Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — top management positions

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw top management positions fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marza s’issa? Jista’ jipprovdi lista ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema management positions qed jagħmel referenza għalihom.

Skejjel tal-Gvern – Prize Days

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7255, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għall-kumplament tal-iskejjel li hemm fis-7, 11 u t-12-il distrett elettorali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella sħiħa tal-iskejjel kollha tal-Istat fid-distretti ndikati mill-Onor Interpellant. Uħud mill-iskejjel ma ġewx inklużi fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 7255 għax il-Prize Day kienet għadha ma saritx. Jien nieħu gost li l-iskejjel jistiednu l-membri parlamentari tal-lokalitajiet waqt li nħalli f'idejn l-iskejjel individwali jiddeċiedu lil min jagħżlu.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — persons of trust

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6891 u jagħti l-lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizzi tagħhom lid-dekasteru tiegħu mid-9 ta' Marzu 2013 sad-9 ta' Jannar 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Tournament tal-Football ta’ taħt is-17-il sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun l-involviment tas-segretarjat responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport fl-organizzazzjoni tat-tournament tal-football ta’ taħt is-17-il sena li l-UEFA se tkun qed torganizza f’Malta aktar tard din is-sena? Jekk se jkun hemm appoġġ finanzjarju, jista’ jgħid kemm se jkun qed jammonta u mil-liema vot se jkun qed jittieħed?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li mhux se jkun hemm involviment tas-segretarjat responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport fl-organizzazzjoni tat-tournament imsemmi mill-Onor. Interpellant.

Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7272, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet? Minn dawn l-applikazzjonijiet kemm ġew aċċettati u kemm ġew rifjutati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li sa issa, mill-Universita` ta’ Malta kien hemm 344 applikazzjoni li minnhom 191 ġew approvati filwaqt li 153 ma kienux approvati. L-applikazzjonijiet għall-kunsiderazzjoni tal-iStudents Maintenance Grants Board baqgħu ġejjin sat-28 ta’ Jannar 2014.

Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport ġietx xolta jew inkella hiex fil-proċess li tiġi xolta? Kemm-il darba ltaqgħet din il-Kummissjoni u meta kienet id-data ta' meta ltaqgħet l-aħħar darba?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport ġiet xolta. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 4295, filwaqt li nsemmi li l-aħħar laqgħa saret fid-19 ta' Settembru 2013.

Aġenzija Żgħażagħ – inviti għall-attivitajiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk għall-attivitajiet li jsiru mill-Aġenzija Żgħażagħ ikunx l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport li japprova l-lista ta' dawk li jiġu mistiedna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport ma japprova l-ebda lista ta’ min jiġi mistieden.

Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ — tfassil

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-Oppożizzjoni ma kenitx involuta fit-tfassil tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ minkejja li kienet imwiegħda mis-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport li kienet se tkun involuta sa mill-bidu tat-tfassil tagħha, peress li taħt l-amministrazzjoni preċedenti l-partiti politiċi kienu jkunu mistiedna sabiex jagħtu l-kontribut tagħhom sa mill-bidu nett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li r-rappreżentanti taż-żgħażagħ tal-partiti politiċi ġew involuti mill-bidu nett tat-tfassil tal-imsemmija Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ billi ġew infurmati mill-KNZ biex jibgħatu r-rispons tagħhom. Irrid insemmi li kien hemm rispons iżda mhux mill-MZPN.

Rilokazzjoni tal-Iskola tal-Isport

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma’ min saru l-konsultazzjonijiet sabiex l-iSkola tal-iSport tiġi trasferita mill-Kumpless Sportiv ta' Ħal Kirkop għall-iskola f'Pembroke? Jista' jgħid jekk hux lest jikkunsidra li jreġġa' lura d-deċiżjoni meħuda b'rabta ma' din l-iskola tal-isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ konsultazzjoni rigward it-trasferiment tal-iSkola tal-iSport sar mad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi kif ukoll mal-amministrazzjoni tal-istess skola. Saret ukoll konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ġenituri li uliedhom jattendu din l-iskola.

Grawnd ta’ Santa Venera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkompla l-grawnd u jitlestew il-faċilitajiet sportivi li kienu qed jinbnew ġewwa Santa Venera u meta hemm il-ħsieb li jkunu lesti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li qed isiru t-taħditiet mal-Kunsill Malti għall-Isport fejn se jiġi konkluż il-pjan ta' ħidma.

Skejjel – studenti assenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li kienu assenti għal aktar minn tlett ijiem konsekuttivi u jgħid għal kull każ kemm fallew matul is-sena skolastika li għaddiet maqsuma skont skejjel primarji u sekondarji?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — lista ta' varjazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti, sena b’sena (bejn l-2008 u t-8 ta' Marzu 2013), lista ta’ varjazzjonijiet kollha li ngħataw mill-Ministeru inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jagħti n-natura tal-kuntratt, min ingħata dan il-kuntratt, il-valur oriġinali tal-kuntratt u l-valur finali tal-kuntratt?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Skejjel tal-Gvern – prize days

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidla fil-mod ta’ kif jiġu mistiedna persuni pubbliċi għal dawk li huma prize days fl-iskejjel tal-Gvern, kemm dawk primarji kif ukoll dawk sekondarji? Jista jagħti tagħrif dwar liema kienu l-iskejjel primarji/sekondarji, tal-Gvern fis-7, l-11 u t-12-il distrett elettorali, li tagħhom saret il-prize day matul l-aħħar erba’ xhur u f’kull każ, min kien mistieden li jattendi dawn il-prize days, mingħajr m’għandu rabta diretta mal-edukazzjoni jew ma’ dik l-iskola partikolari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar – Skola Primarja — nazzjonalità tal-istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm studenti fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar, fil-klassijiet kollha, sena b’sena, preżentement? Kemm minn dawn l-istudenti huma Maltin, u kemm minnhom mhumiex Maltin? Ta’ liema nazzjonalità (nazzjonalità b’nazzjonalità) huma dawk l-istudenti li mhumiex Maltin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eżami – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għamlet l-eżami taċ-childcare u tixtieq aktar informazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet ikkuntattjata.

Rumeni u Bulgari — Impjieg f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7027 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’tip ta’ impjiegi għandhom f’Malta u Għawdex l-1496 persuna li ġejjin mir-Rumanija u l-Bulgarija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta` Awwissu 2013 (skont l-aħħar informazzjoni li ġiet ippublikata mill-ETC), in-numru ta` persuni li ġew mir-Rumanija u l-Bulgarija u li qed jaħdmu f’Malta u f’Għawdex huwa ta` 1405. It-tabella t'hawn taħt turi x’tip ta` mpjieg għandhom. 1 Managers 68 2 Professionals 332 3 Technicians and associate professionals 120 4 Clerks and support workers 58 5 Services and sales workers 186 6 Skilled agricultural, fishery and forestry workers 2 7 Craft and related trade workers 208 8 Plant and machine operator and assemblers 38 9 Elementary Occupations 393 Total 1405 Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-total ta` 1405 huwa numru ta` persuni full time kif ukoll part time u mhux numru ta’ mpjiegi. Kull persuna ġiet inkluża darba biss.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li d-direct orders li ngħataw mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi matul il-perjodu ndikat mill-Onor. Interpellant huma kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif ġej:- Tabella 'A' - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Tabella 'B' - Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada/Malta Libraries/Kunsill Malti għall-Isport/Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ Tabella 'C' - Universita' ta' Malta Tabella 'D' - MCAST

Ix-Xagħra (Għawdex) – skola primarja — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fl-Iskola Primarja tax-Xagħra, Għawdex? Jikkonferma l-Ministru li x-xogħol waqaf għal perijodu twil u li hemm inkonvenjent għat-tfal li jattendu din l-iskola primarja fosthom tfal li qed imorru l-iskola fi klassijiet provi¿orji u mhux addattati? Meta se jitlesta dan ix-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-Iskola Primarja tax-Xagħra, Għawdex s’issa saru dawn ix-xogħlijiet: 1. Twaħħil ta' twieqi ġodda fil-klassijiet kollha tal-iskola. 2. Ġie applikat membrane fuq is-saqaf kollu tal-iskola. 3. Sar xogħol ta' tikħil u żebgħa fuq il-ħitan ta' barra kif ukoll ta' ġewwa, inkluż fil-klassijiet. 4. Twaħħil ta’ tapit tar-rubber fil-bitħa ta’ barra. Fil-preżent qed tiġi nstallata sistema tal-elettriku ġdida u nfurmat li kwazi l-klassijiet kollha tlestew minn din il-fażi. Ix-xogħlijiet fil-klassijiet waqfu għal erba' t'ijiem biex sar ix-xogħol ta’ installazzjoni tal-elettriku u tikħil u tibjid fis-sezzjoni tal-amministrazzjoni. Biex ma' jkunx hemm inkonvenjent għat-tfal, il-klassijiet tal- kindergarten ġew rilokati fi klassijiet temporanji. Dawn il-klassijiet huma attrezzati bin-neċessitajiet kollha meħtieġa, saħansitra interactive whiteboards . Ta' min isemmi li dawn il-klassijiet temporanji kollha għandhom dawl u ventilazzjoni naturali u jinstabu qrib it- toilets . Dan kollu sar biex ma ssirx inkonvenjenza lit-tfal tal-iskola u l-istaff. Ta’ min isemmi li l-Kap tal-Iskola dejjem żamm lill-ġenituri infurmati fuq x’kien qed jiġri fl-iskola. Ix-xogħol fl-Iskola Primarja tax-Xagħra hu mistenni jkun lest fil-vakanzi tas-sajf li ġej, fejn huwa ppjanat li jitwaħħal madum ġdid fl-iskola.

Bini ta’ skejjel – opri ta’ arti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkummissjonati opri tal-arti għall-iskejjel li qegħdin jinbnew? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid min hu l-artist, kemm-il opra tal-arti nxtrat, il-prezz u l-mod li bih intgħażel l-artist?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s'issa ma ġewx ikkummissjonati opri tal-arti għall-iskejjel li huma ppjanati li jinbnew. Huwa l-ħsieb li l-bini tagħhom jissebbaħ b'xogħlijiet artistiċi.

San Pawl il-Baħar — skejjel

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6938, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema art qed tintalab li tiġi esproprijata għaliex sa fejn infurmat jien, l-art li dwarha dejjem sar diskors dwar bini ta' skejjel diġà hi proprjetà tal-Gvern u riċentament kien hemm ukoll risposti parlamentari li jgħidu li l-iskola se tinbena fl-istess inħawi li kellu jinbena l-kumpless sportiv? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar x'inhi mistenni li jsiru mill-bini li s'issa jintuża bħala skola primarja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada talbet il-Kummissarju tal-Artijiet biex jibda l-proċeduri biex isiru t-terminazzjonijiet ta' kirjiet tal-artijiet kif indikat bl-aħmar fil-pjanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.