Legislature:
Category:
Reset
Active:

WSC — Ground water

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qiegħed jittella' ground water mill-impjanti differenti tal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma? Kemm hi s-salinita' medja f'kull każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabelli li fihom hemm indikati l-produzzjoni u l-kwalita' ta' l-ilma f'termini ta' salinita (conductivity) għas-sorsi kollha tal-groundwater tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma li jinkludu boreholes u pumping stations. L-informazzjoni hi xahar b'xahar għas-sena 2004.

WSC — Ilma

Question

Jista' il-Ministru jelenka dak kollu li qiegħed isir mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex jitnaqqas l-ilma li jintilef mis-sistema tal-korporazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Onorevoli Interpellant hu ġentilment mitlub jirreferi għall-Annual Reports tal-aħħar ftit snin tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma, fejn hemm ħafna informazzjoni dwar x'qed isir mill-Korporazzjoni biex jitnaqqas l-ilma li jintilef mis-sistema.

Enemalta — Sussidju fuq l-enerġija elettrika

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għadda flus il-gvern bħala sussidju fuq l-enerġija elettrika sena b'sena mill-1993 sas-sena preżenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li mis-sena 1993 sas-sena preżenti, l-Gvern qatt ma għadda flus lill-Enemalta bħala sussidju fuq l-Enerġija elettrika. Madankollu, l-Korporazzjoni Enemalta assorbiet Lm115 miljun f'telf ta' l-elettriku fuq l-istess perjodu.

WSC — Kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Billi jidher li hemm il-ħsieb li t-tariffi tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkunu relatati mad-daqs tal-household, jista' il-Ministru jgħid kemm hemm households: a) b'membru wieħed; b) bi tnejn; c) bi tlieta; d) b'erbgħa; e) b'ħamsa; f) b'sitta; g) b'sebgħa; h) bi tmienja; u i) b'iżjed minn tmienja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta — Fuel Consultant

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien twil it-terminu tal-konsulenza tal-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - bħala fuel consultant ta' l-Enemalta? Jista' jqiegħed kopja ta' l-ittra tal-ħatra jew tal-kuntratt fuq il-mejda tal-Kamra? Meta skada dan l-appointment?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-kuntratt ta' l- ingaġġ li għalih qed jirreferil-Onor. Interpellant kien għal-perjodu ta' sena b'effett minn Awwissu 2003. Dan il-kuntratt ġie terminat fil-31 ta' Lulju 2004. Qed inpoġġi kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Marmo

Question

Jista' il-Ministru jindaga għalfejn il-linja qadima u perikoluża tad-dawl li hemm fi Triq Mamo f'Ħaż-Żebbuġ għada ma nbidlitx?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret ma jirriżultax li l-linji huma perikolużi u għalhekk ma hemmx bżonn li jinbidlu għal issa.

Enemalta — Kontijiet tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11234 u cioe' jelenka n-numru ta' nies jew fabbriki jew kumpaniji li qed jingħataw skont lura jew refund fuq id-dawl minħabba li fid-djar, fabbriki jew postijiet oħra stallaw sistemi ta' enerġija differenti u qed jitfgħu lura l-elettriku fil-grid tal-korporazzjoni Enemalta? Kemm huwa dan is-sussidju? Xi spejjeż oħra relatati ma twaħħil ta' meters ġew mitluba li jħallsu?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li bħalissa l-Enemalta għandha tlett konsumaturi li stallaw sistemi ta' enerġija differenti u qed jitfgħu jew ħa jitfgħu lura l-elettriku fil-grid tal-Korporazzjoni Enemalta. Tnejn minnhom f'Malta (Domestiku u kummerċjali) u wieħed f'Għawdex (Domestiku). Jingħata 2 cents għal kull unit li jintefgħa lura fil-grid tal-Enemalta. L-ispejjeż relatati ma twaħħil ta' meters huma ta' Lm20 għal kull applikazzjoni.

Enemalta — Sistema ta' enerġija elettrika

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11235 u cioe' jgħid jekk hemmx xi taħditiet mill-korporazzjoni Enemalta ma' investituri li jixtiequ jiżviluppaw sistema ta' enerġija ta' l-elettriku permezz tar-riħ? Jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn it-taħditiet?Kien hemm xi forma ta' qbil fuq il-proposta tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta — Lampi ġodda

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11236 u cioe' jgħid kemm twaħħlu lampi ġodda matul din l-aħħar sena? Kemm kienet tammonta l-ispiża fuq din l-istallazzjoni ġdida?

Response (GATT, AUSTIN)

Minn meta saret id-devoluzzjoni tat-tidwil tat-Toroq lill-Kunsilli Lokali, fis-sena 2004 l-Enemalta waħħlet biss sitt lampi ġodda fil-Belt Valletta u ħamsa oħra fil-Fgura. Dawn kienu parti minn proġetti li kienu ġa mibdija qabel ma seħħet id-devoluzzjoni. L-ispiża totali, inkluża dik ta' tqegħid ta' Cables taħt l-art, laħħqet is-somma ta' Lm8944.

Enemalta — Sistema elettrika

Question

Jista' il-Ministru jespandi b'mod iżjed konkret dak li qal dan l-aħħar kif rappurtat fil-Media li għandu ħsieb u tama li s-sistema elettrika f'pajjiżna xi darba tingħaqad mal-grid Ewropew?

Response (GATT, AUSTIN)

Fl' 1995 kien sar studju fuq il-possibilita ta' konessjoni elettrika bejn is-sistemi ta' l-elettriku ta' Malta u tal-Italja u jirrizulta li teknikament dan huwa possibli. Jekk fil-futur jirriżulta wkoll li l-elettriku jista' jinxtara minn għand xi ħadd fl-Ewropa bi prezz li jikkonveni meta wieħed jieħu ukoll in konsiderazzjoni l-ispiża tal-konnessjoni, allura il-proġett ikun jista' jitwettaq, naturalment wara' li jittieħdu in konsiderazzjoni l-aspetti kollha tal-proġett.

Enemalta — Qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kienu l-ibliet u l-irħula relattivi li sofrew minn qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku matul ix-xahar ta' Ottubru? Liema kienet ir-raġuni f'kull każ partikolari? Kemm dam dan il-qtugħ f'kull każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Impjanti tar-reverse osmosis — Enerġija elettrika

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tiġi wżata enerġija elettrika mill-impjanti tar-reverse osmosis fuq bażi annwali? Xi proporzjon jittieħed mit-total ta' l-enerġija li qegħda tiġi ġenerata mill-power stations?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Inerpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

WSC — Produzzjoni ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif u minn liema sorsi ġejja l-produzzjoni ta' l-ilma bħalissa? Kemm hu l-proporzjon ta' l-ilma li qiegħda tiġi minn sorsi tar-reverse osmosis? Kemm minn din ġejja mit-tlett impjanti rispettivament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta — Enerġija elettrika

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta kienet l-ogħla domanda għall-enerġija elettrika (maximum peak demand)? Jista' jgħid kemm kienet id-domanda f'din l-okkażjoni? Jista' jgħid f'liema ħin kienet din id-domanda? Kemm kienet is-surplus capacity dakinhar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — Qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba kien hemm qtugħ ta' dawl is-sena l-oħra? Fejn affettwa l-qtugħ u għaliex seħħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku jista' jaffettwa minn konsumatur wieħed sa lokalitajiet sħaħ. Hu mifhum li l-informazzjoni rikjesta tirrigwardja qtugħ fil-provvista ġejja mis-sistema tal-vultaġġ għoli jew minħabba xi qtugħ mil-Power Stations liema qtugħ jaffettwa diversi konsumaturi jew lokalitajiet sħaħ. Matul l-2004 jirriżulta li kien hemm 938 okkazzjoni ta' din in-natura mqassmin ma' Malta u Għawdex kollha. Il-biċċa l-kbira ta' dan il-qtugħ (421 darba) irriżulta minn xogħolijiet pjanati (per ezempju manutenzjoni) fuq is-sistema tal-vultaġġ għoli u dawn normalment jaffettwaw lokalitajiet relattivament żgħir. Ħsarat, li minnhom kien hemm 381 okkazzjoni, x'aktarx jaffettwaw lokalitajiet akbar. Kien hemm 115 operazzjoni ta' switching biex il-provvista tkun tista' tiġi maqluba minn post għall-ieħor. Dawn normalment jaffetwaw lokalitajiet żgħar għal ħin qasir. Kien hemm ukoll 21 kaz ta' qtugħ mill-power stations li jaffettwaw lokalitajiet kbar sakemm wieħed jista' jistartja impjant tal-generazzjoni ieħor biex jieħu post ta' dak li jkun waqaf għal xi raġuni jew oħra.

Meters tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il meter tad-dawl u l-ilma nqalgħu mill-Enemalta u l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma minħabba li ma tħallsux il-kontijiet tad-dawl u l-ilma fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005? Jista' jgħid xahar b'xahar kemm kienu din is-sena u f'liema lokalitajiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat illi kemm il-KSI kif ukoll ta' l-Enemalta normalment ma jaqalgħux il-meter minħabba li ma jkunx tħallas il-kont, imma jaqtgħu biss is-servizz.