebda għaqda li magħha jistgħu jibdew taħdidiet f`dan is-sens. Dawk li jinqabdu jżommu noll aktar minn dak stabbilit skond il-liġi jiġu mħarrka. Kemm il-darba jintlaħaq ftehim tkun tista` tinbeda s-sistema fejn in-nollijiet jiġu esibiti f`postijiet fejn jintużaw il-karozzini.

PTA — Salini

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li r-residenti li għandhom residenza s-Salini u li jkunu jridu jmorru Tas-Sliema bit-trasport pubbliku jħallsu l-prezz normali u mhux il-prezz tas-servizz dirett peress li l-uniku mezz ta' trasport pubbliku li jeżisti bejn dawn iż-żewġ lokalitajiet huwa dak dirett ta' 645?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-prezz normali fuq ir-rotta ndikata hu dak ta` rotta diretta.

Siġġiewi — Xogħolijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop għax-xogħlijiet li saru mid-dipartiment tat-toroq fil-pjazza tas-Siġġiewi mal-ġenb tal-Knisja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li minħabba li jinħolqu problemi waqt il-festa biex ikun armat il-planċier (il-ġdid), kien hemm bżonn li t-triq tkun `regraded` u għalhekk twettaq ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant.

PTA — Ftehim

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li kien sar taħt l-aħħar amministrazzjoni Laburista bejn l-Awtorita' għat-Trasport Pubbliku u l-Gozo Bus Owners Association jew l-għaqda tas-sidien tal-karozzi tal-linja f'Għawdex? Kemm minn dan il-ftehim baqa' biex jiġi implimentat? Kemm baqa' sidien li għadhom ma xtrawx it-trakk addizzjonali kif kien stipulat fil-ftehim? Kemm hemm sidien li għadhom ma waħħlux l-air conditioner fil-karozzi addizzjonali li għalihom ingħataw il-permess skond il-ftehim?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Mtarfa — Aċċessi

Question

Peress li l-Ministru fil-Parlament qal li se jagħlaq l-aċċess tar-residdenti ta' l-Imtarfa mit-toroq tad-ditch u tal-bridge tal-ferrovija permanentement, jista' l-Ministru jgħid meta applika lit-Traffic Control Board u meta ddiskuta dan il-pass mal-kunsill ta' l-Imtarfa? Jekk ma sarux dawn il-laqgħat, jista'jgħid għaliex injora lil dawn iż-żewġ entitajiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li r-`roundabout` inkwestjoni kienet waħda żgħira li fiċ-ċirkustanzi kienet aktar ta` periklu għal min kien juża din it-triq. Id-Dipartiment tat-Toroq kien ilu li wettaq din l-inizjattiva biex ir-`roundabout` titneħħa mill-Bypass qabel ma ġie ffurmat il-Kunsill ta` l-Imtarfa, u għalhekk żgur li dan il-Kunsill ma setax ikun ikkonsultat. Dwar l-involviment tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku mhiex funzjoni ta` dan il-Bord li jiddisinja t-toroq iżda li jirregola l-użu tat-toroq, u għalhekk ma kienx hemm skop li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku jiddaħħal f`dan il-każ.

Għawdex — Yacht Marina

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 16771 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Ekonomija u li issa ġiet riferuta lilek, u cioe': Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fl-1999 jottijiet, laneċ u dgħajjes li sorġew fil-Yacht Marina ta' Għawdex? Kemm kien id-dħul minn din il-marina fl-1999? Kemm kienet in-nefqa biex titmexxa din il-marina f'dak li għandu x'jaqsam ma' pagi u provista ta' servizzi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li in-numru ta` jottijiet u laneċ li sorġew fil-Marina ta` l-Imġarr, Għawdex matul is-sena 1999 kien ta` 2267 filwaqt li 165 dgħajsa għamlu użu mill-istess Marina. Id-dħul matul l-1999 kien ta` Lm86,522. In-nefqa biex titmexxa` din il-Marina f`dak li għandu x`jaqsam ma` pagi u provvisti ta` servizzi kien ta` Lm28,633.

Dipartiment tal-Liċenzji — LOD/6956/85

Question

B'referenza għall-każ mad-dipartiment tal-liċenzji Nru. LOD/6956/85 u l-fatt li dan il-każ ilu pendenti għal snin twal meta l-persuna in kwestjoni dejjem kellha ċertifikati mediċi dwar l-istat tajjeb tagħha, jista' l-Ministru jara kif jiġi rimedjat l-inkonvenjent li kull sena din il-persuna tiffaċċja sabiex tipprovdi ċertifikati lid-dipartiment tal-liċenzji? Jista' l-Ministru jara li ġentilment isir il-kordinament meħtieġ ħalli dan il-każ jiġi finalizzat u din il-persuna ma tiffaċċjax aktar inkonvenjent?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li meta xi persuna li jkollha liċenzja tas-sewqan ikollha xi kundizzjoni medika, id-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet jirreferi l-każ għand l-`Occupational Health` Unit għal parir. Ovvjament id-Dipartiment jimxi fuq il-parir li jingħata. F`dan il-każ partikulari, id-Dipartiment kien oriġinarjament ingħata l-parir li l-persuna kkonċernata għandha tiġi eżaminata kull sena qabel tiġġeddilha l-liċenzja. Id-Dipartiment sena wara l-oħra kien jerġa` jitlob parir mediku sakemm fl-1985, ġejna infurmati li l-eżami mediku għandu jibda` jsir kull sentejn. F`Novembru 1996 id-Dipartiment ġie mogħti l-parir li din il-persuna hija tajba biex issuq vettura basta li wara tlett snin terġa tiġi eżaminata. Fil-fatt tlett snin wara, eżattament fid-19 ta` Ottubru 1999, id-Dipartiment informa lil persuna kkonċernata li trid tibgħat ċertifikat mediku kif indikat mit-Tabib tal-Gvern. Id-Dipartiment ma rċeviex risposta. Ittra oħra reġgħet intbagħtet lil persuna kkonċernata fl-10 ta` April 2000, iżda s`issa id-Dipartiment għadu ma rċieva xejn.

Ditta Borg Bros

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tat-tenders kollha ta' ġarr u trasport ta' għamara u merkanzija oħra, tkun xi tkun, li ġew awarded lid-Ditta Borg Bros ta' Triq id-Demnuq, Siġġiewi, minn Settembru, 1998 sal-ġurnata tal-lum, inklużi dawk li għadhom operattivi sal-lum? Jista' jgħid liema tenders ingħataw lil din id-ditta b'direct order u liema tenders ingħataw wara sejħa għall-offerti? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għal kull dipartiment, korporazzjoni u awtorita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Waqt li nagħmel referenza għal risposta għal mistoqsija Nru 535, jien infurmat li id-ditta Borg Brothers għamlu xogħol kif ġej: Ġarr ta`għamara għad-Dipartiment tat-Toroq - Lm374 wara sejħa għal `quotations`. Ġarr ta` sejf għad-dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili - Lm50 (Direct order)

Mellieħa — Triq Ninfa Calypso

Question

Peress li x-xogħlijiet fi Triq Ninfa Calypso, Mellieħa bdew u ma tkomplewx, jista' l-Ministru jara li x-xogħlijiet jibdew, u jiġu ffinalizzati bla aktar dewmien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fi Triq Ninfa Calypso ser jinkludi l-bdil tal-`mains` ta` l-ilma l-qodma, u għalhekk peress li l-pajpijiet il-ġodda ser jitqegħdu ġo `culvert` li trid tinbena taħt il-bankina fejn hemm il-`mains` qodma li jridu jitneħħew, qabel ma jista` jitkompla x-xogħol, il-WSC ser tqiegħed pajpijiet temporanji għall-kumdita` tar-residenti.

Dipartiment tal-Liċenzji — Ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' vetturi li s'issa din is-sena: 1)ma ġeddewx il-liċenzja tagħhom fiż-żmien stipulat għaliex kellhom xi multa li ma tħallsitx; u 2) ma ħallsux il-liċenzja tal-vettura fix-xahar li kellha titħallas? X'passi ttieħdu f'kull każ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija d-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet ma jżommx din it-tip ta` statistika. L-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija mhux possibli li tinġabar.