Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lands Department

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għaliex persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament irċeviet ittra mill-assistent direttur tal-lands department fit-12 ta' Mejju, 2005 sabiex tirritorna ċ-ċwievet ta' l-art in kwestjoni peress li d-dipartiment ma jridx iġeddilha l-kera ħabta u sabta? X'inhi r-raġuni li d-dipartiment ma jridx iġeddilha l-kera?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-1996, lill-persuna msemmija, ġie mikri lilha sit fuq wara tad-dar tagħha, sabiex tużaha biss bħala ġnien. Skond il-kundizzjonijiet tal-kirja, il-kerrej ma setgħax itella' l-ebda xorta ta' struttura, anke jekk din tkun ta' natura temporanja. Madwar sentejn ilu, din il-persuna bdiet tiskava dan is-sit, mingħajr il-permessi meħtieġa u ġiet imwaqqfa, kemm mill-MEPA kif ukoll mid-Dipartiment ta' l-Artijiet. Fit-28 t'April, 2003, din il-persuna ġiet mitluba biex terġa' tibni l-ħitan li kienu jeżistu u tipprestina l-ħamrija għall-istat oriġinali. Fl-14 ta' Settembru, 2004, din il-persuna talbet għall-permess biex tiskava l-art u d-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta infurmaha illi huwa kien lest li jikkonsidra din it-talba tagħha, dejjem jekk jottjeni l-permess meħtieġ mill-MEPA. Meta dan l-aħħar, id-Dipartiment ta' l-Artijiet sar jaf illi l-MEPA diġa' oġġezzjonat għal dan, minħabba li l-area hija ta' wirt storiku, kif inhu spjegat aktar fid-dettal fir-riposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7732 tal-11 t'Ottubru, 2004, u li sal-lum, din il-persuna baqgħet ma bnietx il-ħitan li kienu jeżistu u tipprestina l-ħamrija għall-istat oriġinali, infurmaha illi l-kirja mhux se tiġi mġedda wara l-iskadenza tas-sitt xhur kurrenti, jiġifieri wara t-30 ta' Ġunju li ġej, u ntalab biex jirritorna ċ-ċwievet.

Logħobiet tal-football — Inċidenti

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk minħabba l-inċidenti varji li seħħew din is-sena f’logħbiet tal-football u peress li dawn setgħu kienu wkoll konnessi ma’ xorb żejjed, jahsibx li wasal iż-żmien li bħalma jsir f’pajjiżi oħra jiġi pprojbit il-bejgħ ta’ xorb alkoholiku f’kull stadium fejn isir logħob sportiv? Saru suġġerimenti f’dan is-sens minn uffiċjali tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kull meta jinħass li ikun opportun li ma jinbiegħx xorb alkoħoliku u birra fil-ground tal-football, il-Pulizija tinforma minn qabel lill-persuni responsabbli mill-bars fil-grounds. Peress li matul dawn l-aħħar staġuni ftit li xejn kien hemm inċidenti serji, kif ukoll minħabba li f'dan l-istaġun l-attendenza fil-grounds tal-football naqset, ma kienx hemm il-ħtieġa li tittieħed din il-miżura, ħlief fil-logħba tal-finali tal-FA trophy. Pero' is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant dejjem jista' jiġi ikkunsidrat jekk jinħass illi l-imġieba tal-partitarji teħżien tant li tkun hekk tirrikjedi.

Dipartiment ta' l-artijiet — Santa Venera

Question

Billi d-dipartiment ta' l-artijiet fl-2001 oġġezzjona għat-trasferiment ta' l-art/faċilita' lil St Venera boċċi club - mistoqsija parlamentari 30299/seduta 674 tad-19 ta' Diċembru 2001 - jikkonsidrax il-Viċi Prim Ministru li wara l-bini mill-ġdid ta' l-istess klabb, u allura l-investiment li sar, id-dipartiment ta' l-artijiet jibdel id-deċiżjoni li ħa dakinhar u jittrasferixxi l-art/faċilita' lil dan il-klabb?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet kien oġġezzjona għat-trasferiment tal-art lil St Venera Boċċi Club għax kien infurmat dak iż-żmien mill-Kunsill Malti għall-Sport, illi kien hemm oġġezzjoni għal dan mill-Awtorita' tal-Ippjanar. Illum li l-Club inbena mill-ġdid u huwa ssuġġeriet li jerġaw jinfetħu taħdidiet mall-Kunsill Malti għall-Sport sabiex jiġi mogħti titolu lill-istess Club.

Reġistru Pubbliku — Żweġijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien it-total ta' żweġijiet reġistrati fir-Reġistru Pubbliku (Malta u Għawdex), sena b'sena, mill-2001 'il hawn? Kemm minn dawn iż-żweġijiet kienu bejn Maltin biss? Kemm minn dawn iż-żweġijiet kienu bejn Maltin u barranin? Kemm minn dawn iż-żweġijiet kienu bir-reġistru biss?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta u dak ta’ Għawdex ġew reġistrati dwar iż-żwiġijiet:- MALTA Mis-sena 2001 sat-30 ta’ April 2005 GĦAWDEX Mis-sena 2001 sal-15 ta’ Mejju 2005 Total ta’ żwiġijiet 2001 2,011 136 2002 2,077 172 2003 2,166 181 2004 2,170 193 2005 417 25 Total ta’ żwiġijiet bejn Maltin biss 2001 1,532 114 2002 1,492 129 2003 1,258 108 2004 1,461 140 2005 287 20 Total ta’ żwiġijiet bejn Maltin u Barranin 2001 312 16 2002 341 23 2003 507 18 2004 309 12 2005 74 3 Total ta’ żwiġijiet ċivili 2001 475 19 2002 544 41 2003 738 65 2004 684 41 2005 125 6

Qorti tal-familja — Kawżi ta' separazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il kawża ta' separazzjoni daħlu quddiem il-qorti tal-familja jew quddiem qrati oħra, sena b'sena, mill-2001 'il hawn? Kemm minnhom kienu deċiżi? Kemm kien hemm każi ta' ftehim bonarju, eċċ? Kemm kien hemm każi fejn laħaq sar ftehim u l-proċess ta' separazzjoni ma bediex minħabba medjazzjoni li kien hemm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kawżi li daħlu quddiem il-Qorti tal-Familja huma s-segwenti:- 2001 111 2002 192 2003 165 2004 142 2005 69 Għar-rigward id-domandi l-oħra l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Ġustizzja u Intern — Riċevimenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ordnati li jsiru riċevimenti fil-ministeru tiegħu għas-snin 2004 u 2005? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġew jiswew?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex is-sid ta' ħanut li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ma jibqax jikkaġuna inkonvenjent għall-ġirien bi ħmieġ, ġrieden u pparkjar tal-karozza illegalment għax jiftaħar li ħadd ma jista' għalih?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li ninsab infurmat illi l-Pulizija ħadet passi kemm-il darba kontra sid dan il-ħanut fuq l-ipparkjar irregolari tal-vettura tiegħu, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-kumplament tal-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Pulizija — Droga fi skola sekondarja

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-pulizija tinvestiga jekk fl-iskola sekondarja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex timxi d-droga peress li wasluli rapporti f'dan is-sens minn ġenituri inkwetati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija bdiet tinvestiga dan l-ilment. Pero' ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant, sabiex jekk għandu aktar tagħrif li jista' jgħin lill-Pulizija fl-istħarriġ tagħha, jgħaddihuli anke b'mod kunfidenzjali.

San Ġiljan — Kiosk tal-ġelati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid il-kiosk tal-ġelati li hemm fil-bajja ta' San Ġorġ, San Ġiljan, x'tip ta' permess għandu u jekk fil-preżent huwiex qiegħed skond il-liġi li tgħid li ma jistax jingombra l-bankina li l-kiosk qiegħda fuqha? Huwa skond il-liġi li suppost qiegħed mhux anqas minn 50 metru 'il bogħod mill-eqreb stabiliment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-bejjiegħ tal-ġelati imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa kopert bl-liċenzja ta' bejjiegħ fit-toroq. Fost il-kondizzjonijiet għall-bejgħ fit-toroq hemm li ma jkun hemm ebda ingombru jew inkonvenjent għal min ikun għaddej fit-triq u li l-post fejn tkun ipparkjata l-vettura ma jkunx f'distanza li timxiha ta' 50 metru mid-dħul għal xi post kummerċjali. Ninsab infurmat ukoll illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija irriżulta illi dan il-bejjiegħ qiegħed il-barra mid-distanza ta' 50 metru.

Joint office

Question

B'riferenza għal file tal-joint office li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament dwar proprjeta li skond il-liġi a tenur ta' Artiklolu 2 ta' l-Agricultural (subleases) Act wara mewt tal-persuna li fuqha kien il-qbiela kellu jaqa' fuq il-werrieta, kif din il-proċedura għadha sal-lum, ħames snin wara l-mewt ma daritx fuqhom u hemm interess mill-istess joint office li jagħti widen lil terzi persuni estranji kompletament mill-wirt? Jista' jara li din l-inġustizzja tiġi indirizzata mingħajr aktar dewmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kerrej tal-proprjeta' in kwistjoni miet ġuvni u għalhekk ħadd ma huwa ntitolat għal qbiela skond il-liġi. L-allegazzjoni li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jagħti widen għat-talbiet ta' terzi persuni jew li qiegħed jagħmel xi inġustizzja huma infondati. Anzi l-fatti juru mod ieħor peress li wara rapporti li kellu d-Dipartiment li terzi persuni okkupaw il-proprjeta' illegalment ittieħdu passi, permezz tal-Kummissarju tal-Artijiet, biex ir-razzett li jinsab f'għalqa ġie żgumbrat u l-aċċess għalih ġie magħluq.

Kunsilli lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien il-finanzjament globali annwali mill-gvern ċentrali lill-kunsilli lokali għas-snin finanzjarji mis-sena finanzjarja 1994/1995 sas-sena finanzjarja 2004/2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-allokazzjoni finanzjarja skond il-formula stabbilita fl-Għaxar Skeda ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali mill-1994/95 sal-2004/2005 kienet kif inhu hawn taħt: Sena Finanzjarja Lm (miljuni) 1994/95 4.5 1995-96 6.3 1996-97 7.25 1997-98 6.25 1998-99 5.831 1999-0 6.5 2000-01 9.66 2001-02 10.24 2002-03 10.54 2003-04 10.70 * 2004-05 10.686 ** 2005-06 10.20 + (Lm600,000 refund salarji) * riveduti mill-Ministeru tal-Finanzi għall Lm 9,880,000. ** riveduti mill-Ministeru tal-Finanzi għall Lm 10,150,000. Inżid ngħid ukoll illi bejn il-1994/95 u l-1999/00 ingħataw Fondi għal Ħtiġiet Speċjali skond Artikolu 58 kif ġej: Sena Finanzjara Lm (miljuni) 1994/95 0.3 1995/96 1,3 1996/97 2.5 1997/98 2.5 1998/99 2.5 1999/00 2.5 Dawn iċ-ċifri ma jinkludux dħul ieħor sostanzjali li ma hux parti mill-allokazzjoni finanzjarja diretta.

Kunsilli lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien it-total tal-finanzjament mill-gvern ċentrali lil kull kunsill lokali mis-sena finanzjarja 1994/1995 sas-sena finanzjarja 2004/2005?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li jien kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4956. Li rrid inżid huwa li l-allokazzjoni għas-sena 2004-2005 kienet ġiet riveduta kif inhu elenkat fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsilli lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien it-total tal-finanzjament li mhux ġej direttament mill-gvern ċentrali (bħal dħul mis-sistema ta' infurzar lokali, kiri ta' spazji għal reklanar, eċċ.) lil kull kunsill lokali mis-sena finanzjarja 1994/1995 sas-sena finanzjarja 2004/2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-informazzjoni mitluba għadha trid tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Kunsilli lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien it-total tal-finanzjament li mhux ġej direttament mill-gvern ċentrali (bħal dħul mis-sistema ta' infurzar lokali, kiri ta' spazji għar-reklami, eċċ.) b'mod globali għall-kunsilli kollha, mis-sena finanzjarja 1994/1995 sas-sena finanzjarja 2004/2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-informazzjoni mitluba għadha trid tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Qrati — Każi ta' abort

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti lista - numru - sena b'sena għal dawn l-aħħar għaxar snin tal-każi li tressqu quddiem il-qorti dwar każi ta' abort jew allegat abort? Kemm mill-każi ġew liberati? Kemm minnhom ġew misjuba ħatja u x'klienu l-pieni mogħtija?

Response (BORG, TONIO)

Mill-1993 kien hemm ħames persuni li kienu indagati minn Maġistrat Inkwirenti b'konnessjoni mar-reat ta' abort, u tlieta minnhom tressqu l-Qorti. F'każ minnhom li ġie deċiż fit-23 ta' Ġunju 1993, il-persuna akkużata ingħatat sentenza ta' sentejn ħabs sospiża għal erba' snin. F'każ ieħor, li ġie deċiż fil-5 ta' Novembru, 1998, żewġ persuni instabu ħatja u ingħataw sentenza ta' 18-il xahar priġunerija, sospiżi għal sena. Għar-rigward iż-żewġ persuni l-oħra li kienu investigati fl-1998 dwar assistenza fit-twettiq tar-reat ta' abort, il-proċediment ma bediex peress li mietu qabel ma ġew akkużati. Għar-rigward persuni li ġew akkużati pero' ġew liberati, l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Studju ta' l-Ingliż f'Malta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-sena 2004 kemm kien hemm applikazzjonijiet ta' persuni u minn liema pajjiż, għal visa biex jistudjaw l-Ingliż f'pajjiżna? Jista' jgħid f'kull każ kemm applikazzjonijiet ġew aċċettati u liema ġew rifjutati u għaliex? Jista' jagħti l-istess tagħrif għall-ewwel xhur tas-sena 2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant m'huwiex disponibbli taħt forma ta' statistika.

Gwardjani lokali — Kontravenzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid mindu bdew il-gwardjani lokali, sena b'sena, x'kien it-total ta' kontravenzjonijiet maħruġa minnhom u x'kien it-tip tal-kontravenzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-informazzjoni mitluba għadha trid tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Lands department — Kalafrana

Question

B'riferenza għal file numru L244/64/1/11 tal-lands department dwar art f'Ta' Kalafrana li ġiet espropriata mill-gvern għexieren ta' snin ilu, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-istat ta' fatt dwar fiex waslet it-talba għal kumpens lis-sidien?

Response (BORG, TONIO)

It-talba għal kumpens mid-Dipartiment ta' l-Artijiet tiġi deċiża fil-parametri tar-riżorsi finanzjarji allokati, li żdiedu konsiderevolment f'dawn l-aħħar snin.

Liġijiet ta' Malta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi partijiet tal-liġi Maltija li huma entrenched b'vot ta' 2/3 barra dawk tal-Kostituzzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Skond il-Kostituzzjoni [Art 56(8)], kull liġi ordinarja dwar atti illegali jew ta' korruzzjoni in konnessjoni ma' elezzjonijiet ġenerali, kif ukoll kull liġi dwar indħil barrani fil-kontest ta' elezzjonijiet, ma tistax tinbidel ħlief b'maġġoranza ta' żewġ terzi tad-deputati. Dawn huma liġijiet li għalkemm ma ssibhomx fil-Kostituzzjoni u huma liġijiet ordinarji, ma jistgħux jinbidlu ħlief b'maġġoranza ta' żewġ terzi tad-deputati.

Belt Valletta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinvestiga kif f'St Joseph Street, f'Fountain Street u l-parti ta' North Street fil-Belt, li tgħaqqad iż-żewġ toroq imsemmija, hemm numru sostanzjali ta' vetturi li ilhom ipparkjati hemm għal xhur, jekk mhux snin, u li l-maġġorparti tagħhom la għandhom liċenzja u lanqas number plate? Peress li dawn qed jikkreaw inkonvenjent lir-residenti fl-intorni, jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti ordnijiet speċifiċi biex jitneħħew għax minkejja li diġa' saru rapporti lill-awtoritajiet konċernati, fosthom l-għassa tal-Belt, l-ADL, il-kunsill lokali tal-Belt u l-kwartieri ġenerali tal-pulizija, is-sitwazzjoni baqgħet l-istess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex dawn il-vetturi jitneħħew fi żmien qasir.