Legislature:
Category:
Reset
Active:

Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi — Karozza tal-Ministru

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-karozza li tintuża minnu stess bħala ministru hijiex mikrija jew inkella hijiex proprjeta' tal-gvern għax ġiet mixtrija? Fl-eventwalita' li din ġiet mikrija, jista' jgħid kemm qed tinkera kuljum, kemm ilha tinkera, mingħand min u għalkemm żmien ġiet mikrija? F'każ li din hija proprjeta' tal-gvern, jista' jgħid kemm inxtrat u meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-karozza uffiċjali li tintuża minni hi mikrija fuq bażi ta' long-lease mingħand Percius Services Limited bil-prezz ta' Lm350 fix-xahar. Il-kuntratt beda fl-1 ta' April 2004 u jagħlaq fil-31 ta' Marzu 2009. Il-kuntratt hu responsabbli għall-ħlasijiet tal-liċenzja u taxxi kollha konnessi ma' din il-vettura, inkluż ħsarat, maintenance u ħasil kif ukoll l-obbligu li jipprovdi karozza oħra ta' l-istess marka meta l-vettura oriġinali ma tkunx tista' tintuża.

Birkirkara — Skola Vincenzo Borg Brared

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ġewwa l-iskola Vincenzo Borg Brared ġewwa Birkirkara hux wieqaf jew le? Jekk fl-affermattiv, għalfejn dan ix-xogħol huwa wieqaf u kemm ilu? Jista' jgħid ukoll min hu l-kuntrattur li suppost qed jagħmel dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola Vincenzo Borg Brared tlesta x-xogħol fis-sular ta' isfel tat-‘Technology Workshops’. Dan ix-xogħol tlesta f'Settembru li għadda. Hu ppjanat li jinbena sular ieħor fuq il-bini eżistenti. Fil-preżent qed jitlestew it-tenders għal dan il-proġett.

Universita' ta' Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Universita' ta' Malta għandhiex ħsieb li fil-futur toffri korsijiet akkademiċi on line?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita' toffri kors wieħed 'on-line' - li jwassal għal post-graduate Diploma in Diplomacy. Qed tkun studjatha il-possibilita' li jkunu offruti xi korsijiet oħra bl-istess mod. Ta' min isemmi wkoll li riċentement partijiet minn kors li jwassal għal Diploma I.T. ġew trasmessi b' 'video conference mode' fil-Gozo Centre.

Għaqdiet Sportivi

Question

Jista' il-Ministru ġentilment iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra lista aġġornata ta' l-għaqdiet sportivi kollha f'Malta u Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-provvedimenti tar-reġistrazzjoni ta' l-għaqdiet sportivi mal-Kunsill Malti Għall-Isport għadhom ma daħlux fis-seħħ, ma jirriżultalix li hemm lista uffiċċjali ta' dawn l-għaqdiet.

Marsascala — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskola primarja ta' Marsascala qed isir xi xogħol waqt li hemm it-tfal u l-għalliema fil-klassijiet, u dan meta x-xogħol qed isir fuq is-soqfa ta' l-istess klassijiet? Jista' jgħid xi prekawzjonijiet dwar saħħa u sigurta' ġew meħuda?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija numru 11323.

Gradwati għalliema jfittxu xogħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx gradwati għalliema fil-qasam tal-primarja li qed ifittxu xogħol? Jista' jgħid ukoll kemm hemm gradwati għalliema fil-qasam sekondarju u f'liema suġġetti qed ifittxu xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sa l-aħħar ta' Jannar 2005 kien hemm 6 persuni gradwati għalliema ifittxu xogħol u li kienu qed jirreġistraw mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Il-preferenza ta' xogħol li qed ifittxu hija : KWALIFIKA PREFERENZA TA' XOGĦOL LI QED IFITTXU B.ED.HONS. TEACHER IN SECONDARY EDUCATION B.ED.HONS. TEACHER IN SECONDARY EDUCATION P.G.C.E. CARE WORKER INSTITUTION BASED P.G.C.E. MANAGERS HUMAN RESOURCES P.G.C.E. SALES REPRESENTATIVE P.G.C.E. TEACHER IN SECONDARY EDUCATION

Ċentri sportivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma ċ-ċentri sportivi li fil-preżent jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-gvern jew tal-kunsill Malti għall-isport jew xi korp ieħor maħtur mill-gvern? Kemm hemm impjegati full-time u part-time ma' kull ċentru sportiv? Kemm kienet l-ispiża, f'pagi u salarji inkluż overtime, matul dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena? Jista' jgħid fl-istess perjodu kemm kienu l-ispejjeż marbuta ma' maintenance minn mindu ġew mibnija? Jista' jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali sabiex dawn ġew mibnija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ċ-ċentri sportivi li fil-preżent jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Malti għall-Isport huma dawk tal-Marsa, Kottonera kif ukoll il-Pixxina Nazzjonali (tal-Qroqq). Fil-kumpless sportiv tal-Marsa hemm 24 impjegat 'full-time' (wieħed minn dawn huwa impjegat direttament mill-IPSL). Fil-kumpless sportiv tal-Kottonera hemm 10 ħaddiema 'full-time' (tnejn minn dawn huma impjegati direttament mill-IPSL) Fil-Pixxina Nazzjonali, tal-Qroqq, hemm 26 persuna 'full-time' u wieħed 'part-time' (wieħed minn dawn huwa impjegat direttament mill-IPSL). Il-Kunsill Malti għall-Isport irċieva l-ewwel 'tranch' ta' flus mingħand il-Gvern fid-disgħa ta' Lulju 2003. Għaldaqstant huwa minn din id-data li l-Kunsill Malti għall-Isport beda jħallas il-pagi. Bejn Lulju u Diċembru 2003 intefqu Lm108,661 fuq pagi. Dawn kienu mqassma hekk: Kumpless Sportiv Cottonera - Lm6,958 Kumpless Sportiv Marsa - Lm74,228 Pixxina Nazzjonali - Lm27,475 Fis-sena 2004 nteffqu Lm299,276 fuq pagi. Dawn kienu mqassmin hekk : Kumpless Sportiv Cottonera - Lm32,376 Kumpless Sportiv Marsa - Lm137,947 Pixxina Nazzjonali - Lm128,953 Bejn Jannar u Marzu 2005 ntefqu Lm70,693 fuq pagi. Dawn kienu mqassmin hekk: Kumpless Sportiv Cottonera - Lm10,749 Kumpless Sportiv Marsa - Lm28,918 Pixxina Nazzjonali - Lm31,026 Informat ukol li dwar maintenance, fil-perjodu bejn 1 ta' Marzu 2003 u 30 ta' Settembru 2003 il-Kunsill Malti Għall-Isport kellu spiża globali ta' Lm16,798 filwaqt li fit-tnax-il xahar ta' wara l-ispiża kienet ta' Lm90,985. Fir-rigward ta' maintenance u upkeep kien hemm :- 1 ta' Marzu 2003 sa 30 ta' Settembru 2003: Kumpless Sportiv Cottonera - Lm12,265 Kumpless Sportiv Marsa - Lm4,319 Pixxina Nazzjonali - Lm214 1 t'Ottubru 2003 sa 30 ta' Ottubru 2004: Kumpless Sportiv Cottonera - Lm16,008 Kumpless Sportiv Marsa - Lm29,877 Pixxina Nazzjonali - Lm45,100

Ċentri sportivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma ċ-ċentri sportivi li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-gvern jew ta' xi korp ieħor maħtur mill-gvern bħal kunsill Malti għall-isport, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Jista' jgħid ukoll kemm hemm impjegati full-time u part-time ma' kull wieħed separatament? Kemm kienet l-ispiża f'pagi u salarji, inkluż overtime matul dawn l-aħħar tlett snin, sena b'sena? Kemm kienu l-ispejjeż ta' maintenance minn mindu dawn inbnew? Kemm kienet l-ispiża totali sabiex dawn ġew imwaqqfa?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija ta' l-istess Onor. Membru numru 11522.

Tal-Qroqq — Pixxina

Question

Jista' il-Ministru jgħid min hu l-manager il-ġdid tal-kumpless tal-pixxina f'Tal-Qroqq? Minfejn hi din il-persuna? Jista' il-Ministru jgħid xi proċedura ġiet segwita fl-għażla u l-ħatra ta' din il-persuna? X'esperjenza għandha din il-persuna f'management u fit-tmexxija ta' pixxina?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Sur George A. Whelpdale huwa l-manager tal-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq. Huwa ġie maħtur Facility Manager f'Novembru 2004. Is-Sur Whelpdale kien ġie magħżul minn Bord ta' l-Għażla minn fost lista t'applikanti mibgħuta mill-Employment Training Corporation skond job descripition maħruġa mill-istess KMS. Informat li l-Bord tal-Għażla kien sodisfatt bil-kwalifiki u esperjenza tas-Sur Whelpdale fir-rigward ta' management. Ma kien hemm l-ebda applikant li kellu kwalifiki direttament fuq it-tmexxija ta' Pixxina.

Organizzazzjoni Equal partners — Persuni b'diżabilita'

Question

Jista' il-Ministru jikkunsidra li jirrikmanda li l-organizzazzjoni "Equal partners' li qed tagħmel xogħol siewi fis-settur tal-persuni b'diżabilita' tibda tingħata għajnuna mill-gvern biex tkun tista' tlaħħaq aħjar ma' l-ispejjeż li għandha?

Response (GALEA, LOUIS)

Inħoss li f'dan l-istadju jkun aħjar li wieħed jistenna ir-rakkomandazzjonijiet tal-'working group' li qed jaħdem fuq l-edukazzjoni inklussiva.

Konkors Premju Letterarju 2002

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10927, jista' il-Ministru jgħid: 1) x'inhu l-livell mitlub biex ktieb jingħata sussidju? 2) Għal liema difetti l-ktieb "Meta l-Madonna tidher jew tibki" ma laħaqx il-livell mitlub? 3) Min kien/u l-ġudikanti f'dan il-każ? 4) Jekk jaqbilx li f'dan il-qasam il-pubbliku Malti għandu dritt għal din l-informazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord ta' l-Għażla indipendenti kien magħmul minn: Dr. Robert Attard – Chairman, Dr. Carol Jaccarini – Membru Is-Sur Joe Borg – Membru Informat li fil-fehma tal-Bord ta' l-Għażla ix-xogħolijiet in kwestjoni ma laħqux il-livell, ġudizzju li kif jaf l-Onor. Membru ma jistax ikun sindakabbli minni. Nemmen ukoll li l-pubbliku Malti jinteressah li jkollu l-assikurazzjoni li l-evalwazzjoni issir biss fuq ħwejjeġ li għandhom x'jaqsmu mat-tema, l-istil, l-oriġinalita', l-Malti, l-preżentazzjoni u ħwejjeġ simili. Għandi fiduċja sħiħa li l-evalwazzjoni f'dan il-każ kienet integra anke jekk hu naturali li jkun hemm min ma jaqbilx magħha, speċjalment jekk ikun involut personali.

Għaqdiet mhux governattivi — Għoti ta' flus

Question

B'żieda għal tweġiba parlamentari 10290, jista' il-Ministru jgħid jekk:- id-dipartimenti u l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu jagħtux xi għajnuna lil għaqdiet volontarji u organizzazzjonijiet mhux governattivi, fi kwalunkwe forma, bħalma huma għotjiet ta' flus, materjal, użu ta' proprjeta', self ta' ħaddiema, benefiċċji minn skemi, eżenzjonijiet, eċċ.? Jekk fl-affermattiv: (a) lil liema għaqdiet u organizzazzjonijiet; b) kenitx għotja ta' darba biss jew tingħata perjodikament; u (c) kemm hu stmat li tiswa l-għajnuna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ jirċievi għotja ta' Lm6,000 kull sena mill-voti tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol. Barra minn hekk il-Ministeru jirċievi għadd ta' talbiet minn għaqdiet volontarji u organizzazzjonijet mhux governattivi għal għajnuna finanzjarja u dawn jiġu kkunsidrati fuq il-meriti tagħhom. Informat ukoll li lista ta' għajnuna finanzjarja li ngħatat matul is-sena 2004 qed tinġabar u tingħata aktar 'il quddiem.

Universita' — Kors Erasmus Mundi

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10977 u cioe'jista' jgħid jekk l-Universita' ta' Malta qattx applikat biex tagħmel kors fil-livell ta' masters taħt l-iskema magħrufa bħala Erasmus Mundi? Jekk le, għaliex? Jekk iva, f'liema oqsma kienu dawn il-masters u x'kienet ir-raġuni li s'issa għad ma ġietx magħżula? Hemm xi ħsieb li wieħed ikun aktar aggressiv f'applikazzjoni oħra, stanteli huwa maħsub li f'korsijiet oħra fil-futur huma mistennija li jieħdu parti eluf ta' studenti mid-dinja kollha li se jiġu biex jistudjaw fl-Ewropa għal madwar sentejn?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita` ta’ Malta kellha erba’ applikazzjonijiet, iżda ġew aċċettati tlettax-il applikazzjoni biss mill-pajjiżi kollha. Għalkemm ma ntlaqgħet l-ebda applikazzjoni minn Malta, l-Universita` ta’ Malta xorta ħa tipparteċipa b’mod indirett f’erba’ oqsma: - Liġi - Inġinerija - Drittijiet tal-bniedem u - Tekonoġija Informatika.

Universita' — Staff akkademiku

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 11656, jista' il-Minsitru jagħti lista ta' min huma l-full-time academic staff ta' l-Universita' li fil-fatt għandhom permess sabiex jagħmlu xogħol ieħor privat jew pubbliku? Kif qed tiġi kkumpensata l-Universita' talli dawn il-persuni qed jagħmlu xogħol a detriment ta' sħabhom, l-istudenti u r-riżorsi ta' l-Universita'? Jista' jgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom jiġu kkunsidrati t-talbiet? Kemm-il talba ġiet miċħuda, sena b'sena, mill-1998? Xi jgħid il-collective agreement ta' l-istaff akkademiku dwar xogħol privat jew pubbliku? Jista' ipoġġi t-taqsimiet relevanti fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma nħossx li għandi nagħti informazzjoni ta' natura privata kif mitluba mill-Onor. Membru. Iżda ninsab assigurat li min għandu il-permess jagħmel xogħol ieħor dan ma jkunx ta' detriment għall-Universita'. Naf ukoll li b'hekk jingħata kontribut lis-settur ekonomiku u dak soċjali tal-pajjiż. Informat li l-Ftehim Kollettiv jipprovdi li l-għoti tal-permessi meħtieġa jingħataw sakemm arranġamenti adekwati jiġu magħmula biex ix-xogħol barra l-Universita' ma jkollux effett negattiv fuq ix-xogħol akkademiku fl-Universita'.

Universita' — Staff akkademiku

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari preċedenti dwar University full-time academic staff li jaħdmu wkoll mal-privat jew mas-servizz pubbliku, jidhirlu l-Ministru jekk huwiex il-każ li din il-materja għandhiex tiġi regolata b'mod apert u trasparenti billi ċertu persuni jokkupaw karigi kemm pubbliċi u kemm privati li huma ta' relevanza nazzjonali li ħafna drabi jistgħu jkunu ta' konflitt mhux biss minħabba l-istatus tagħhom bħala uffiċjali mħallsa mill-kaxxa ta' Malta iżda, fuq kollox, moralment ipoġġu l-istess persuni - u l-gvern - suġġetti għal akkużi ta' nuqqas ta' sensittivita' lejn l-Universita' stess minħabba l-impenn neċessarju fix-xogħol magħżul?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija numru 11944.

Universita' — Staff akkademiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk u kemm-il każ instab ta' staff akkademiku li kien qed jaħdem f'postijiet oħra bla permess tul l-aħħar ħames snin? Min hu responsabbli minn dan l-istħarriġ? X'inhi l-pożizzjoni uffiċjali tal-ministeru tiegħu dwar dan it-tip ta' xogħol fid-dawl tas-sitwazzjoni ta' l-ispejjeż ta' l-Universita', l-issue ta' l-istipendji u, fuq kollox, il-ħaqq soċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma hemm l-ebda struttura fl-Universita' responsabbli biex tistħarreġ jekk impjegati akkademiċi humiex qed jaħdmu privatament mingħajr permess. Dwar il-pożizzjoni ta' l-Universita' u tal-Ministeru, fuq xogħol minn akkademiċi barra l-Universita', nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija numru 11944.

Skejjel — Inċidenti

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10544, jista' il-Ministru jinfurmani x'xogħlijiet qed isiru fl-iskejjel sabiex jiġu evitati perikli simili għal dawk li ġew rappurtati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'kull skola għandna Health and Safety Teachers li l-kompitu tagħhom huwa li joħolqu kuxjenza dwar aspetti ta' Health and Safety fil-ħajja ta' madwarna. Dawn l-għalliema jagħmlu wkoll risk assessments regolari biex jaċċertaw li aspetti li jistgħu jkunu ta' riskju jew periklu jiġu identifikati lill-kapijiet ta' l-iskejjel biex dawn jieħdu l-passi neċessarji biex jitwettqu x-xogħolijiet meħtieġa biex iħarsu t-tfal fdati fil-kura tagħhom minn kull periklu. Qed jingħata wkoll taħriġ lil dawn l-għalliema biex ikunu kostantament aġġornati.

skejjel — Xogħol ta' manutenzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema skejjel qiegħed isir xogħol bħalissa ta' manutenzjoni u/jew xogħol ieħor? Jista' jgħid x'inhu x-xogħol li qiegħed isir u kemm jiswa f'kull każ? Min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u ma laħaqx wasal fl-uffiċju tiegħi, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Skejjel — Xogħol ta' manutenzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid għas-sajf li ġej fejn hu maħsub li jsir xogħol ta' manutenzjoni jew xogħol ieħor u f'liema skejjel? X'tip ta' xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li se jsir xogħol ta' manutenzjoni fl-iskejjel kull fejn hemm bżonn u fil-limiti taż-żmien disponibbli.

Skejjel Pubbliċi — Libreriji

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-libreriji lokali li jiftħu wara l-ħinijiet tax-xogħol u f'liema ħinijiet jiftħu? Minn dawn, liema huma dawk il-libreriji li jinsabu ġo skejjel pubbliċi?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpooġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-Libreriji Friegħi/Reġjonali (Lokali) li jiftħu wara l-ħinijiet tax-xogħol kif ukoll il-ħinijiet li jiftħu.