Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #2579 Sitting 93 2013-11-20 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu li ltaqgħu minn Marzu ta’ din is-sena sad-data li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #6040 Sitting 93 2013-11-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Trackless Train

Question

B'referenza għall-mistoqsijsa parlamentari 5826, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema konsultazzjoni saret mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar minn Transport Malta għal dak li jikkonċerna l-bidliet marbuta mar-rotta tat-trackless train? Ma min saret il-konsultazzjoni min-naħa tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u meta ġew approvati l-istess bidliet mill-istess kunsill lokali? Kemm-il laqgħa ta' konsultazzjoni saret mill-Kunsill Lokali u meta u fejn inżammu dawn l-istess laqgħat?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ma kellu l-ebda laqgħa ta’ konsultazzjoni kif qed jirreferi l-Onor. Interpellant. Jien infurmat iżda li għaddiet korrispondenza bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar dwar xi tibdil.
Leg 12 PQ #6054 Sitting 93 2013-11-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – Triq Għawdex – stallazzjoni ta’ dawl

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar jassigura li fi Triq Għawdex, f’San Pawl il-Baħar, jinxtegħel id-dawl pubbliku fiha, minħabba n-nuqqas ta' dawl li hemm?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li fit-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hemm erba’ bozoz: tlieta (3) stallati ma’ ħitan u oħra (1) ma’ arblu. Il-Kunsill Lokali ma rċieva l-ebda rapport jew ilment dwar ħsarat jew nuqqas ta’ dawl. Madankollu l-Kunsill se jara x’nuqqas jista’ jkun hemm u, jekk ikun il-każ, jara li s-sitwazzjoni titjieb.
Leg 12 PQ #6020 Sitting 91 2013-11-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali tal-Mellieħa, n-Naxxar u San Pawl il-Baħar — fondi extra

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhuma maqsuma t-talbiet għall-fondi extra li saru mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, n-Naxxar u San Pawl il-Baħar għaż-żmien li ġej? Billi qed jingħad li almentu wieħed minn dawn il-kunsilli għamel rapport li fih jiġġustifika talba ta' €9,000,000 extra għas-snin li ġejjin, jista' jagħti breakdownta' x'kienu dawn it-talbiet?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li ma rċeviex talbiet bl-ammonti li qed isemmi l-Onor. Interpellant mill-Kunsilli Lokali rispettivi.
Leg 12 PQ #5912 Sitting 87 2013-11-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Il-Qawra — Użu ta' ramel imtella mill-baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn intuża r-ramel (u materjal ieħor) li ttella mill-baħar fil-Qawra, iktar minn sena ilu u li tpoġġa għal numru ta' xhur, f'post pubbliku fil-Qawra stess? Billi hu l-kunsill lokali (la darba r-ramel kien fil-kustodja tiegħu) li kien responsabbli għal dan l-istess ramel, jista' jagħti tagħrif dwar meta tneħħa minn fejn kien dan l-istess ramel, u min għamel is-superviżjoni ta' dan ix-xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li r-ramel in kwistjoni kien tnaddaf mill-fliexken u skart ieħor u tpoġġa madwar l-arbuxelli tal-Oleander li hemm fl-istess sit. Infurmat ukoll li dan ix-xogħol sar mill-kuntrattur li tqabbad mill-Maniġer ta’ San Antonio Hotel & Spa, fit-28 ta’ Ottubru 2013, bħala inizjattiva ta’ responsabilta’ soċjali għall-inkonvenjent li t-tali lukanda toħloq lir-residenti tal-madwar.
Leg 12 PQ #6026 Sitting 87 2013-11-16 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Agrituriżmu – operaturi ta’ negozju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn operaturi ta’ negozju li jiġi riklamat bħala agrituriżmu f’Malta u f’Għawdex separatament?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa llum għadha ma teżistiex liċenzja għall-operaturi ta’ agrituriżmu. Għaldaqstant f’dan l-istadju mhux possibli li tingħata l-informazzjoni mitluba. Il-Gvern bħalissa qiegħed jaħdem sabiex jirregolarizza u jippromwovi l-Agrituriżmu bħala niċċa ġdida għas-settur turistiku Malti.
Leg 12 PQ #5373 Sitting 84 2013-11-15 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar — bankini

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-bankini li ġew estiżi mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar matul din is-sena? Fejn jinsabu u, f’kull każ, kemm kienet l-ispiża involuta? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm bankini ġew mogħtija wiċċ tal-konkos matul din is-sena u fejn jinsabu?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li kien hemm bankina waħda li sar ix-xogħol fuqha. Din tinsab bejn Triq it-Turisti u Triq il-Maskli u swiet €2,411.03.
Leg 12 PQ #5883 Sitting 84 2013-11-15 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – Laqgħat – live streaming

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li applikaw biex ikunu jistgħu jibdew il-live streaming tal-laqgħat tal-kunsill? Liema huma l-kunsilli lokali li għadhom ma bdewx jagħmlu live streaming? Meta hu maħsub li dawn il-laqgħat se jkun live streamed b’mod permanenti?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa ppjanat li l-laqgħat tal-Kunsilli Lokali jkunu live streamed sa tmiem din is-sena. Intant nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 4907 għall-bqija tal-mistoqsija tiegħu. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ Kunsilli Lokali li bbenefikaw mill-iskema li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.
Leg 12 PQ #5589 Sitting 83 2013-11-14 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ħaż-Żabbar — Triq is-Santwarju u Triq l-Inkurunazzjoni – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' resurfacing ta' Triq is-Santwarju, Triq l-Inkurunazzjoni u l-isqaqien tal-biswit hux imdaħħal fil-programm ta' xogħlijiet tal-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żabbar? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żabbar li x-xogħol ta’ resurfacing fi Triq l-Inkurunazzjoni f’Ħaż-Żabbar mistenni jinbeda hekk kif il-korporazzjoni Enemalta tlesti x-xogħol li se tagħmel f’din it-triq, liema xogħol ilu pendenti għal snin twal. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali diġà ħareġ sejħa għall-offerti għal resurfacing ta’ Triq l-Inkurunazzjoni. Ix-xogħol f’din it-triq mistenni jiswa madwar €50,663. Infurmat ukoll li f’Lulju ta’ l-2011 kien sar xogħol ta’ patching estensiv fi Triq is-Santwarju. Fl-eventwalità li jkun hemm bżonn ta’ xi manutenzjoni f’din it-triq dan isir f’qasir żmien skont id-disponibiltà tal-fondi.
Leg 12 PQ #5841 Sitting 83 2013-11-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — korrispondenza

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li l-kunsilli lokali qed jirreġistraw il-korrispondenza kollha li jkun hemm, kemm korrispondenza minn awtoritajiet governattivi, kif ukoll minn persuni privati? Kull kemm żmien qed ikun hemm xi forma ta' spezzjoni biex jiġi assigurat li din ir-reġistrazzjoni qiegħda sseħħ? X'passi jittieħdu kontra min ma jagħmilx tali reġistrazzjoni? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet fejn inqabdu impjegati li ma rreġistrawx kull korrispondenza li daħlet? X'passi ttieħdu?

Response (VELLA, KARMENU)

Kif jaf ben sewwa l-Onor. Interpellant, is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali huwa l-Kap Amministrattiv tal-Kunsill u allura għandu jassigura li ssir tali reġistrazzjoni. Fl-eventwalità li s-Segretarju Eżekuttiv isib xi problema dwar dan, huwa obbligat bħala Uffiċċjal Pubbliku, li jirrapporta minnufih lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Sa issa ma jirriżultalix li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qatt kellu xi rapport dwar dan, la mingħand Segretarji Eżekuttivi, la minn Membri ta’ Kunsilli Lokali u lanqas mill-pubbliku. F’dan id-dawl nappella lill-Onor. Interpellant sabiex, jekk huwa konxju ta’ xi każ partikolari, nistiednu jagħti l-informazzjoni li għandu lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jew inkella lili sabiex ngħaddieha lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, għall-investigazzjoni tiegħu.
Leg 12 PQ #5842 Sitting 83 2013-11-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – kunsill lokali — trażmissjoni ta’ laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jagħti assigurazzjoni li t-trażmissjoni tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qiegħda verament issir, għaliex meta ppruvajt nisma’ l-laqgħa tat-23 ta' Ottubru ma rnexxilix nagħmel dan? Jista' jassigura li l-laqgħat qegħdin fil-fatt jiġu trażmessi?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li t-trażmissjoni tal-laqgħat kellhom jieqfu wara li nqalgħu xi problemi tekniċi relatati mas-sound. Intant jien infurmat ukoll li għaddej dak kollu li hu meħtieġ sabiex tinstab il-problema u l-aħjar soluzzjoni għaliha. L-Onor. Interpellant jifhem u jappreza li tali problemi tekniċi jistgħu jinqalgħu f’kull mezz ta’ komunikazzjoni u teknoloġija u għaldaqstant jifhem wkoll li ħadd, la l-Kunsill Lokali u wisq anqas il-Ministeru, is-Segretarjat Parlamentari jew id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, ma jista’ jkollu xi forma ta’ kontrol fuq il-problemi tekniċi li jistgħu jinqalgħu.
Leg 12 PQ #5583 Sitting 81 2013-11-13 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Dipartiment tal-Kunsilli Lokali – monitoring unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba għall-informazzjoni saret mill-Monitoring Unit tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali lil diversi kunsilli lokali, mit-12 ta' Marzu 2013 ’l hawn kunsill b'kunsill u xahar b' xahar? Barra minn hekk: a) Fiex kienet tikkonsisti kull talba magħmula; b) Meta saret kull talba; ċ) Lil liema kunsilli intalbet; d) Mingħand min oriġinat it-talba għall-informazzjoni; e) X’kienet ir-raġuni għalfejn intalbet din l-informazzjoni; f) Mingħand min ġiet it-talba oriġinali għal tali informazzjoni; u g) Fejn qed tintuża din l-informazzjoni?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #5584 Sitting 81 2013-11-13 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Freeport – noise pollution

Question

Peress illi qabel l-elezzjoni ta’ Marzu 2103 kien attenda konferenza stampa fejn fiha ġew ikkundannati l-ħsejjes mill-Freeport bil-lejl, u fejn saħansitra sar aċċenn illi l-Freeport għandu jieqaf jopera bil-lejl, jista’ l-Ministru jgħid jekk illum għadux tal-istess ħsieb? Jekk le, x’inhi r-raġuni li bidel fehmtu?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Iva għadni tal-istess fehma, li l-ħsejjes mill-Freeport bil-lejl huma ta’ fastidju għan-nies ta’ Birżebbuġa. L-aċċenn ma kienx li l-freeport tieqaf topera bil-lejl imma li topera bil-lejl bl-anqas ħsejjes possibbli.
Leg 12 PQ #4595 Sitting 79 2013-11-12 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali – konsulenti legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari ghall-Kultura u l-Gvern Lokali, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #4594 Sitting 78 2013-11-11 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – konsulenti legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-uffiuuju tal-Ministeru għat-Turiżmu, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #5804 Sitting 78 2013-11-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Lukandi li se jagħlqu għax-xitwa

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5371, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk minbarra l-lukandi li hemm imsemmija f'din il-lista tar-risposta, fil-fatt hemmx lukandi oħra li minflok avżaw li se jagħlqu għall-perijodu speċifiku, avżaw li se jagħlqu definittivament? Jekk iva, kemm kienu u liema kienu?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm żewġ lukandi fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar li avżaw lill-Awtoritá tat-Turiżmu li se jagħlqu għal perijodu indefinit. Dawn huma: Mediterranea Hotel u Topaz Hotel. Il-proprjetari tal-Lukanda Topaz, avżaw illi qegħdin iffittxu operaturi oħrajn sabiex possibiliment terġa’ tiftaħ f’Mejju li ġej.
Leg 12 PQ #5722 Sitting 75 2013-11-08 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għat-Turiżmu

Foss tal-Imdina – dawl mitfi

Question

Jaf il-Ministru li parti sostanzjali mill-Foss tal-Imdina qiegħda tkun mitfija? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni wara dan?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-Mistoqsija Parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura, li taħtu taqa’ r-responsabiltà tal-Foss tal-Imdina.
Leg 12 PQ #5723 Sitting 75 2013-11-08 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għat-Turiżmu

Tignè — Ġnien Bonello du Puis – ġnien mifti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ġnien Bonello du Puis, f’Tignè, qed jitħalla mitfi anke wara s-sitta ta’ filgħaxija?

Response (VELLA, KARMENU)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema li l-ġnien li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellant mhux qed jitħalla mitfi iżda bi żvista t-timers li jixgħelu d-dwal ma kienux aġġustati fil-ħin mill-electrician hekk kif daret is-siegħa. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema se jieħu ħsieb jirrimedja s-sitwazzjoni.
Leg 12 PQ #5725 Sitting 75 2013-11-08 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ġnien ta’ Pembroke – stat ta’ telqa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni dwar l-istat ta’ telqa li jinsab fih il-ġnien ta’ Pembroke ta’ quddiem il-post li huwa indikat separatament?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Ġnien Pembroke għandu r-riżorsi kollha neċessarji għal tindif, sigurtà u manutenzjoni. Bħal kull post ieħor pubbliku l-ġnien hu espost għal vandaliżmu li però qegħdin jiġu ndirizzati mill-ewwel min-nies responsabbli.
Leg 12 PQ #5799 Sitting 75 2013-11-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar – talbiet għal zebra crossings

Question

Billi skont il-mistoqsija parlamentari 5369 jirriżulta li hemm sitt zebra crossings li ġew approvati minn Transport Malta, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, u li dawn iridu jinżebgħu mill-kunsill lokali nnifsu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dawn il-crossings inżebgħux? Fejn, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, jinsabu dawn il-crossings?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ż-zebra crossings li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma dawk fi: ¨ Triq San Pawl (ħdejn il-Kappella tal-Karmnu); ¨ Triq it-Turisti (ħdejn il-Bandli tal-Veċċ); ¨ Triq il-Qawra (bejn Triq il-Porzjunkula u Triq il-Frejgatina); ¨ Triq il-Qawra (bejn Triq ir-Rizzi u Triq l-Arzell); u ¨ oħra fi Triq il-Qawra. Minn dawn saret waħda fi Triq il-Qawra, bejn Triq il-Porzjunkula u Triq il-Frejgatina. L-oħrajn ser isiru fil-futur.