Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14699 Sitting 261 2000-03-13 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont ta' kemm ħadu sigħat f'overtime l-impjegati tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, esklużi dawk ta' l-SRT, minn Lulju 1999 sa l-aħħar ta' Frar, 2000, persuna persuna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar in-numru ta` sigħat f`overtime li nħadem bejn Lulju 1999 u Frar 2000 mill-impjegati tal-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin, esklużi l-membri ta` l-SRT, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #14700 Sitting 261 2000-03-13 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-eżiġenzi tas-servizz li għalihom l-uffiċjali korrettivi fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin fid-dogs section m'għadhomx jaħdmu bix-shift iżda bil-ġurnata u x'inhuma l-eżiġenzi tas-servizz li għalihom is-surġent, li ismu qiegħed jintbagħat separatament, qaleb għas-sistema tax-shift minflok dik bil-ġurnata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li x-xift tal-uffiċjali li jaħdmu fit-taqsima tal-klieb inbidel b`effett mill-1 ta` Marzu 2000. Dan sar biex jiġu mnaqqsa l-ispejjeż u dan sar mingħajr ma ġiet ippreġudikata l-effiċjenza u s-sigurta` fil-Faċilita`. Ma nistax nifhem kif l-Onor. Interpellant wasal għall-konklużjoni li s-surġent li qed jirreferi għalih, bidel ix-xift tiegħu. Dan għaliex l-uffiċjali li jaħdmu fl-uffiċċju tad-direttur baqgħu bl-istess xift li kien hemm taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Leg 9 PQ #14701 Sitting 261 2000-03-13 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Intern — Karozza

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-vettura ta' l-għamla Commodore li kienet tintuża mis-segretarju permanenti tal-Ministeru ta' l-Intern qiegħda issa tiġi wżata mid-direttur tal-ħabs? Jekk iva, jista'l-Ministru jgħid jekk din hijiex l-unika vettura wżata mid-direttur tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-vettura li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet trasferita għall-użu tad-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi f`Diċembru, 1999, iżda din qed tintuża biss f`każ ta` neċessita`. Kien hemm okkażżjonijiet fejn din il-vettura intużat mid-direttur ta` l-imsemmi Dipartiment meta il-karozza li juża hu kienet għal xi tiswijiet jew kienet qed tintuża minn membri tal-SRT meta dawn kienu qed ifittxu liż-żewġ priġunieri li kienu ħarbu mill-S.A.T.U. fi Frar li għadda. Ninsab infurmat ukoll li d-Direttur tas-Servizzi Korrettivi jagħmel użu minn vettura tal-għamla Hyundai Lantra li kienet inxtrat ħames snin ilu u għalhekk, għalkemm bħala kap ta` dipartiment għandu kull dritt li juża kwalunkwe vettura tad-dipartiment, huwa ma għandu l-ebda bżonn li juża vetturi oħra ħlief meta jkollu l-vettura tiegħu bil-ħsara.
Leg 9 PQ #14702 Sitting 261 2000-03-13 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Youth Coordinator

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw għall-post ta' youth coordinator fis-sezzjoni taż-żgħażagħ fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Jista' jikkonferma li, uffiċjalment, diġa' ġie magħżul għal din il-kariga l-persuna li ismu qed jintbagħat separatament?

Response (BORG, TONIO)

Skond l-avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-22 ta` Frar, 2000, l-applikazzjonijiet għall-post li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant jintlaqgħu mid-Direttur tas-Servizzi Korrettivi sas-17 ta` Marzu, 2000, u għalhekk għadhom ma għalqux. L-allegazzjoni fl-aħħar domanda hija miċħuda bil-qawwa kollha.
Leg 9 PQ #14414 Sitting 260 2000-03-08 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permessi għal swimming pools

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn permessi ta' swimming pools f'residenzi privati? F'liema lokalitajiet qegħdin, lokal, lokal?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li sat-2 ta` Marzu, 2000, in-numru ta` permessi għall-swimming pools fi djar residenzjali maħruġa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar kien ta` 751. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-lokalitajiet u n-numri ta` permessi rispettivi għal dawn is-swimming pools.
Leg 9 PQ #14500 Sitting 259 2000-03-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Eureka Serv. Ltd — Kuntratt

Question

B'riferenza għall-kuntratt li l-gvern iffirma ma' Eureka Serv. Ltd peress li kull dipartiment tal-gvern huwa obbligat li jixtri hardware, computer equipment b'konsultazzjoni sħiħa mal-MITTS, jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-MITTS approvax ix-xiri ta' din is-sistema wżata mill-kumpannija bir-reqqa kollha biex f'każ ta'system failure tkun tista' tirratifika? F'każ li le min hija l-kumpannija li sejra tisservisja din id-database? X'passi qed jittieħdu biex il-kumpannija tħarreġ impjegati tal-gvern biex dawn eventwalment iħaddmu din is-sistema meta jekadi jew jiġi terminat dan il-ftehim?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-MITTS kienet tifforma parti mill-Kummissjoni maħtura biex tevalwa l-proposti li saru mill-erba` kumpaniji, fosthom dik li ngħatat il-kuntratt, sa mill-1997. Riċentament il-MITTS ħarġet il-Y2K compliance certificate dwar is-sistema li qed titħaddem. Ninsab infurmat ukoll li għad qed isiru laqgħat b`mod regolari bejn il-MITTS, il-kumpanija u d-Dipartiment. Dawn il-kuntatti u t-twaqqif tal-Unit imsemmija fil-ftehim, li l-kopja tiegħu jiena qegħidt fuq il-Mejda tal-Kamra, għandhom iwasslu biex ikun hemm involviment aktar dirett min-naħa ta` impjegati tal-Gvern.
Leg 9 PQ #14501 Sitting 259 2000-03-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Eureka Serv. Ltd — Kuntratt

Question

B'riferenza għall-kuntratt li l-gvern iffirma ma' l-Eureka Serv. Ltd, jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' mpjegati fulltime u part-time li hemm ma' din il-kumpannija? Jista' jgħid jekk hemmx minnhom li huma nutara pubbliċi? Jista' jgħid kemm daħħlet flus kemm ilha li ħadet il-kuntratt din il-kumpannija u dan peress li l-flus iridu jinqasmu bejn il-gvern u l-kumpannija?

Response (BORG, TONIO)

Dwar it-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li dan jirrigwardja kumpanija privata u hu ta` natura kummerċjali u għalhekk ma nħossx li għandu jiġi magħmul pubbliku. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, mill-kuntratt relattiv li jien qegħidt fuq il-Mejda tal-Kamra, mhux eżatt u jingħad li l-flus iridu jinqasmu bejn il-Gvern u l-Kumpanija. Tajjeb li jiġi nnotat ukoll li f`dan l-istadju għadu għaddej il-perijodu transitorju imsemmi fl-istess kuntratt. Li jista` wieħed jgħid hu li, il-Gvern, bil-ġbir tal-V.A.T. biss, diġa`daħħal ħafna iżjed mill-Lm200 li daħħal fl-1998 mir-riċerki 'uffiċjali'. L-Onor. Interpellant nittama li japprezza li minn sistema fejn kulħadd kien idaħħal il-flus mir-riċerki - ħlief il-Gvern, qlibna għal sistema in parti komputerizzata fejn ir-riċerki huma garantiti b`polza ta` assikurazzjoni. Fl-istess waqt il-Gvern akkwista, mingħajr ħruġ ta` sold wieħed, is-sistema komputerizzata tal-kumpanija kif ukoll dik li qed issir mill-kumpanija għall-komputerizazzjoni sħiħa tad-'data' kollha fir-Reġistru Pubbliku.
Leg 9 PQ #14515 Sitting 259 2000-03-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Razzett f'San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'permessi għandu biex jopera r-razzett li hemm fi Triq San Ġorġ, f'San Pawl il-Baħar? Il-bini tiegħu huwa kollu kopert bil-permessi meħtieġa? Jistgħu jsiru l-ispezzjonijiet meħtieġa biex jiġi vverifikat liema hu bil-permess u liema mhux?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant hu kopert bil-permess PB 3179/86/36/85 maħruġ fl-14 ta` Diċembru, 1984. Ninsab infurmat ukoll li minn stħarriġ li sar, irriżulta li fuq l-istess sit sar żvilupp ta` stores u faċilitajiet oħra konnessi mat-trobbija ta` l-annimali li għalih saret applikazzjoni PA 4845/97 liema applikazzjoni ġiet rifjutata. Fil-frattemp inħarġet Enforcement Notice Ref. ECF 859/99 liema notice ġiet appellata. Dan l-appell għadu pendenti quddiem il-Bord ta` l-Appell.
Leg 9 PQ #14405 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Żebbuġ — Olive Square - Parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni dwar parking, li jsir regolarment mar-roundabout f'Olive Square, Żebbuġ u li huwa ta' periklu kemm għat-traffiku, kif ukoll għal min jgħaddi bil-miexi minn hemm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda pjazza b-isem imsemmi mill-Onorevoli Interpellanti f`Ħaż Żebbuġ.
Leg 9 PQ #14463 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — ID Cards

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' ID cards irrapportati nieqsa lill-pulizija matul l-1999 u sa l-20 ta' Frar ta' din is-sena? Kemm minnhom instabu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-1 ta` Jannar, 1999, sa l-20 ta` Frar, 2000, ġew irrapurtati lill-Pulizija 1,856 karta ta` l-identita` mitlufa, filwaqt li fl-istess perijodu ġew irrapurtati lill-Pulizija 35 karti ta` l-identita` misjuba.
Leg 9 PQ #14490 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Pescatore

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-ewwel ta' Jannar, 2000 sa l-aħħar ta' Frar, 2000 f'liema dati, f'liema ħinijiet (ftuħ u għeluq) u għal liema attivitajiet kellu l-permessi meħtieġa l-Pescatore li jinsab f'San Pawl il-Baħar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat il-liċenzji tal-Pulizija relevanti għall-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant kienu dawk li jien tajt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12266.
Leg 9 PQ #14492 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Raba'

Question

Wara d-diskors tal-Ministru tal-biedja f'dawn l-aħħar jiem li eluf ta' tmiem ta' raba' se jingħata għall-bini mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u fejn qabel kien hemm projbizzjoni dwar dan, jista' l-Ministru jelenka fejn hu dan ir-raba', kemm hu kbir f'kull każ u min hu s-sid?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 14449.
Leg 9 PQ #14493 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Żweġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru żweġijiet matul l-ewwel xahrejn ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu żweġijiet ċivili biss? Kemm saru żweġijiet fejn wieħed/waħda mill-koppji kien/kienet barranija? Kemm saru żweġijiet f'Malta bejn koppji barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar żweġijiet bejn l-1 ta` Jannar, 2000, u d-29 ta` Frar, 2000, hu kif ġej : - Malta Għawdex ----- ------- Total ta` żweġijiet 132 8 Żweġijiet ċivili (mit-total) 53 3 Żweġijiet (parti waħda barranija) 31 xejn Żweġijiet (iż-żewġ partijiet barranin) 14 xejn
Leg 9 PQ #14551 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Kumpens

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kumpens se jingħata lil sidien ta' raba' esproprjata fl-inħawi ta' Raba' tas-Salib fejn l-isptar il-ġdid? Jista' jikkonsidra l-għoti ta' raba' oħra bħala kumpens lil dawn is-sidien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kumpens li ser jingħata lill-persuni li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant ser ikun skond l-Ordinanza għall-Akkwist ta` Art Kap. 88. Ninsab infurmat ukoll li talbiet biex sidien ta` art esproprijata jiġu mogħtija proprjeta` flok flus bħala kumpens jiġu kkunsidrati skond il-policy li tirregola l-Att dwar it-Trasferiment ta` Artijiet skond kif ġiet approvata mill-Parlament.
Leg 9 PQ #12620 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Artijiet? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn is-16 ta` Settembru, 1999, u l-4 ta` Jannar, 2000, kien hemm 3 persuni li ġew trasferiti mid-Dipartiment ta` l-Artijiet għad-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta`. Ta` min jgħid li ż-żewġ dipartimenti jaqgħu taħt it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern. Wieħed minn dawn il-persuni ġie trasferit meta laħaq Direttur filwaqt li t-tnejn l-oħra ġew trasferiti minħabba esiġenzi tas-servizz. Bħal f`kull dipartiment ieħor, transfers isiru skond l-esiġenzi tas-servizz fiċ-ċirkostanzi prevalenti.
Leg 9 PQ #14356 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għassa tal-Fgura

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm preżentement pulizija stazzjonati fl-għassa tal-Fgura u jistax jiġi kkonsidrat li dawn f'ċerti ħinijiet jagħmlu spezzjonijiet ta' ċerti toroq senjatament dik ta' Triq Mater Boni Consiglii?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm Spettur inkarigat mill-Għassa tal-Pulizija fil-Fgura. Il-Pulizija li jkunu ddettaljati xogħol f`din l-Għassa huma stazzjonati fid-Distrett tal-Pulizija Numru 3 fejn hemm 51 Pulizija u 11-il surġent, li minnu l-Għassa tal-Fgura tifforma parti. Kemm il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll dawk tal-Mobile Squad jagħmlu ronda kemm fit-triq imsemmija kif ukoll fit-toroq l-oħra.
Leg 9 PQ #14364 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Bormla — Triq San Ġwann

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba ta' numru ta' persuni residenti fi Triq San Gwann, Bormla li għandhom bjut iħarsu lejn Triq il-Madonna tal-Grazzja, sabiex jingħataw permess li jkollhom ġardina fuq is-sur?

Response (BORG, TONIO)

Minn 'records' li għandha l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma jirriżultax li qatt saru xi talbiet minn xi persuni residenti fi Triq San Ġwann sabiex ikollhom ġardina fuq is-sur, ċioe` fuq in-naħa l-oħra tat-triq jiġifieri minn naħa ta` Triq tal-Madonna tal-Grazzja.
Leg 9 PQ #14396 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Triq Nikol Baldacchino, Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Planning Authority inforzatx biex ħajt ma' għalqa fi Triq Nikol Baldacchino, Qormi li suppost kellu jinbena, biex ma jitwaddabx skart fl-area, jinbena?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Membru hi ġentilment mitluba tagħti informazzjoni dwar minn kellu jibni dan il-ħajt u tindika fuq Site Plan l-area li qed tirreferi għaliha.
Leg 9 PQ #14449 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Artijiet għal bini

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma dak li ġie rrapportat li qal il-Ministru Ninu Zammit, jiġifieri li mijiet ta' ettari ta' art se jiġu mogħtija għall-bini mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fil-ġimgħat li ġejjien?

Response (BORG, TONIO)

Diga` irrispondejt verbalment għal mistoqsija supplementari simili li saritli mill-istess Onor. Membru nhar it-Tlieta, 29 ta` Frar fis-seduta ta` filgħodu u nagħmel referenza għal dak li għidt dak in-nhar.
Leg 9 PQ #14452 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Crownworks/Hornworks

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-development brief għal Crownworks/Hornworks li ġie ppreparat mill-Awtorita' ta'l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tad-development brief għal Crownworks/Hornworks. Aktar kopji ta` dan il-brief jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage tal-Awtorita` ta` l-Ippjanar (www.pa_malta.org).