Legislature:
Category:
Reset
Active:

PTA — Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk madwar xahar ilu l-Awtorita' għat-Trasport Pubbliku qabditx fiċ-Ċirkewwa trakk/xarabank tat-turisti taħdem bla permess u mingħajr numri tar-reġistrazzjoni u mingħajr chassis number? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li din il-vettura f'daqqa waħda sparixxit mill-post? Jista' jgħid jekk din il-vettura hijiex l-istess waħda li tintuża għall-ġarr tal-ħaddiema tal-Freeport? Jista' jgħid x'passi ttieħdu f'dan ir-rigward?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-uffiċjali ta` l-Awtorita dwar it-Trasport Pubbliku qabdu xarabank fl-inħawi taċ-Ċirkewwa li ma kellux il-pjanċi (u allura n-numri tar-reġistrazzjoni) konformi mal-body tax-xarabank. Dan il-każ seħħ f`April li għadda u fuqu saru żewġ rapporti li tmexxew għand il-pulizija. Iż-żewġ każi bħalissa huma sub-gudice. L-Awtorita dwar it-Trasport Pubbliku rċeviet ittra anonima f`Mejju li għadda li kien hemm vettura mhux liċenzjata taħdem fl-inħawi u ġewwa l-Freeport. L-Awtorita kitbet lill-Management tal-Freeport sabiex jekk dan l-abbuz jeżisti jiġi mwaqqaf. Minn naħa tagħha l-Awtoria għamlet spot checks regolari u ma nstabx li kien hemm xi vettura taħdem illegalment fil-viċinanza tal-Freeport.

Baħrija — Triq il-Qastan - Bankina

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex matul l-1999 u matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, il-parti tal-bankina quddiem ir-residenza 'White Dove' fi Triq il-Qastan, il-Baħrija ma tkomplietx? Jista' jinformani kemm-il darba l-kunsill tar-Rabat irrapporta dan il-każ lid-dipartiment konċernat? Jista jawtorizza x-xogħlijiet immedjatament sabiex ma tkomplix issir inġustizzja mal-familja in kwestjoni? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-bankina msemmija mill-Onor. Interpellant ma saritx mid-Dipartiment tat-Toroq. Il-Kunsill tar-Rabat kien involut meta sar il-'Co-ordination meeting' mad-Dipartiment tat-Toroq biex isiru l-preparamenti għal asfaltar ta' din it-triq u ż-żona ta' madwarha. Meta jsir ix-xogħol ta' l-asfalt, id-Dipartiment tat-Toroq jara u jiżgura li l-bankini kollha jkunu kompluti.

Baħrija — Triq il-Qastan

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani meta se jitkomplew ix-xogħlijiet fi Triq il-Qastan, Baħrija? Kemm se jiswew dawn ix-xogħlijiet u se jiġi żviluppat fil-pjazza? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti ta' kif qed ikun maħsub li tiġi rranġat din il-pjazza?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għamel il-Co-ordination meetings sabiex isiru preparamenti ġhall-asfaltar tat-Toroq, Triq il-Qastan, Triq T Xerri, Triq il-Kapella l-Qadima u Triq Ġdida fi Triq il-Lewż. Għadhom ma sarux pjanti għat-tisbiħ tal-pjazza u dawn isiru wara li ssir il-konsultazzjoni neċessarja mall-Kunsill Lokali.

Qormi — Triq l-Imdina - Parkeġġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7672, jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi biex fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi, wara l-hockey club, ma jibqax isir parking ta' heavy vehicles mal-bankina ta' djar residenzjali li jlaħħqu sal-gallariji tagħhom, b'riskju għas-sigurta' tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku flimkien mall-Kunsill Lokali ta' Ħal-Qormi qed jikkunsidraw it-talba ta' l-Onor. Interpellant u ser jaraw x'jista' jsir.

PTA — Rotot ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'servizzi ġodda (jew rotot) ġodda huwa ppjanat mill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku biex jilħqu l-areas f'Ħal Qormi li huma 'l bogħod miċ-ċentru tar-raħal?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li m`hemmx talbiet pendenti għal rotot ġodda ġewwa Ħal Qormi, madankollu l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku ser tara xi bżonnijiet ta` estensjoni ta` servizz hemm f`din l-area partikolari.

Qormi/Żebbuġ — Traffic collisions

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li fit-turn li hemm quddiem ix-showroom tal-KIA fit-triq bejn Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ, issir "bay" għal dawk il-vetturi li jkunu jridu jduru ma' din it-turn? Jikkonsidra li din hija materja urġenti minħabba d-diversi każijiet ta' traffic collisions f'dan il-lok partikolari?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tlabt lil Bord għall-Kontroll tat-Traffiku jikkunsidra t-talba ta' l-Onor. Interpellant.

B'Kara — Triq Dun Vincent Saliba

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet Triq Dun Vincent Saliba ta' Tal-Qattus, Birkirkara u jekk hux se titkompla bit-tarmac?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-kuntratt biex tiġi ffurmata Triq Dun Vincent Saliba ngħata fis-16 ta' Frar, 2000. Meta nbeda x-xoħol nstab li f'xi partijiet l-iżviluppaturi ma kienux nadfu t-triq mill-ħamrija kollha meta dawn kienu għamlu l-bini fiha u għalhekk qed isiru testijiet biex jiġi stabbilit jekk l-art hiex tajba biex tinbena t-triq fuqha. Hemm ukoll medda tad-dranaġġ li trid titbaxxa għall-livel adekwat. Fl-aħħar nett irid jissemma wkoll illi saru kostruzzjonijiet mill-privat li joħorġu l-barra mill-linja tal-bini u li d-Dipartiment qed jistenna konferma mingħand il-perit privat li kien responsabbli tal-kostruzzjoni li din tiflah għall-piżijiet tat-traffiku. Malli dawn il-punti jiġu ċċarati x-xogħol ikun jista' jitlesta.

Baħrija — Tarmac

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani bil-programm ta' l-għoti tat-tarmac fil-Baħrija fis-sitt xhur li ġejjin? Kemm hija kkalkulata n-nefqa għal dawn ix-xogħlijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kif diġa rrispondejt fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 14494 bħalissa qed isir ix-xogħol biex tiġi mtejba l-Mtarfa Bypass li hija t-triq li tagħti l-aċċess għal Baħrija li t-tieni fażi tagħha hi stmata li tlaħħaq Lm100,000. Id-Dipartiment tat-Toroq għamel il-'Co-ordination meetings' sabiex isiru preparamenti għall-asfaltar tat-Toroq, Triq il-Qastan, Triq T. Xerri, Triq il-Kapella l-qadima u Triq Ġdida fi Triq il-Lewż, u x-xogħolijiet f'dawn it-toroq eventwalment isiru skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment.

PTA — Ftehim

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 17176?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għad baqa' erba' punti tal-ftehim li kien sar bejn l-Awtorita tat-Trasport Pubbliku u l-'Gozo Bus Owners Association' li kien sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti li għad mhux jiġu mplimentati. Jien infurmat ukoll li s-sidien kollha kienu xtraw il-vettura addizzjonali skond il-ftehim waqt li għad baqa' erba' vetturi li għad irid jiġi nstallat l-'air conditioner' fuqhom.

PTA — Rotta Nru. 11

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li r-rotta tal-karozza tal-linja numru 11, bejn Birżebbuġia u Valletta, minflok tibqa' tgħaddi minn Palm Str, Paola hija u sejra l-Belt, tibda tgħaddi mill-pjazza ta' Raħal Ġdid sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent għan-nies li jkollhom jimxu mill-istage ta' Palm Street minflok ikollhom jimxu biss mill-pjazza, peress li hemm karozzi oħra li jgħaddu minn Palm Street fid-direzzjoni tal-Belt?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li jekk it-talba tiġi milqugħa, dan ifisser li r-residenti li joqgħodu Palm Street u l-madwar jispiċċaw mingħajr servizz ta` trasport pubbliku. Ta` min ifakkar li mill-istage eżistenti fil-bidu ta` Palm Street sal-pjazza ta` Raħal Ġdid hemm biss ftit minuti bogħod.
Leg 9 PQ #17491 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Traffic Control Board — Membri

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 17334 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid min huma l-membri tal-bord tat-traffiku? Min kienu l-membri tal-bordijiet minn Settembru, 1998 sal-lum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ic-Chairman tal-Bord huwa l-Maġġur P.P.Ripard.

Qormi — Triq il-Ħammieri/Triq Valletta

Question

Jista' l-Ministru jordna li fi Triq il-Ħammieri u Valletta Road, Qormi jsiru traffic calming measures peress li dawn it-toroq huma popolati u minnhom jgħaddi ħafna traffiku?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku flimkien mall-Kunsill Lokalti ta' Ħal-Qormi qed jikkunsidraw it-talba ta' l-Onor Interpellant u ser jaraw x'jista' jsir.

Installation of Telecomunication Equipment and Antennae

Question

Jista' l-Ministru jagħti konferma li mhux se jsir ħsara mill-"Installation of Telecomunication Equipment and Antennae" f'ħafna lokalitajiet f'Malta u Għawdex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 16918.

MMA — Regolamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk ir-regolamenti ġodda li l-Awtorita' Marittima se tintroduċi b'effett mis-sajf li ġej għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li jużaw opri tal-baħar fl-ibħra tal-gżejjer tagħna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li r-regolamenti li hemm ħsieb li jiġu ntrodotti rigward ir-Reġistrar ta` l-opri tal-baħar iż-żgħar,`Small Ships Regulations`, sejrin jiġbru fihom regolamenti li fil-passat kienu jaqgħu taħt il-`Police Licences Regulations` u taħt il-`Water Skiing Regulations`, L.N. 19-1985 flimkien ma' bidliet oħra li qed jiġu dikussi.

Trasport — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati jew konsulenti legali li taw jew qegħdin jagħtu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, f'xogħol relatat ma' monitoring, screening, addozzjoni, kompatabilita' eċċ ta' liġijiet, direttivi, deċiżjonijiet, regoli, eċċ ta' l-Unjoni Ewropea u li taw dan is-servizz minn Jannar, 1999 sal-lum? X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ? X'kienet in-nefqa jew ħlas li ngħata u li qiegħed jingħata f'kull każ? Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti? Min jew liema bord ta' għażla jew xorta oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intgħażlet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji mitluba dwar liema Dipartimenti-Entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi kkommissjonaw is-servizz; l-avukati jew konsulenti legali li taw is-servizz; kemm tħallsu għas-servizz; u x`tip ta` servizz li ngħata f`kull każ. Minħabba n-natura ġeneralment speċjaliżżata tas-suġġett partikolari, is-servizz individwali ntalab minn avukati-għaqdiet ta` avukati-konsulenti legali li kienu esprimew interess li jidħlu għal dan it-tip ta` xogħol wara li saret sejħa pubblika. F`kull każ il-ħlas għas-servizz ġie stabbilit skond il-provedimenti tar-Regolamenti Finanzjarji u fuq il-parir ta` `adjudicating board` imwaqqaf apposta u, fejn l-ammont kien ta` aktar minn Lm2,500, wara awtoriżżazzjoni speċifika tal-Ministeru tal-Finanzi.

Trasport — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati jew konsulenti legali li taw jew qegħdin jagħtu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu u li taw dan is-servizz minn Jannar 1999 sal-lum? X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ? X'kienet in-nefqa jew ħlas li ngħata u li qiegħed jingħata f'kull każ? Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti? Min jew liema bord ta' għażla jew xorta oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intgħażlet?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli nterpellant tingħata f`seduta oħra.

Mosta — Triq il-Kungress Ewkaristiku

Question

Peress li Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta kellha ssir one way b'sistema apposta, jista' l-Ministru jgħid għaliex dan il-pass ma sarx kif kien imwiegħed li jsir mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Jista' l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa ħalli din il-problema tiġi rimedjata bla aktar dewmien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li d-Dipartiment tat-Toroq ħareġ `tenders` meħtieġa għall-xogħolijiet li jagħmlu l-bidla fid-direzzjoni tat-traffiku possibli.

Rabat — Toroq

Question

Peress li numru ta' toroq urbani u rurali fir-Rabat, Malta, ġew dikjarati li huma fi stat inaċċettabbli u l-kunsill lokali tar-Rabat ma għandux il-finanzi meħtieġa biex jagħmel il-manutenzjoni meħtieġa f'dawn it-toroq fil-lokal Rabti, jista' l-Ministru jara li jsiru xogħlijiet mill-ministeri konċernat, kif kien isir taħt il-gvern Laburista preċedenti, sabiex il-kunsill tar-Rabat verament jiġi mgħejjun jirrimedja għal dan in-nuqqas fl-istat tat-toroq li qed joħloq inkonvenjent kbir lill-komunita' kollha Rabtija? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ma nħossx li hemm xejn aktar x`inżid fuq ir-risposta għad-domanda parlamentari Nru 16287 ta` l-istess interpellant.

Mosta — Main Street - Xogħlijiet

Question

Peress li r-residenti f'Main Street, Mosta, ilhom snin jilmentaw dwar l-istat ħażin ta' din it-triq u l-bżonn urġenti li jsir il-water culvert ta' l-ilma tax-xita li qed jispiċċa f'din it-triq u joħloq problemi kbar lir-residenti, jista' l-Ministru jikkunsidra li jdaħħal fil-programm tax-xogħlijiet tiegħu għajnuna lill-kunsill lokali tal-Mosta sabiex mill-aktar fis possibbli ikollu l-fondi ħalli jilqa' x-xewqa tar-residenti Mostin? Billi jenħtieġu spejjeż kbar biex jiġu rranġati toroq oħra fil-Mosta li ġew dikjarat fl-aħħar rapporti li saru li huma fi stat inaċċettabbli, jista' l-Ministru jestendi din l-għajnuna lill-kunsill tal-Mosta fix-xhur li ġejjien? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq informa lill-Kunsill Lokali li kien ilu bil-ħsieb li jagħmel `culverts` f`din il-lokalita` biex tonqos il-problema ta` l-għargħar. Iżda għal issa dawn il-pjanijiet għadhom ma ġewx iffinaliżati. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija Parlamentari Nru. 16287, u nħoss li ma hemm xejn aktar x`inżid dwarha.

Birgu — Irmiġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk is-sidien ta' l-opri tal-baħar li għandhom l-irmiġġ tagħhom quddiem il-monument tal-Ħelsien il-Birgu, humiex se jibqgħu jgawdu dan l-irmiġġ meta jsir il-proġett tal-Marina?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li biex iseħħ il-proġett tal-Kottonera, l-Awtorita` Marittima tagħt id-dritt lill-Cottonera Waterfront Group biex tibni, topera, tiżviluppa u tikkontrolla l-Yacht Marina. Il-baħar quddiem il-monument tal-Ħelsien fil-Birgu jaqa` taħt din il-konċessjoni. Il-Cottonera Waterfront Group huma, skond il-kuntratt, obbligati li jipprovdu faċilitajiet għal 150 frejgatina fl-istess Marina.