Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz soċjali — Telecare

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min iħallas għas-servizz tat-telecare? Min hu meħlus minn dan il-ħlas? Kemm tħallas kull kategorija, jekk hemm aktar minn kategorija waħda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li kull persuna li hi eliġibbli għat-Telecare iżda ma tissodisfax il-kriterji ta' eżenzjoni mill-ħlas tal-kera tħallas bir-rata ssussidjata ta' bejn Lm1.00 u Lm1.08 fix-xahar. Jekk ikun hemm 2 persuni li jagħmlu użu mis-Servizz u għalhekk ikollhom bżonn ta' żewġ pendenti, l-ħlas ikun ta' bejn Lm1.16 u Lm1.fix-xahar. Id-differenza fiż-żewġ kategoriji qiegħda fil-kwalita' tal-pendent għax hemm pendenti li għandhom 'range' itwal. Dik il-persuna li jkollha l-karta r-roża, tkun 'l fuq minn 60 sena u tgħix kompletament waħidha jew ma' anzjani oħra tibbenefika mill-eżenzjoni tal-ħlas tal-kera.

Garage

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna li toqgħod f'Housing Estate u li ħadet biċċa art b'ċens għall-ħamsin sena biex tibni garage fuqha tistax 1) jew tixtri l-art li fuqha inbena dan il-garage 2) Tistax din il-persuna tikri dan il-garage lil xi terza persuna

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ta' l-Intern bħala l-Ministru responsabbli mid-Dipartiment ta' l-Artijiet.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga t-talba tal-familja Grech, 12, Vjal in Naspli, San Gwann, biex jixtru il-post li ilhom għexieren ta' snin bil-konvenju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar hija nformata mid-Dipartiment ta' l-Artijiet li l-art li fuqha hemm mibni l-fond numru 12 Vjal in-Naspli San Gwann għadha fil-proċess li tiġi akkwistata.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Ministru jgħid jekk hemm xi ħsieb li toħroġ xi skema ġdida tal-Housing Authority konnessa max-xiri ta' postijiet tal-Gvern? Jekk iva, tista' tagħti indikazzjoni tal-parametri li ser tkun msejsa fuqhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar qiegħda fi proċess li tirrevedi l-iskema li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant. Għadu prematur li nagħtu aktar dettalji fuq din l-iskema ġdida.

Impjiegi Ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mall-Ministeru w entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-11 ta' Settembru 2000 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu l-applikazzjonjiet għal dawn l-imjiegi? Jekk jirrizulta li ġew impjegati mingħajr ma' ħarġu applikazjonijiet, jista' jgħid kemm dawn l-impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji intużaw biex jingħataw l-imsemmi impjieg? Jista' jgħid f'kull każ x'inhu s-salarju u x'inhuma l-kundizzjonijiet

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Bord Mediku

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-persuna li qed insemmi separatament se jerġgħu jibgħatu għaliha għall-bord mediku billi l-kundizzjoni tagħha aggravat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-persuna ndikata ġie investigat. Inżid ngħid illi l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.

Djar — Ta' Xbiex

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-plumbing li jsir f'diversi flats tal-gvern u li kollu jgħaddi minn ġo flat partikolari jiġi rranġat billi jekk tmur xi kanna ta' flat minnhom se jbati kollox resident li ma jaħti xejn? Qed nibgħat l-indirizz ta' l-individwu partikolari b'mod separat.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Djar ta' l-Anzjani — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-istaff tal-homes ta' l-anzjani humiex intitolati għal pilloli b'xejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-ħaddiema li huma ntitolati għal mediċini b'xejn huma: - in-nurses kollha - in-Nursing Aides/Health Assistants/Care Workers u Auxiliaries li fix-xogħol tagħhom għandhom kuntatt dirett mar-residenti.

Imtarfa — Djar ta' l-Anzjani

Question

Jaf il-Viċi Prim Ministru li l-funtana li suppost qiegħda biex issebbah l-ambjent fl-Imtarfa home ta' l-anzjani ma taħdimx u mimlija ħmieġ? Meta se tissewwa u titnaddaf?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li, peress li l-pompa tal-funtana ma tistax tissewwa, ser tinxtara oħra ġdida. Tajjeb li tkun taf ukoll li l-funtana m'hiex maħmuġa tant li l-ħaddiema għamlu xi xogħol ta' manutenzjoni fuqha xi ġranet ilu.

Kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-darba żewġ persuni jaħdmu jkunu joqgħodu f'fond u dil il-persuna li il-kera tinsab f'ismu jiġi qiegħed jikkwalifikax għar-relief assistance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jekk żewġ persuni jkunu qed jiffurmaw familja u jissodisfaw il-kriterji kemm tar-riżorsi kapitali/propjeta' kif ukoll il-kalkoli tal-mezzi għall-għoti ta' l-Għajnuna Soċjali għad-Diżimpjieg, din il-familja tkun intitolata għall-għajnuna. F'każ li tkun qed titħallas il-kera għall-post li tkun tabita, tingħata allowance tal-kera lill-kap tal-familja. Jekk waħda minn dawn il-persuni tkun taħdem fuq bażi full-time, x'aktarx li jkun diffiċċli għal din il-familja biex tissodisfa t-test tal-meżżi għall-finijiet ta' l-Għajnuna Soċjali skond il-Parti VI tat-Tieni Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318).

Kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed iżomm milli tiġi regolarizzata il-kirja tal-fond 153-155, Mensija Rd, San Ġwann li qabel kien iġib in-numri 21-22 f'isem il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li ilu joqgħod fil-fond minn madwar is-sena 1992 meta kienet mietet oħtu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi dak li qiegħed jitlob l-Onor. Interpellant ma jistax isir. Fl-1994 il-persuna ndikata, li dak iż-żmien ma kienetx toqgħod fil-post, kienet ġiet allokata mid-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali post il-Pieta' li għadu fuq isimha.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni lill-Awtorita' tad-Djar HAY 38/2001 (Ħal Balzan)

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-10 ta' Mejju 2001, l-Awtorita' tad-Djar talbet lill-applikant biex jipproduċi dokument relatat ma' l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant. Peress li dan id-dokument baqa' ma ġiex prodott, intbagħat avviż ieħor lill-applikant fit-12 ta' Ġunju 2001.

Day Centre

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-Day Centre li hemm mad-dar ta' l-Anzjani fiż-Żejtun mhux responsabbli għalih l-Kunsill Lokali ta' l-istess lokalita' bħalma jiġri f'lokalitajiet oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ebda lokalita' m'hemm Day Centre li hu responsabbli għalih il-Kunsill Lokali.

SVDP

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Viċi Sindku taż-Żejtun flimkien ma' membri tas-sotto kumitat ma tħallewx jidħlu fir-residenza San Vinċenz de Paule fl-okkazzjoni ta' Jum l-Omm sabiex bħalma jsir kull sena f'din l-okkażjoni jżuru l-anzjani żwieten?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma huwa minnu xejn li l-Viċi Sindku taż-Żejtun flimkien mas-sotto kumitat ma tħallewx jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paule. Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġurnata msemmija, l-persuni ndikati waslu fir-Residenza xi kwarta qabel il-ħin tad-dħul. Peress li dawn il-persuni ma kellhom xejn x'juri bħala identifikazzjoni, kien iktar floku li huma jistennew xi ftit minħabba li kienu diġa' nġabru xi familjari tar-residenti biex jidħlu. Dan kollu sar biex ma jkunx hemm oġġezzjonijiet min-naħa tal-qraba.

Home Help

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-koppja anzjana li r-raġel jinsab bil-krozzi u l-mara marida tingħata b'mod urġentissmu s-servizz tal-home help minħabba l-bżonnijiet tagħhom? Tista' din il-koppja li l-partikularijiet tagħhom qed jitbagħtu separatament jiġu infurmati bl-aħħar żvillupi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-koppja msemmija qiegħed jiġi mistħarreġ ħalli s-servizz jingħata skond il-bżonnijiet meritati.

RAF

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji jidhru hawn taħt, li qatta' numru ta' snin fil-RAF, u spiċċa mis-servizz b'pensjoni Ingliża, għad għandu pensjoni mid-dipartiment tas-Sigurta' Soċjali baxxa ħafna? Jista' jgħid jekk persuni bħal dan l-individwum, hu ser jiggwadanjaw mill-miżura li kienet saret minn Gvern Laburista?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar ir-rata tal-pensjoni li qiegħda tirċievi.

Ex-Serviceman

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn pensjonanti, ex-serviceman, li għadhom mhux qed jibbenefikaw minn dak il-miżura meħuda minn Gvern Laburista tal-1996 sabiex ikun hemm bidla fil-pensjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Mard

Question

Jista' l-Viċi Prim MInistru jgħid jekk id-direttur tal-akkomodazzjoni soċjali għadux bil-policy li postijiet substandard jiġu allokati? Jekk fl-affermattiv, jista' jispjega kif ġie allokat post (kantina) f'Bormla lil Koppja anzjana minn tas-Sliema, fejn ir-raġel ibati minn mard kroniku u jinsab fuq siġġu tar-roti mingħajr possibilita li joħroġ wiċċu l-barra? Jista' allura jinforma jekk hemmx possibilta li dan il-kaz uman ikun jista' jkollu l-intervent tal-Ministru sabiex din il-koppja ma tibqax tgħix fil-miżerja li qed tgħix fiha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-persuni ndikati ġew allokati appartament tal-Gvern li jinsab fil-pjan terran propju minħabba l-mard li għandhom. Huma kienu wkoll qabel ġew offruti appartament ieħor tal-Gvern Raħal Ġdid u lanqas biss riedu jmorru jarawh.

Relief

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn single mothers u separated mothers fuq ir-relief illum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' ommijiet li mhumiex miżżewġa li qiegħdin jirċievu l-Għajnuna Soċjali huwa ta' 890. Fir-rigward tan-numru ta' ommijiet separati, nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24834.