Awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji — Użu ta' proprjeta'
Question
Jista' il-Prim Minsitru jgħid jekk l-awtorita' Maltija għas-servizzi finanzjarji jew il-Bank Ċentrali ta' Malta tul l-aħħar ħames snin kellhomx rapporti dwar - jew ikkonstatawx - l-użu mingħajr il-permessi jew liċenzji meħtieġa ta' proprjeta' bħala uffiċini ta' xi bank kummerċjali? F'każijiet simili, x'passi jittieħdu u x'inhuma l-implikazzjonijiet għall-bank jew banek in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar ħames snin ma jirriżultax li qatt sar xi rapport f’dan is-sens. Jekk ikun il-każ, l-MFSA tieħu l-miżuri xierqa skond il-poteri u provvedimenti tal-Banking Act 1994.
Awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji — Chairpersons/diretturi/kapijiet eżekuttivi
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk qatt sarx stħarriġ mir-Reġistratur tal-Kumpanniji jew l-Ispettorat għas-Servizzi Finanzarji fi ħdan l-awtorita' Maltija għas-servizzi finanzjarji jew mill-board ta' l-accountancy dwar xi irregolaritajiet relatati ma' każi fejn uffiċjali (chairpersons, diretturi jew kapijiet eżekuttivi) ikollhom uliedhom jew qraba immedjati tagħhom fl-ingaġġ ta' l-istess awdituri tal-kumpannija tagħhom? Jekk fl-affermattiv, kienx hemm każi relatati ma banek kummerċjali u x'passi ttieħdu? X'inhuma r-riperkussjonijiet ta' każi simili - b'mod speċjali fid-dawl tal-liġi tal-kumpanniji u tal-liġi dwar il-professjoni ta' l-accountancy?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11951.
Jista' il-Prim Ministru jgħid sa dan l-istadju x'reazzjoni kien hemm fuq il-white paper fuq ir-riforma tal-pensjonijiet?
Jista' jagħti ħjiel kif il-gvern se jipproċedi fuq din il-kwestjoni issa li l-perjodu tal-konsultazzjoni wassal biex jagħlaq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
(Seduta Numru:258) Il-proċess ta’ konsultazzjoni, li l-Gvern estenda mid-data oriġinali tal-31 ta’ Marzu, jagħlaq fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Jien infurmat li waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni membri tal-Grupp ta’ Ħidma fuq il-pensjonijiet kellhom 22 laqgħa ma’ entitajiet u individwi kif ukoll kienu mistiedna fuq 10 programmi fuq il-media. Dan il-proċess għadu għaddej u fil-jiem li ġejjin ser isiru iktar laqgħat mill-membri tal-Grupp.
Tajjeb li wieħed jgħid li kien hemm ukoll korrispondenza attiva mill-pubbliku mal-Grupp fuq il-Website www.pensions.gov.mt.
Jien ukoll infurmat li l-Grupp ta’ Ħidma s’issa rċieva dokumenti formali b’suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet minn 17-il entità u individwu. Qed inpoġġi lista ta’ dawn l-entitajiet u individwi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni, il-Grupp kompla jagħmel iżjed xogħol kemm biex jistudja l-impatt soċjali tar-rakkomandazzjonijiet kif ukoll biex jidħol f’iżjed dettal ta’ kif it-Tieni Pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet kif proposta fil-White Paper tista’ tiġi mplimentata. Jien infurmat li l-Grupp dalwaqt ser jippreżenta dawn id-dokumenti lill-pubbliku.
Meta jagħlaq dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni, il-Grupp mistenni janalizza s-suġġerimenti u proposti li ġew ippreżentati lilu u jippreżenta lill-Gvern ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.
Jogħġbu l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11947 li jien għamilt fl-24 ta' Frar 2005 lill-Ministru Austin Gatt li rrispondieni li risposta tingħata f'xi seduta oħra, u li meta erġajt poġġejt il-mistoqsija fit-13 ta' April 2005 in time ma kenitx mistoqsija tiegħu u talabni nirriferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat?
Mistoqsija parlamentari 11947 tgħid hekk: Issa li nħass li għadda żmien biżżejjed, jista' jagħti risposta għal mistoqsija parlamentari 11108 u cioe' wara d-dikjarazzjoni li kien għamel Fr. Joe Borg, li kien talab lill-awtorita' tax-xandir biex tagħmel inkjesta biex toħroġ il-verita' dwar dak li kien seħħ fin-news room tal-PBS biex kien ħareġ il-filmat tal-protesta nazzjonali li saret fuq il-Fosos tal-Floriana fit-13 ta' Frar, jista' il-Ministru jgħid: 1) jekk il-membri li se jagħmlu l-inkjesta ġewx innominati; 2) x'inhuma t-terms of reference li ngħataw; 3) kemm huwa maħsub li jdumu biex jagħmlu rapport; 4) jekk għandux il-ħsieb li dan ir-rapport isir pubbliku billi jitqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l-ilment datat 15 ta’ Frar 2005 li ressaq Fr Joe Borg, Chairman tal-Bord Editorjali tal-PBS Ltd, u r-risposta ta’ l-Awtorità tax-Xandir għal dak l-ilment. Din l-ittra ta’ l-aħħar twieġeb il-kweżit ta’ l-Onorevoli Interpellant.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 11136, jista' il-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'kien l-ammont totali ta' eżenzjoni mit-taxxa ta' reġistrazzjoni u dazju fuq xiri ta' buses ġodda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk xi dipartiment taħt id-dekasteru tiegħu huwiex qed jistaqsi lill-aġenziji ta' l-ivvjaġġar jew skejjel ta' l-Ingliż għal listi ta' liema host families ħadu studenti għandhom u kemm jiġġeneraw turnover? Jista' jispjega l-iskop ta' dan l-eżerċizzju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim iffirmat bejn il-fondazzjoni għas-servizzi mediċi u l-konsorzju Skanska għat-tlestija ta' l-isptar Mater Dei, a bażi tal-ftehim milħuq fl-aħħar ta' l-2004?
Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanta ta' l-isptar Mater Dei dwar kif se jkunu mqassma s-swali u kull parti oħra ta' l-isptar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10566 u cioe' jgħid matul is-sena 2004 kemm kien in-numru ta' karozzi mikrija mill-uffiċċju tal-Prim Ministru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?
Kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus totali għal dawn il-kirjiet, inkluż l-ispiża totali tal-fuelrispettivament?
Dipartimenti tal-Gvern — Sistema ta' Enerġija solari
Question
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10565 u cioe' jgħid kemm huwa n-numru ta' dipartimenti tal-gvern li matul dawn l-aħħar ħames snin qalbu għas-sistema ta' dawl u/jew enerġija solari? Liema huma dawn id-dipartimenti u kemm swiet, kull każ separatament, din il-bidla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 10565.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul mill-VAT minn attivitajiet edukattivi mis-sena 2000 sa l-2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-attivitajiet edukattivi li jaqgħu fit-tifsira tal-Partita 12 tat-taqsima 2 tal-Ħames Skeda huma eżenti bla kreditu. Għaldaqstant ma tinġabarx VAT fuq dawn l-attivitajiet.
Jista' il-Prim Ministru jelenka l-menu li ngħata lill-klandestini għall-breakfast, l-ikla ta' nofsinhar u ta' filgħaxija din il-ġimgħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-menu li ngħata lill-immigranti rregulari matul il-ġimgħa li għaddiet (11-15 ta’ April 2005) kien ivarja mill-affarijiet ta’ l-ikel skond it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jelenka l-menu tal-breakfast, ta' l-ikla ta' nofsinhar u ta' filgħaxija li ngħata lis-suldati u fizzjali li kienu xogħol din il-ġimgħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma naħsibx li għandi noqgħod ngħid x’kien il-menu ta’ l-ikel għal xi ġimgħa partikulari. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi lment dwar dan l-ikel nitolbu jgħaddihuli.
Awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji — Chairpersons/diretturi/kapijiet eżekuttivi
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk qatt sarx stħarriġ mir-Reġistratur tal-Kumpanniji jew l-Ispettorat għas-servizzi finanzjarji fi ħdan l-awtorita' Maltija għas-Servizzi Finanzjarji jew mill-bord ta' l-accountancy dwar xi irregolaritajiet relatati ma' każi fejn uffiċjali (chairpersons, diretturi jew kapijiet eżekuttivi) ta' kumpanniji jkollhom attivitajiet kummerċjali fi sħab direttament jew indirettament ma' l-istess awdituri ta' l-istess kumpanniji tagħhom? Jekk fl-affermattiv, kienx hemm każi relatati ma banek kummerċjali u x'passi ttieħdu? X'inhuma r-riperkussjonijiet ta' każi simili - b'mod speċjali fid-dawl tal-liġi tal-kumpanniji u tal-liġi dwar il-professjoni ta' l-accountancy?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultax li qatt saru rapporti f’dan is-sens la lill-MFSA u lanqas lill-Accountancy Board. Li kieku l-MFSA u/jew ir-Reġistratur tal-Kumpaniji rċevew xi rapporti kienu jinvestigaw jekk il-fatti jammontawx għal xi ksur tal-liġijiet relevanti u jaġixxu skond il-liġi. Għar-rigward ta’ l-awdituri, l-Accountancy Board ħareġ Kodiċi ta’ Etika ġdid fejn l-awditur għandu jżomm l-indipendenza tiegħu fuq xogħolu f’każijiet bħal dawn billi ma jkunx parti mill-audit team.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux ħsieb li jilleġisla sabiex jagħti aktar trasparenza fil-qasam kummerċjali (kif sar fl-Istati Uniti u pajjiżi oħra) billi jillimita b'mod effettiv u deċiżiv l-attivitajiet tal-kumpanniji ta' awdituri f'oqsma bħal konsulenza, reġistrazzjoni ta' kumpanniji, I.T. jew żamma ta' kotba għall-klijenti tagħhom? Qed isir impact assessment mill-gvern, mill-Bank Ċentrali, mill-awtorita' Maltija għas-servizzi finanzjarji, mill-Accountancy Board jew minn entitajiet oħra ta' l-impatt li qed ikollhom interessi simili li xi kultant jistgħu jkunu konfliġġenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejja proposta ta’ Direttiva mill-Unjoni Ewropea eżattament dwar dawn is-suġġetti u għaddejjin diversi forom ta’ konsultazzjonijiet u proposti dwar aspetti diversi f’din il-materja. Bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta qegħda tieħu sehem attiv f’dawn id-diskussjonijiet tekniċi u finalment Malta tkun obbligata tadotta l-miżuri komuni li jkunu miftehma mill-Unjoni Ewropea. Dan l-eżerċizzju ma jinkludix impact assessment.
Minn naħa ta’ l-Accountancy Board sar studju fuq l-attivitajiet imsemmija fil-mistoqsija u nħareġ Kodiċi ta’ Etika ġdid din is-sena skond standard internazzjonali fejn jirregola dawn l-attivitajiet.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'ġara mid-dar ta' l-anzjani li l-gvern Nazzjonalista ilu tant iwiegħed lir-residenti fil-Mellieħa li se jibni? Għaliex għadda daqstant żmein u dan il-proġett baqa' ma tlestiex? Jista' jara li l-gvern iwettaq din it-talba matul din is-sena ħalli l-anzjani Mellieħin iħossu l-wens li tant jixtiequ jkollhom mill-gvernijiet Maltin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett tad-Dar ta’ l-Anzjani tal-Mellieħa, għalkemm għadu ma nbediex strutturalment, xorta waħda hu miexi skond il-pjan previst. Nifhem li tapprezza li proġett ta’ ċertu kobor jirrikjedi żmien ta’ konsulenza u preparazzjoni kbira.
Jista' il-Prim Ministru jistħarreġ mill-ġdid iċ-ċirkostanzi u l-problemi ta' spejjeż ġodda li jifnu lill-familji li jkollhom imorru barra minn pajjiżna minħabba l-fatt li l-pagi tal-familji tal-ħaddiema qed dejjem jinxfu quddiem l-ispejjeż ta' l-għoli tal-ħajja ta' kuljum fil-gżejjer tagħna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istatistika kollha turi li l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna m’huwiex barra mill-livelli tal-għoli tal-ħajja ta’ pajjiżi oħra. Lanqas jirriżulta li familji Maltin qed imorru barra minn Malta għar-raġunijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni mas-servizz pubbliku matul is-snin 2003 u 2004, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2003 ġew impjegati 609 persuni fi gradi permanenti fis-Servizz Pubbliku filwaqt li spiċċaw 909. Fis-sena 2004, ġew impjegati 642 filwaqt li spiċċaw 1065.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk titħallasx VAT fuq dħul finanzjarju minn żamma ta' studenti barranin ġewwa djar ta' familji Maltin? Jekk le, għandu ħsieb il-gvern li jagħmel dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ ta’ studenti barranin li jintbagħtu fid-djar minn skejjel tal-lingwi, il-VAT fuq il-parti ta’ l-akkomodazzjoni titħallas lid-Dipartiment mill-iskola għaliex tkun tifforma parti mill-pakkett sħiħ li l-istudent barrani jħallas lill-iskola għas-servizz li jingħata.