Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qasam tas-Saħħa – ingaġġ ta’ impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa ppjanat li se jiġu ngaġġati impjegati fil-qasam tas-saħħa, f'kull grad sal-aħħar tas-sena 2014?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-ingaġġ ta’ impjegati jsir skont il-ħtiġijiet tal-Amministrazzjoni Pubblika, kif miftiehem minn żmien għal żmien mal-Ministeru għall-Finanzi u mal-Uffiċċju għar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika (PAHRO) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 12 PQ #10019 Sitting 169 2014-06-30 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar – ilma li ħiereġ fit-Telgħa tax-Xemxija

Question

Jista’ l-Minsitru jinvestiga x’inhu s-sors tal-ilma li ħiereġ fit-Telgħa tax-Xemxija (it-triq prinċipali), San Pawl il-Baħar, għaliex dan l-ilma, minbarra li jista’ jikkawża inċidenti tat-traffiku, jista’ jagħti l-każ li hu ilma tad-drenaġġ u għalhekk jista jikkawża riskju għas-saħħa ta’ dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn investigazzjonijiet u teħid ta’ kampjuni li ħadet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, instab li l-ħruġ tad-drenaġġ oriġina minn blokka ta’ flats li kellha s-sistema privata tagħha bblukkata. Il-każ qiegħed jiġi ndirizzat mid-Dipartiment tas-Sanita’.
Leg 12 PQ #10020 Sitting 169 2014-06-30 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar – rapporti ta’ ħruġ tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rapporti ta’ ħruġ tad-drenaġġ fil-baħar, jew fit-toroq, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, matul din is-sena? Jekk iva, liema kienu r-rapporti li saru u x’investigazzjoni għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? X’kienu r-riżultati ta’ din l-investigazzjoni?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta saru xi rapporti ta’ ħruġ ta’ drenaġġ dawn kollha ġew investigati mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Fejn kien hemm bżonn sar it-tindif neċessarju u anke saru tiswijiet u bdil tas-sistema tad-drenaġġ, fosthom fi Triq San Pawl, Triq il-Kaħli u Triq il-Qawra.

Mediċina Burinex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn pazjenti li huma intitolati għall-mediċina Burinex (Bumetanide) taħt l-iskedi 2 u 5? Jista' jaqsam din l-informazzjoni skont id-doża li huma intitolati għaliha?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-Iskema tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek toħroġ ħames mija u wieħed u sittin elf u erbgħa u tmenin (561,084) pillola tal- Bumetanide kull erba’ ġimgħat, ħamest elef, tlett mija u sitt (5,306) pillola minnhom huma tal-5mg, l-oħrajn huma tal-1mg.

Mediċini Burinex u Iasix — suppliers

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa s-supplier tal-mediċina Burinex (Bumetanide) u tal-mediċina Iasix?

Response (MIZZI, KONRAD)

Is-supplier tal-mediċina Bumetanide huwa Vivian Corp. u dik tal mediċina Frusemide huwa VJ Salomone.

Mediċina Burinex — preskrizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet li għalihom tiġi preskritta l-mediċina Burinex (Bumetanide)?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-Bumetanide tiġi preskritta bħala mediċina kontra il-pressjoni għolja.

Qasam tal-Kura tas-saħħa mentali — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tax-xogħol li sar fil-qasam tal-kura tas-saħħa mentali fil-komunità minn Awwissu 2013 sal-lum?

Response (MIZZI, KONRAD)

Minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida tas-Saħħa Mentali f’Ottubru tal-2013, beda proċess li jħares lejn is-servizzi fil-komunità u jidentifika passi li jistgħu jittieħdu biex insaħħu dawn is-servizzi. Minn Marzu 2014 bdew għaddejin diskussjonijiet ma’ diversi NGOs biex aktar pazjenti li bħalissa huma residenti fl-Isptar Monte Karmeli jkunu jistgħu jirċievu kura fil-komunità. Bħalissa qed jiġi riorganizzat is-servizz tal-Crises Team biex dan is-servizz mhux biss jibqa’ jingħata fl-emerġenza minn tim professjonali imma jkun jista’ jsir follow up tal-persuni li jagħmlu użu minn dan is-servizz. Qed jissaħħaħ ukoll is-servizz tal-outreach biex b’hekk il-persuna tista’ tgħix b’mod san fil-komunità u kemm ikun possibbli jiġi evitat li terġa’ tidħol għall-kura l-isptar.

Qasam tal-kura tas-saħħa mentali – organisation chart

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-organisation chart tal-operat tal-Gvern fil-qasam tal-kura tas-saħħa mentali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Dwar l-operat fil-qasam tal-kura tas-saħħa ninsabu fil-proċess li nikkonsolidaw l-istrutturi meħtieġa skont il-prerekwiżiti tal-Mental Health Act.

L-Imtarfa – Dar il-Kenn — proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'servizzi qed jingħataw mill-proġett ta' Dar il-Kenn fl-Imtarfa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Servizzi li qegħdin jingħataw huma trattamenti minn tim multidixxiplinarju (li jikkonsisti minn: psikjatri; psikologa; nutrizzjonisti; dietitians; infermiera; fiżjoterapist; occupational therapists u nursing aides) lill-pazjenti li jsofru minn obeżità u kura għall-pazjenti li jsofru minn eating disorder.

L-Imtarfa – Dar il-Kenn – servizz ta’ In-Patients

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jingħata s-servizz ta' In-Patients f'Dar il-Kenn fl-Imtarfa?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-ewwel grupp ta’ pazjenti qegħdin jieħdu l-kura tagħhom fuq bażi semiresidenzjali.

Specialist Accreditation Committee – chairpersons u membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-Chairperson u l-Membri tal-iSpecialist Accreditation Committee?

Response (MIZZI, KONRAD)

Iċ-Ċerpersin u l-Membri tal-iSpecialist Accreditation Committee huma li ġejjien: Ċerpersin: Prof. Stephen Fava. Membri elenkati kif ġej: Dr Anton Grech; Is-Sur Mark Schembri; Dr Brian Flores Martin; Dr Francis Carbonaro; Dr Mario Zerafa; Dr James Pocock; Is-Sur Joseph Galea; Is-Sur Ivan Esposito; Dr Christine Baluci; Is-Sur Raymond Galea; Dr Bridget Ellul; Dr Paul Soler; Dr Reuben Depasquale; Prof Pierre Mallia; Dr Lawrence Scerri; Dr Robert Xuereb. Reġistratur: Is-Sur Gordon Cachia.

Specialist Accreditation Appeals Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-Chairperson u l-Membri tal-iSpecialist Accreditation Appeals Committee?

Response (MIZZI, KONRAD)

Jekk b’referenza għall-Kumitat tal-Appelli għall-Professjonijiet tal-Kura Medika, dan il-Kumitat qiegħed fil-proċess illi jiġi maħtur.

Special Accreditation Appeals Committee – appelli pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti quddiem l-iSpecialist Accreditation Appeals Committee u kemm ilu pendenti kull appell?

Response (MIZZI, KONRAD)

Sal-lum hemm għaxar (10) każijiet pendenti biex jinstemgħu quddiem il-Kumitat tal-Appelli għall-Professjonijiet tal-Kura Medika.

Ġbir ta’ Skart – linji gwida

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istandards, linji gwida jew dokumenti simili oħra (mill-lat tas-saħħa pubblika u/jew saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol) li jirregolaw il-ġbir tal-iskart f'Malta u Għawdex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 9942.

Pannelli fotovoltaiċi – expression of interest

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kienet uriet interess li tagħmel pannelli fotovoltaiċi wara sejħa ta’ expression of interest ħalli kulħadd jirreġistra art u bjut privati għall-pannelli? Kemm kien it-total tal-area indikat minn dawk li ressqu ‘l quddiem?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija palamentari 7156.

Kopja tal-Heads of Agreement

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Heads of Agreement li ġie ffirmat mal-awtoritajiet/kumpanija Ċiniża li fuqu għamel stqarrija fil-Parlament fis-seduta 128?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Intrepellant għall-istqariija Ministerjali li saret fis-seduta 128 fejn ingħataw il-prinċipji kollha tal-agreement. Fix-xhur li ġejjin se jkun hemm aktar informazzjoni mogħtija lill-Parlament.

Tampered Smart Meters

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9694, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kien hemm f’kull wieħed mis-67 lokalità li resqu ‘l quddiem biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom għar-rigward ta’ serq ta’ elettriku u tbagħbis ta’ smart meters? Jista’ jagħti l-informazzjoni bl-ismijiet ta’ kull lokalità?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Enemalta u WSC – management fees

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ARMS Ltd hux se tgħolli l-management fee tagħha lill-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għas-sena 2014? Jekk iva, b’kemm se tkun iż-żieda f’perċentwali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju m’hemm l-ebda pjan biex tinbidel il-management fee.

ARMS Ltd – ġbir ta’ flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġabret flus l-ARMS Ltd fl-2012 u fl-2013? Jista’ jgħid ukoll kemm ġabret flus l-ARMS Ltd fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena u kemm ġabret flus fl-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

ARMS Ltd — CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġietx appuntata bħal Chief Executive Officer tal-ARMS Ltd jew hux bħala Acting Chief Executive Officer tal-istess organizzazzjoni? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ dan l-appointment?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ġiet appuntata bħala General Manager. Il-kuntratt għadu qed jiġi finaliżżat.