Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn — Triq it-Tiben

Question

Jista' il-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 11573 u cioe' jgħid jekk fil-lista ta' toroq li se jsiru f'Wied il-Għajn hux se ssir Triq it-Tiben? Jekk le għaliex meta din ilha iffurmata u abitata ħafna aktar minn ċerti toroq oħra li se jsiru, jew li diġa' saru, jew li qed isiru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li Triq it-Tiben, f’Wied il-Għajn hija nkluża fil-lista tat-toroq li se jsiru mill-Awtorita' dwar it-Trasport.

Wied il-Għajn — Toroq

Question

Jista' il-Ministru issa jirrispondi mistoqsija parlamentari 11574 u cioe' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista tat-toroq li qed isiru, jew li se jsiru, f'Wied il-Għajn?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Toroq li saru riċentament u li qed isiru mill-Awtorita' dwar it-Trasport f’M’Scala huma: Triq ir-Roża Triq il-Ħamrija Triq l-Aħdar Trid Hurd’s Bank Bini ta’ Culvert fi Triq P.Vendomme Toroq li se jsiru f’ M’Scala matul din is-sena Triq Patri Wistin Born Triq l-Aħmar Triq Kannella

Karozzini — Liċenzji

Question

Jista' il-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 11618 u cioe': B'riferenza għal mistoqsijiet parlamentari oħrajn li jien għamilt dwar il-problema tal-liċenzji tal-karozzini, jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li dawk li għandhom il-karozzin u qed jaħdmu bla liċenzja jingħataw iċ-ċans li jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom? Huwa informat il-Ministru li hemm min għandu liċenzja imma m'għandux la karozzin u wisq anqas żiemel u qed jispiċċa jbigħ il-liċenzja għal eluf ta' liri jew inkella jikriha lil terzi persuni? Biex jinqata' dan l-abbuż, jaqbel il-Ministru li dawk li għandhom karozzin u żiemel u qed jaħdmu bla liċenzja għandhom jingħataw iċ-ċans, imqar għal darba waħda, biex jiġu regolari u liċenzjati? Jista' iwieġeb ġentilment dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita’ dwar it-Trasport ma għandiex il-ħsieb li toħroġ liċenzji ġodda għall-karozzini. L-Awtorita' m’hiex informata li hemm min għandu liċenzja u m'għandux karozzin. Dawk il-persuni li għandhom karozzin u żiemel u qegħdin jaħdmu bla liċenzja qed jiksru l-liġi. L-Awtorita’ dwar it-Trasport ser tassigura li l-liġi ma tinkisierx u għalhekk twaqqafħom milli jagħmlu hekk.

Żebbuġ — Imdina Road - Junction

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-junction proposta ħdejn ix-showroom ta' Cortis f'Imdina Road, Żebbuġ tinvolvix twaqqigħ ta' bini eżistenti? Jista' il-Ministru ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta ta' din il-junction?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Żejtun — Triq tal-Barrani - traffic lights

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11681 u cioe' peress li bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari 9437 tad-29 ta' Novembru 2004 il-Ministru ġie informat li x-xogħlijiet fil-proġett tat-traffic lights fi Triq il-Barrani, Żejtun kellhom jitlestew fi żmien ħames ġimgħat u li kienu se jiġu jiswew madwar Lm45,000, jista' il-Ministru ġentilment jispjega għaliex dik is-somma ta' Lm45,000 inqabżet bil-bosta? Ma jidhirlux il-Ministru li l-qabża esaġerata f'somma ta' Lm22,462 hi waħda esaġerata, u jista' jgħid fiex intnefqet id-differenza bejn l-istima u s-somma attwali? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol għall-agrikoltura ta' madwar Lm1,462?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B’riferenza għal mistoqsija parlamentari 9437 tad-29 ta’ Novembru 2004, l-istima għax-xogħlijiet fil-proġett tat-traffic lights kienet ta’ madwar Lm45,000. Din kienet l-istima Dipartimentali magħmula bir-rati li kienu jintużaw mid-Dipartiment tat-Toroq. Din l-istima kienet saret f’April 2003. It-tender għal dan ix-xogħol ġie ppublikat f’Jannar 2004. Wara li għalqu t-tenders dawn ġew evalwati fejn l-orħos offerta kienet dik ta’ Lm63,307.23. Wara diskussjonijiet ma’ l-orħos tenderer ingħata roħs ta’ Lm2,639.47 biex it-tender ingħata għall-valur ta’ Lm60,667.76. Rigward ix-xogħol għall-agrikultura, l-ammont ta’ Lm1,462 jinkludi kumpens għal diversi tipi ta siġar u dwieli kif ukoll għal irrigation pipesu goodwill loss. Din l-istima nħadmet mid-Dipartment ta’ l-Agrikultura.

Pembroke — Triq il-Mediterran

Question

Jista' il-Ministru jinformana jekk ix-xogħol fuq Triq il-Mediterran, Pembroke, liema xogħol qed isir mill-gvern ċentrali, hux on schedule u f'liema data mistenni jitlesta x-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħol beda fis-7 ta’ Marzu u kien mistenni li jitlesta fi żmien seba’ ġimgħat. Minħabba diffikultajiet li nqalgħu fit-tip ta’ kostruzzjoni tat-triq, ser ikollu jingħata cement stabilization layer taħt asphalt. Issa x-xogħol hu mistenni li jitlesta għall-bidu ta’ Mejju 2005.

Vetturi — Reġistrazzjoni

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10516, jista' il-Ministru jinformani bl-istess tagħrif għal second hand vehicles?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' karozzi, vetturi, eċċ second hand li ġew reġistrati matul Jannar ta’ din is-sena kif ukoll għas-snin 2004, 2003, 2002, 2001 u 2000 huwa kif jidher hawn taħt :- Private Vehicles Commercial Vehicles Vehicles for Hire Buses & Mini Buses Motor cycles Total Jan 2000 123 121 0 0 11 255 Jan 2001 144 115 0 0 30 289 Jan 2002 261 110 3 2 29 405 Jan 2003 236 150 5 1 3 395 Jan 2004 305 166 0 0 1 472 Jan 2005 192 83 0 0 1 276 Total 1261 745 8 3 75 2092

Qormi — Triq l-Imdina - Culverts

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitnaddfu l-culverts li hemm fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi (faċċata tal-pompa tal-petrol) minħabba intejjen li ħerġin minnhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Karozzi Reġistrati f'Malta u Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi ġodda reġistrati f'Malta u Għawdex separatament matul l-ewwel disa' xhur tas-sena? Kemm minnhom huma diesel u kemm petrol? X'livell ta' kapaċita' tal-makna għandhom? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Distretti nri 11 u 12 Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10466 u cioe' jista' jgħid xi proġetti għandu l-ministeru fir-rigward ta' toroq u żvilupp urban għal bliet u rħula tal-11 u t-12-il distrett elettorali? Kemm huma stmati li se jiswew dawn ix-xogħlijiet? Meta mistennija jibdew u jitlestew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Cottonera waterfront regeneration

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-proġett tal-Cottonera waterfront regeneration? Meta beda x-xogħol? Meta mistenni jitlesta? Kemm ministenni jħaddem nies meta jitlesta dan il-proġett? Kemm se jiġi jiswa? Min hu l-iżviluppatur?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-proġett ta' riġenerazzjoni tal-Waterfront jestendi bejn il-Fortizza ta' Sant' Anġlu u l-Ponta ta' l-Isla. Dan ix-xogħol ta' riġenerazzjoni jinkludi sistema integrata u komprensiva ta' restawr u rijabilitazzjoni ta' bini storiku u żvilupp ta' infill sites, stallazzjoni ta' Marina u mollijiet u xogħol ta' infrastruttura relatat mas-sit. Il-ħsieb hu li bir-restawr tal-bini storiku tingħata dehra isbaħ lill-inħawi u din issir żona li tattira aktar turisti u attivita' kummerċjali. It-titjib tal-ambjent u l-attivita' kummerċjali jirriżultaw fir-riġenerazzjoni ta' żona ħafna akbar - jiġifieri l-Kottonera kollha kemm hi. Iż-żoni rijabilitati jibdew joffru opportunitajiet aħjar għal ħin ħieles għan-nies tal-madwar u għalhekk titjib fil-kwalita' tal-ħajja tan-nies tal-Kottonera. Fost il-proġetti speċifiċi issib:- Restawr tal-Fortizza ta' Sant Anġlu u użu u żvilupp ta' partijiet bħal ma huma il-Batterija ta' De Gurial, Fitnes/Spa u residenzi, Sea Wall u dawk li jissejħu Sea Gate Vaults. Fuq il-moll ta' Sant' Anġlu hemm maħsub li jinbena Pied-A-Terre. Ġie msaħħaħ u estiż il-moll ta' Sant' Anġlu. Kien rijabilitat Scamps Palace u konvertit fil-Casino di Venezia Nbnew ir-residenzi ta' Sant' Anġlu Hemm maħsub li tinbena l-lukanda li fuqha hemm applikazzjoni pendenti Sar restawr tal-iMħazen ta' Caraffa u kif ukoll tal-bini tat-Teżorerija. It-Teżorerija mistennija tibda taħdem fis-sajf li ġej Ir-rijabilitazzjoni ta' Cement Stores - (applikazzjoni pendenti) Ser isir ukoll restawr tal-Maċina u żvilupp anness - (applikazzjoni pendenti) Serje ta' studji dwar kif jista' jiġi żviluppat u operat il-Car Park ta' Santa Margerita F'dawn l-aħħar sentejn ġiet stallata l-Marina u s-servizzi anċillari Bħalissa qed titħejja skema ta' landscaping għall-arja msemmija hawn fuq Ma' dawn il-proġetti speċifiċi nsibu proġetti bħall titjib fl-infrastruttura bħas-sistema tad-dranaġġ, ilma u dawl. Ix-xogħol fuq il-Cottonera Waterfront Regeneration inbeda wara l-iffirmar tal-kuntratt fit-2 ta' Ġunju 1999. L-iżvilupp miexi skond il-kuntratt iffirmat u fuq l-Outline Application. L-iżviluppi individwali jiddependu ħafna mill-eżitu u l-proċess tal-applikazzjonijiet ta' żvilupp. Il-proġett qed jimpjega n-nies u jiddependi mill-konsorzja kemm jimpjegaw nies. Huwa maħsub illi hemm investiment totali ta' l-fuq minn 22 M Lm L-iżviluppaturi jinkludu:- Cottonera Waterfront Group Grand Harbour Marina Port Cottonera Treasury Development Co. Ltd. Gateway Development Co. Ltd Macina Development Co. Ltd. Casino di Venezia Group Dock No 1 li huwa l-aħħar fażi li jagħlaq proġett komplut jaqqgħad il-promenad u l-waterfront u t-Tliett Ibliet tal-Kottonera.

Bormla — Baċir Nru. 1

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-development brief imħabbar mill-gvern għall-iżvilupp ta' l-inħawi ta' baċir numru 1 f'Bormla?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 9537.

Ħal Qormi — Triq il-Wied - pelican lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-Direttorat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fi ħdan l-ADT approvax l-istallazzjoni ta' pelican lights fi Triq il-Wied f'Ħal Qormi wara insistenza kontinwa li saret f'dawn l-aħħar snin u f'liema data dawn ġew approvati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Minn riċerka li saret fir-records tad-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li t-talba tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi għall-pelican crossing ma ġietx milqugħha. Id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku kien irrakomanda li minflok pelican crossing issir raised zebra crossing li tkun taqdi l-bżonnijiet tal-pedestrians biex jaqsmu t-triq filwaqt li tkun isservi wkoll ta’ traffic calmer. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ġie mgħarraf b’din ir-rakomandazzjoni fis-17 ta’ Frar 2005. Fit-18 ta’ Frar 2005, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi informa lid-Direttorat li kienu ser jiddiskutu magħna din ir-rakomandazzjoni.

Ħal Qormi — Triq il-Wied - xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-ADT milli jibda x-xogħol ippjanat iktar minn sena ilu fi Triq il-Wied f'Ħal Qormi li jinkludi l-bini mill-ġdid tal-footbridge li twaqqa' fl-għargħar ta' l-2003, it-twaqqigħ tal-bridge eżistenti u l-bini ta' pelican crossing road hump u l-bini ta' culvert ta' madwar 1km? Jista' jgħid għaliex għal dan ix-xogħol li kien approvat mill-ministru ta' qablu, sal-lum ħarġet tender waħda uffiċjali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

ADT — Qormi: Triq Imdina

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fi Triq l-Imdina f'Ħal Qormi hemmx il-ħsieb li l-ADT tiżbogħ is-sinjali tal-parkeġġ mill-ġdid minħabba li dawk li kien hemm marru maż-żmien? Jista' jara jekk dan il-parkeġġ jistax isir forma ta' kaxxi, kif sar f'postijiet oħra mhux sempliċement sinjal wieħed tul it-triq, u b'hekk ikun hemm aktar kontroll u nuqqas ta' inkonvenjent għar-residenti li jgħixu fil-viċin u li għandhom il-garaxxijiet fl-inħawi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Żejtun: Triq tal-Barrani — Traffic lights

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11461 u cioe': Peress li bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari 9437 tad-29 ta' Novembru 2004 il-Ministru ġie informat li x-xogħlijiet fil-proġett tat-traffic lights fi Triq il-Barrani, Żejtun kellhom jitlestew fi żmien ħames ġimgħat u li kienu se jiġu jiswew madwar Lm45,000, jista' il-Ministru ġentilment jispjega għaliex dik is-somma ta' Lm45,000 inqabżet bil-bosta? Ma jidhirlux il-Ministru li l-qabża esaġerata f'somma ta' Lm22,462 hi waħda esaġerata, u jista' jgħid fiex intnefqet id-differenza bejn l-istima u s-somma attwali? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol għall-agrikoltura ta' madwar Lm1,462?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jispjega lill-Kamra x'tip ta' kordinazzjoni teżsiti bejn id-dipartiment tat-toroq u l-korporazzjonijiet tas-servizzi pubbliċi - il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma, l-Enemalta u l-Maltacom - biex ikun hemm sens fl-immaniġjar tat-toroq ta' pajjiżna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi il-kordinazzjoni li ssir fil-permessi biex isir xogħol fit-toroq hi billi l-applikazzjoni tiġi mibgħuta lill-Entitajiet konċernati biex dawn jispeċifikaw l-kundizzjonijiet u jagħmlu r-rimarki tagħhom fuq dik it-triq partikulari li se jsir ix-xogħol fiha. Dawn il-kundizzjonijiet u/jew rimarki jiġu mittifsa fil-permess meta dan jiġi approvat. Minbarra hekk, qabel kull proġett li jkun ser jiġi eżegwit, id-Direttorat javża lill-entitajiet konċernati bix-xogħol li jkun ser isir sabiex kull tip ta’ xogħol li jkollhom fil-pjanijiet tagħhom fit-triq partikulari isir qabel jew waqt il-kostruzzjoni. Skond in-natura u l-iskala tal-pjanijiet proposti mill-istess entitajiet, id-Direttorat ihejji id-disinji meħtieġa. Dawn id-disinji jindirizzaw kif l-infrastruttura tiġi mgħoddija taħt l-art fil-forma ta’ kanali mdaqqsa skond l-eżigenzi u kwistjoni, tubi biex jingħaddu cables minn ġo fihom jew trinek illinjati skond l-istudju stransversjali li jkunu saru qabel ma titħaffer it-triq. Meta dawn il-pjanijiet ikunu finalizzati, u jibda l-proċess tal-kostruzzjoni, isiru wkoll diversi laqgħat ma’ rapreżentanti tekniċi ta’ kull entita konċernata sabiex ikun diskuss mall-kuntratturi tax-xogħol kif għandhom jiġu eżegwiti id-dettalji tal-kostruzzjoni. Dawn id-disinji jiġu updated u dettaljati tul l-andament tax-xogħol u jkunu dettaljati tali li jirriflettu l-iskala u l-importanza tal-proġett.

Testijiet tal-liċenzji tas-sewqan

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex persuni li qed jeħlu mit-test tal-liċenzja tas-sewqan qed joffrulhom li jerġgħu jitilgħu għat-test fil-ġurnata tas-Sibt li jkun imiss fejn qed jintalbu aktar fees minħabba overtime tal-learners u l-persuni li jmexxu dawn it-testijiet? Jista' jgħid kemm huma l-fees relatati mat-test tal-liċenzja tas-sewqan? Jista' jgħid jekk hemmx xi ħlasijiet extra minħabba overtime li jsir minn dawn il-ħaddiema?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Id-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet mhux qed iġiegħel lil min jeħel mit-test tas-sewqan biex jerġa' jitla' għat-test fil-ġurnata tas-Sibt. Kandidati li jeħlu u jkunu jixtiequ jerġgħu jersqu għat-test mingħajr dewmien, qed tingħatalhom l-opportunita' li bi ħlas ‘extra’ ta’ Lm 10 jkunu jistgħu jersqu għat-‘test’ is-Sibt. Dan qed isir fuq talba li r-rappreżentanti tal-‘Motoring Schools’ għamlu mad-Direttorat.

Toroq — Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11398 u cioe' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista tat-toroq mhux asfaltati li saru f'kull lokalita' matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Imqabba — Triq il-Ħmistax ta' Settembru 1598

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi neċessarji ħalli Triq il-Ħmistax ta' Settembru 1598 fl-Imqabba tingħata wiċċ ġdid?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li saret spezzjoni fit-triq imsemmija u jirriżulta li din it-triq għadha qatt ma ġiet mibnija u għalhekk hija taħt ir-responsabbilita' tad-Direttorat. Ser isiru l-istimi neċessarji u x-xogħol isir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw mill-programm tad-Direttorat.