Jista' il-Ministru jinvestiga ilmenti li deħlin fuq talbiet ta' ħlasijiet mill-kunsill lokali ta Tas-sliema lil sidien għal boundary walls fuq siti ta' żvilupp u fuq ħwienet, meta mid-dehra hemm byelaw li tgħid li materjal fuq il-bankini jkun immultat Lm1 kull metru kuljum?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Regolament 7 ta` l-Avviż Legali Nru 119 ta` l-2002 (Regolamenti dwar Attivitajiet li jeħtieġu permess mill-Kunsill Lokali) jirregola "d-depositu ta` materjal tal-bini jew materjal ieħor jew xi oġġetti f`xi triq" billi jinħareġ permess mingħand il-Kunsill Lokali tal-lokalita` fejn ikun ser isir id-depożitu tal-materjal tal-bini li għalih jintalab dritt (fee).
Għalkemm jista` jkun utli li wieħed jistudja dan il-punt aktar fil-fond, pero` jrid jingħad li ma kienx il-ħsieb tal-leġislatur li boundary wall jiġi nkluż fit-tifsira tal-kliem "depositu ta` materjal tal-bini jew materjal ieħor jew xi oġġetti f`xi triq".
Peress li l-gvern qiegħed fil-proċess li japprova mill-Parlament Central Registry Act, jista' il-Ministru jgħid: 1) jekk huwiex qed jippjana xi tibdil amministrattiv fid-dipartiment konċernat biex ikun jista' jimplimenta din l-istess liġi; 2) jaqbilx illi d-dipartiment tal-Land Registry huwa wieħed mill-aktar dipartimenti effiċjenti u effettiv li huwa għandu; u 3) jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jgħaddi xogħol (jew parti mix-xogħol) li jaqa' taħt dan id-dipartiment lil xi soċjeta' privata?
Response (BORG, TONIO)
Wara li diġa’ ttieħdu xi passi fil-passat sabiex tiġi ffaċilitata l-amalgamazzjoni, eżempju f’dak li hu amministrazzjoni finanzjarja, preżentament qed isir
Operations Review
mill-
Management Efficiency Unit
bil-għan prinċipali li jiġu identifikati r-riżorsi meħtieġa sabiex isseħħ l-amalgamazzjoni sħiħa tar-Reġistri. Il-Gvern huwa kommess li jipprovdi l-qafas amministrattiv neċessarju sabiex l-implimentazzjoni ta’ din il-liġi tant importanti tkun tista’ sseħħ bl-aħjar mod possibbli, fl-aħjar interess tal-klijenti kollha ta’ din id-Diviżjoni u tal-ħaddiema fi ħdanha.
B’hekk, bil-ħidma sfieqa tal-management u l-ħaddiema, inkomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li kien hemm, u f’dan il-kuntest ningħaqad mal-kummenti favorevoli li għamel l-Onorevoli Interpellant.
Il-Gvern huwa konxju mill-ħidma sfieqa li qed issir u kien proprju għalhekk illi fl-Abbozz il-Gvern qiegħed għall-ewwel darba jirrikonoxxi r-rwol tal-ħaddiema, eżempju Artiklu 74 ta’ l-Abozz fejn uffiċjali tar-Reġistru se jiġu maħtura biex iservu fit-Tribunal tar-Reġistru Pubbliku.
Għalhekk għalkemm il-Gvern iqis kull opportunita’ li tista’ tinqala’, bħalissa ma hemmx ħsieb li jista’ jsir xi ħaġa fuq il-linji li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid meta ġiet introdotta s-sistema ġdida ta' telefon fil-ħabs u kemm ġiet tiswa din is-sistema? Jikkonferma l-Ministru li riċentement ngħatat tender oħra biex din tinbidel? Kemm tiswa din it-tender ġdida u lil min ingħatat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sistema ġdida tat-telefon ġiet introdotta fit-23 ta` Lulju 2003. Is-sistema ġdida hija a bażi ta` lease purchase u huwa stmat illi n-nefqa kollha ser tkun ta` madwar Lm19,739.
Infurmat ukoll li ma ingħatat l-ebda tender oħra biex titbiddel is-sistema preżenti.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma eżattament ir-regolamenti dwar ix-xiri ta' sigaretti? Minn liema eta' jista' xi ħadd jibda jixtri prodotti tat-tabakk? Hemm xi regolamenti li jgħidu li tfal taħt ċerta eta' ma jistgħux ipejpu?
Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Ċittadinanza Maltija
Question
Peress illi hawn rapporti nformali li hawn madwar 8,000 barrani ta' nazzjonalita' Ewropea li għandhom dritt għall-vot, jista' il-Ministru jindika figuri iktar preċiżi?
Jista' jindika wkoll kemm hawn foreign residents jgħixu f'Malta u jindika minn liema pajjiż oriġinaw?
Jista' jindika wkoll matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 kemm barranin ottjenew iċ-ċittadinanza Maltija u jispjega pajjiż pajjiż?
Jista' jgħid ukoll jekk għandux statistika formali jew informali ta' kemm hawn barranin f'pajjiżna llegalment u jagħti dettalji?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-ewwel parti tal-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi n-numru ta` residenti permanenti li bħalissa qed jgħixu Malta huwa ta` 1,770. Qed ipoġġi Tabella 'A' fuq il-Mejda tal-Kamra li turi mill-liema pajjiż ġejjin dawn il-persuni.
Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija għas-snin 2000, 2001, 2002 u 2003, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4167. L-informazzjoni dwar is-sena 2004 tinsab f`Tabella 'B' li ukoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija naħseb li l-Onor. Interpellant jaf ben tajjeb li persuni li jinqabdu f`pajjiżna illegalment, jittieħdu l-proċeduri kontrihom u jiġu deportati, u għalhekk mhux il-każ li tinżamm statistika formali jew informali.
Jista' il-Ministru jgħid fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 kemm saru separazzjonijiet bejn barranin jew bejn barranin u Maltin u jagħti dettalji dwar in-nazzjonalita' tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar in-nazzjonalita` ta` persuni f`każijiet ta` separazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-proċess ta' separazzjoni personali - id-dettalji qed jintbagħtu separatament - li jinsab differit għas-16 ta' Marzu 2004?
Jaf il-Ministru li l-prokuratur legali bdiet tivverifika perjodikament u kull ġimgħa li l-proċeduri ta' l-affissjoni qed isiru kif suppost u sas-17 ta' Frar 2004 kienu qed jinformawha li kollox kien in regola, u f'daqqa waħda fis-seduta tat-18 ta' Frar 2004 wara li l-persuna msemmija separatament, li hija mara anzjana ta' 68 sena, kienet ilha ħames sigħat tistenna, għarrfuha li l-proċess ma jistax jinstab?
Jaqbel li din mhix serjeta' u tindika nuqqas ta' organizzazzjoni fir-reġistru ta' din il-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proċess ta` separazzjoni ndikat mill-Onor. Interpellant ma kienx fir-reġistru tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni ta` Ġurisdizzjoni Volontarja) billi kien qiegħed mibgħut lid-Dipartiment tas-Servizzi Legali għall-pubblikazzjoni.
Kif dan tlesta, l-proċess intbagħat lura fir-reġistru fejn jinsab għas-Seduta tas-16 ta` Marzu 2004.
Il-fatt li l-proċess ma jkunx temporanjament fir-reġistru ma huwiex indikazzjoni ta` nuqqas ta` organizzazzjoni.
Jista' il-Ministru jaġġornani dwar meta l-bdiewa, ir-raħħala, eċċ. se jkunu nformati dwar l-iżviluppi tar-reġistrazzjonijiet tar-raba li għamlu snin ilu skond is-sejħiet li saru u li għalihom ħallsu eluf ta' liri u għadhom ma jafu xejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjonijiet li saru taħt l-Iskema sabiex tingħata qbiela fuq art agrikola tal-Gvern bħalissa qed jiġu pproċessati. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant f`dak li għidt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2071 ċioe`, li b`kollox saru madwar 10,000 applikazzjoni u li x-xogħol meħtieġ huwa invarjabilment wieħed laboruż u jieħu fit-tul. F`kull każ li jkun qed jiġi pproċessat it-Taqsima iżżomm kuntatt mal-applikant u tinfurmah b`dak li jkun hemm bżonn sabiex jiġi pproċessat il-każ tiegħu. It-Taqsima qed tagħmel l-almu kollu tagħha sabiex, fid-dawl tar-riżorsi tagħha tipproċessa l-applikazzjonijiet.
Pulizija — Membri li ġew mogħtija każi ta' dixxiplina
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija u/jew uffiċjali fil-korp li ġew mogħtija każi ta' dixxiplina u/jew ġew investigati matul l-2003? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
Sena
Każi ta` dixxiplina deċiżi quddiem il-Kummissarju
Numru ta` każi skond ir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku
(Proċedura ta` Dixxiplina)
1999
503
7
2000
170
1
2001
230
-
2002
271
-
2003
167
12
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ikkonfermati lill-pulizija każi ta' overdose matul din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Diċembru 2003 u l-14 ta` Frar 2004 ġew irrapurtati lill-Pulizija seba` każijiet ta` mwiet b`suspett ta` overdose. Tnejn minnhom sussegwentement ġew esklużi li kien riżultat ta` abbuż ta` droga, filwaqt li f`każ ieħor sa issa mit-test tossikoloġiku ġiet eskluża l-preżenza ta` droga, iżda qed isiru testijiet oħra. Fl-erba` każijiet l-oħra, il-każ jindika suspett qawwi ta` abbuż ta` droga.
Jista' il-Ministru jinformani x'se tkun il-pożizzjoni ta' ċittadini Libjani fl-eventwalita' tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Kif se jaħdem il-proċess sabiex dawn ma jkollhomx bżonn japplikaw għall-visa biex jidħlu f'pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
B`effett mill-1 ta` Mejju 2004 ser ikun hemm bżonn visa biex ċittadin Libjan jidħol f`Malta, ħlief persuni li s-soltu jiġu eżentati.
Meta nidħlu fis-sistema Schengen, il-visa maħruġa liċ-ċittadini Libjani tintitolahom li jidħlu mhux biss f`Malta, iżda fi kwalunkwe pajjiż tal-Unjoni Ewropeja li aċċettaw Schengen.
Dipartiment ta' l-artijiet — Twaqqigħ ta' kamra ta' l-injam
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex qatt ma l-gvern ħa passi biex titwaqqa' kamra ta' l-injam li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha hemm bosta snin u li qed tagħlaq kamra oħra li ġiet mibnija bil-permess u mogħtija lil wieħed sajjied? Din il-kamra ta' l-injam qed tkun ta' inkonvenjent għas-sajjied.
Response (BORG, TONIO)
Il-kamra tal-injam li qiegħda tagħlaq l-aċċess għal kamra oħra ilha mikrija minn l-1942.
Il-kirja tal-kamra ta` wara saret fl-1970. L-aċċess ta` din il-kamra kien dejjem minn passaġġ tant li l-użu speċifiku ta` din il-kamra huwa li tintuża biss għal ħażna ta` xbieki tas-sajd.
Madankollu d-Dipartiment tal-Artijiet ħa jagħmel l-investigazzjoni tiegħu ħalli jara jekk il-kundizzjonijiet tal-kirja tal-kamra ta` l-injam humiex qegħdin jiġu miksura u jekk ikun il-każ jieħu l-passi meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien is-safar li sar fuq xogħol uffiċjali minn uffiċjali governattivi jew oħrajn li tħallsu mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu matul is-sena 2003? Min siefer? Fejn kienet kull safra? Kemm kienet l-spiża ta' kull safra? Min awtorizza kull safra? Min minn dawk li siefru mar first class jew club class?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li van Subaru aħmar abbandunat fi Triq in-Nassab Ħal Qormi jitneħħa mill-pulizija peress li qed joħloq inkonvenjent u periklu għar-residenti ta' l-akwati?
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm immigranti fl-open centre ta' Ħal Far? Jista' jagħti breakdown ta' kemm hemm irġiel nisa u tfal u x'nazzjonalita' huma? Jista' jgħid jekk ġietx mogħtija għajnuna lil għaqdiet volontarji li jaħdmu mar-refuġjati mill-ministeru ta' l-intern matul is-sena 2003? Jista' jsemmi min huma dawn l-għaqdiet u x'tip ta' għajnuna ngħataw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi preżentement in-numru ta` immigranti fl-open centre ta` Ħal Far hu ta` 117, li minnhom 73 huma irġiel, 17 nisa u 27 tfal. Dawn ġejjin mill-pajjiżi kif ġej:-
Congo 35, Ethiopia 3, Eritrea 39, Guinea 1, Iraq 4, Ivory Coast 6, Liberia 1, Mali 1, Palestina 2, Somalia 18 u Sudan 7.
Infurmat ukoll illi matul l-2003 dan il-Ministeru għen lill-Kummissjoni Emigranti billi ħareġ xi spejjeż in konnessjoni ma` sistemazzjoni ta` l-istess refuġjati.
Dwar għajnuniet finanzjarji oħra nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' talbiet pendenti għall-approvazzjoni taċ-ċittadinanza Maltija li fil-preżent għandu l-uffiċċju tiegħu?
X'nazzjonalita' għandhom dawn il-persuni u kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel u x'etajiet għandhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Inżid ngħid li ma tinżammx statistika dwar l-eta` kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li matul is-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija? X'nazzjonalita' kellhom u/jew irrinunzjaw għaliha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta` persuni barranin li akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija fis-snin mitluba mill-Onor. Interpellant huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Inżid ngħid li dawk il-persuni li akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija wara l-10 ta` Frar 2000 jistgħu jibqgħu jżommu ċ-ċittadinanza tagħhom flimkien ma` dik Maltija jekk il-liġi ta` pajjiżhom tippermetti dan.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali tal-pulizija u pulizija fuq xogħol fil-qorti waqt il-ġuri ta' Meinrad Calleja? X'kien jinvolvi x-xogħol tagħhom? X'kienet l-ispiża relattiva?
Response (BORG, TONIO)
Mhix il-prassi li tingħata informazzjoni dwar miżuri ta` sigurta` li jittieħdu mill-Awtoritajiet meta u fejn ikun meħtieġ.