Legislature:
Category:
Reset
Active:

SKA

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-regoli l-ġodda ta' l-SKA ċioe s-sistema li qed tiġi applikata għal dawk li rriżulta li kellhom aktar jew anqas minn Lm 8,000 iżda kienu jaqbżu kemm l-Lm 4000 f'kaz ta' armel/a kif wkoll Lm 7000 f'kaz ta' kopja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ammont ta' riżorsi kapitali li jintitolaw persuna għall-għoti ta' l-Għajnuna Medika huma dawk stipulati fit-tieni taqsima tat-tieni Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318). Il-massimu applikabbli hu ta' Lm4000 fil-każ ta' familja ta' persuna waħda, u Lm7000 fil-każ ta' familja li tkun tikkonsisti f'mhux anqas mill-kap tal-familja u martu. Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant ma kien hemm ebda emenda fil-liġi fir-rigward tat-test tal-meżżi. Kien hemm każi ta' benefiċċjarji li dwarhom saru nvestigazzjonijiet mit-taqsima tal-Frodi li ġiet imwaqqfa fid-Dipartiment is-sena l-oħra, u li rriżultaw f'dikjarazzjonijiet skoretti dwar, fost ħwejjeġ oħra, l-ammont ta' kapital li kienu jippossjedu. Bħal ma għidt diversi drabi f'din il-Kamra, ridna li l-ewwel naraw li jiġu regolariżżati dawk il-każijiet fejn l-ammont mhux dikjarat kien ta' l-anqas qed jeċċedi l-massimu stabbilit bil-liġi b' Lm4000 jew aktar. Għaldaqstant ma kien hemm ebda regoli ġodda dwar it-test tal-meżżi. Dan ikompli jikkonferma kemm dan il-Gvern mhux qed jimmira lejn iż-żgħir, iżda lejn dak li b'eluf li jippossedi, żgur m'għandux bżonn ta' ebda Għajnuna Soċjali.

Kontijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 25342, jista' l-Ministru jgħati lill-kamra d-dettalji mitluba peress l-informazzjoni mitluiba: 1) Tikkonċerna Nfieq Pubbliku 2) Biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-Gvern li jinforma, dwar il-posizzjoni tal-kontijiet finanzjarji tal-entitajiet governativi? 3) Biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti? Jista' l-Ministru jgħid jekk iħossx li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza, u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż? Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala, meta din hija informazzjoni importanti, tikkonċerna infiq pubbliku u l-poplu għandu dritt għaliha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25815. Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltu f'dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.

Djar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-kamra kemm intefqu flus sena b'sena għall-kostruzzjoni tad-djar tal-anzjani ġewwa Bormla u kemm qed jintefqu flus sena b'sena fuq l-imsemmi? Jistgħax jiġi indikat kemm daħlu residentii sal-lum komplessivament maqsuma skond is-sess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-ħlasijiet li saru s'issa biex jitlesta l-proġett ta' Bormla sena b'sena kienu: 1996 Lm302,665 1997 Lm514,868 1998 Lm366,040 1999 Lm986,041 2000 Lm288,342 2001 Lm 38,124 Minn meta d-Dar bdiet tilqa' l-ewwel residenti f'Diċembru 1999 sa issa intefqet is-somma ta' Lm377,257 fi tmexxija: Diċembru 1999 Lm 2,530 Jannar sa Diċembru 2000 Lm278,216 Jannar sa Mejju 2001 Lm 96,511 Sa llum fid-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla daħlu 93 residenti, 65 nisa u 28 rġiel.

Mustering Room

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 26315 kemm ingħata żmien jirrettifika s-sitwazzjoni min hu responsabbli mill-mustering room tal-Mellieħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li spettur mit-Taqsima għas-Saħħa u Sigurta' ħareġ ordni skond kif provdut fl-Artikolu 11 tal-Att Numru VII tal-1994 biex il-kamra in kwestjoni tkun vakata sa' nhar l-erbgħa 27 ta' Ġunju. Din l-Ordni qiegħda tissupplimenta dik li kienet inħarġet qabel u li fiha ma kienx qiegħed ikun stipulat żmien biex tiġi vakata l-kamra. Sa ssir spezzjoni oħra nhar il-erbgħa biex ikun żgurat li l-ordni tiġi esegwita.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li l-koppja anzjana li l-partikularijiet tagħhom jinsabu separatament ma din il-mistoqsija jiġu infurmati dwar il-pensjoni tagħhom peress li mill-pensjoni tas-sigurta' soċjali jinqabdu biss somma ta' Lm 129.60? Jistgħu dawn l-anzjani jiġu infurmati personalment dwar jekk hemmx xi żball fil-pensjoni tagħhom ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 'l-persuna minnu ndikata qiegħda titħallas rata korretta ta' pensjoni tas-Sigurta' Soċjali. Inżid ngħid illi l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.

Telecare

Question

Jista' l-Ministru jara li b'mod immedjat jingħata s-servizz tat-telecare lill-anzjani li l-partikularijiet tiegħu jidhru separatament min din il-mistoqsija, peress li huwa rritorna id-dar minn Zammit Clapp?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjan imsemmi ngħata s-servizz tat-Telecare fid-19 ta' Ġunju 2001.

Fond Alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra urġentement li jingħata fond alternattiv għal żmien qasir il-persuna li tbati b'disabilita' u tuża wheelchair u li isimha jidher taħt separate cover ? Fil-blokk fejn tirrisjedi qed isir xogħol strutturali li ser idum sejjer xi tlett xhur u qed ikun hemm ingenji pparkjati quddiemha u minħabba t-trabijiet din il-persuna spiċċat msakkra f'darha u ma tistax toħroġ, b'tali mod li anki ser titlef l-impjieg tagħha? Peress li dan huwa każ umanitarju, jistax l-Ministru jikkunsidra li l-persuna konċernata tingħata fond alternattiv għall-perjodu biss li jdum sejjer dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi għalkemm il-persuna indikata m'għandhiex applikazzjoni, d-Dipartiment ser jinvestiga u jara hemmx lok għal għajnuna.

VAT

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra jemenda l-kundizzjonijiet taħt Skema 5 tal-Awtorita' tad-Djar fejn attwalment tingħata rebate ta' VAT fuq l-ewwel dar ta' abitazzjoni li tkun inbniet qabel l-1960? Jikkonsidrax li din ir-rebate għandha tapplika għad-djar kollha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-Iskema Numru 5 ma tingħatax Rebate ta' VAT, peress li din hija Skema ta' sussidju fuq xogħolijiet ta' Rranġar fi Djar Privati li huma Okkupati minn Inkwilini jew Ċenswalisti.

Trust Training Consultant

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 25566, jista' jgħid x'inhi l-funzjoni ta' trust training consultant li ġie impjegat taħt id-dekasteru tiegħu fil-18.02.01 migħajr applikazzjoni. X'inhu x-xogħol tiegħu? Għaliex ma saritx call for application? Kif jaf il-Ministru li f'pajjiżna ma kienx hawn ħadd li għandu l-kwalifiki meħtieġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kliem "Trust Training Consultant" fit-Tabella li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 554 bi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25566, kellhom jinqraw "Position of trust - Training Consultant". Il-persuna li jiena rriferejt għaliha fit-tweġiba ghal mistoqsija supplimentari, hi fil-fatt, persuna oħra (kunsulent Olandiż) mqabbda b'kuntratt biex tagħmel analiżi u rapport speċifiku dwar il-qasam tad-drogi. Il-persuna li ġiet impjegata ma' l-Aġenzija Appoġġ bħala konsulenta full-time, għandha r-rwol li torganiżża taħriġ relatat ma' żvilupp ta' servizzi lill-persuni b'diżabilita' u biex tissapportja grupp ta' professjonisti u ħaddiema oħra fil-qasam tas-servizzi ta' matul il-jum lil dawn il-persuni. Din il-persuna ġiet fdata li tagħmel care and training plan għal kull persuna b'diżabilita' li tattendi ċ-ċentri ta' taħriġ. Dan jinvolvi aspetti serji ta' kunfidenzjalita' dwar l-informazzjoni personali ta' dawn il-klijenti li jiġu f'kuntatt ma' din il-persuna. Kien għalhekk li l-Aġenzija ħasset li din il-persuna kellha tkun waħda ta' fiduċja kemm għall-klijenti kif ukoll għall-organiżżazzjonijiet, inkluż dawk volontarji, impenjati fil-qasam tad-diżabilita' f'pajjiżna. L-ingaġġ sar mingħajr sejħa għall applikazzjonijiet skond kif provdut f'artiklu 15 (1) ta' l-Att dwar is-Servizzi ta' Impjieg u Taħriġ, għax il-post li kellu jimtela kien ikkunsidrat li jirrikjedi fiduċja speċjali (position of trust). Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li ġiet impjegata hi Maltija li tgħix hawn Malta u għandha aktar minn tletin sena esperjenza f'xogħol dirett ma' persuni b'diżabilita'.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li hemm dewmien ta' mhux inqas min 6 xhur biex id-direttur tal-Housing jiffirma kuntratt biex isir bdil f'żewġ postijiet tal-gvern, meta suppost li kollox hu kif suppost? Dettalji qed jintbgħatu separatament.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu raġunijiet validi biex ma japprovax il-bdil.

Nursing Aids

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta n-nursing aids li daħlu jaħdmu f'Zammit Clapp ta' San Ġiljan 9 xhur ilu, se jibdew jaħdmu full-time? X'inhi r-raġuni li dawn il-ħaddiema qed ikunu mġagħla jidħlu għax-xogħol fil-weekends biss bi 12-il siegħa straight?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi il-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Flat

Question

Jista l-Ministru jgħid, b'referenza għall-aħħar domandi parlamentari fuq is-suġġett, jinforma l-kamra f'liema stadju wasal il-bini tal-flats ġewwa Triq San Ġwann, Bormla u jistgħax ukoll jinforma l-kamra kemm sa issa ġew sburżati spejjes u somom neċessarji u relattivi sal-31 ta' Mejju 2001? Jistgħa jiġi indikat kemm intefqu ukoll fuq l-proġett ta' Srejdek Lane u dawn tal-kantuniera ta' isfel ta' Triq San Ġwann?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26551 hija kif tidher hawn taħt: 1. Il-proġett ta' bini ta' Blocks Numri 1 u 2 fi Triq San Ġwann Bormla huwa komplut. Sa l-aħħar ta' Mejju 2001 intnefqu Lm289,309 fuq dan il-proġett. It-tender għall-bini ta' Block 3 fi Triq San Ġwann qiegħda fil-proċess li tiġi 'awarded' mid-Dipartiment tal-Kuntratti. 2. Fuq il-proġett ta' bini ta' appartamenti fi Srejdek Lane Bormla ntnefqu Lm41,622. 3. Fuq il-proġett ta' Triq San Franġisk Bormla s'issa ntnefqu Lm11,523.

Trasferimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid separatament kemm ingħataw trasferimenti mill-11 ta' Settembru 2000 sal-lum lill-ħaddiema tal-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħati r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti, każ b'kaz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Diskrepanzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm il-każ ġie investigat mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar diskrepanzi fl-informazzjoni ta' persuni li wara nstabu li kienu mejta, minn meta nbeda l-eżerċizzju ntensiv ta' investigazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nippresumi li l-Onor. Interpellanti qiegħda tirriferi għall-investigazzjonijiet magħmula mit-taqsima tal-frodi u nvestigazzjonijiet li kienet twaqqfet xi sena ilu. Dawn il-każijiet kienu kollha dwar dikjarazzjonijiet fuq meżżi finanzjarji u f'ċerti każijiet fuq kompożizzjoni tal-familja. Ġejt infurmat li l-ebda każ li ġie hekk investigat minn din it-taqsima ma rriżulta li l-persuna konċernata kienet mejta.

Reklami

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari rnu. 25313, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħati lill-kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: 1) tikkonċerna nfieq pubbliku? 2) biex il-kamra tkun assigurata li t-tqassim ta' dawn ir-reklami u l-infieq imsemmi qiegħed jikkonferma bil-fatti li l-proċeduri f'dan ir-rigward saru u qed isiru b'trasparenza, mingħajr ħabi bla bżonn u bla abbuz u mingħajr favoritiżmu? u 3) biex il-kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti? Peress li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li l-proċeduri f'dan ir-rigward saru u qed isiru b'trasparenza, mingħajr ħabi bla bżonn u bla abbuż, fin-nuqqas ta' l-informazzjoni mitluba ma jkunx jqiegħed jonqos milli jgħati informazzjoni importanti dwar infieq pubbliku b'mod trasparenti li l-poplu għandu dritt ikun jaf?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infakkar lill-Onor. Membri li biex tinġabar l-informazzjoni dettaljata dwar kull reklam li sar f'dawn l-aħħar tlett snin minn kull dipartiment u kull entita' oħra li jaqgħu taħt kull Ministru - kif qiegħed jitlob li jsir - ikun jeħtieġ l-użu ta' riżorsi umani li wkoll jinvolvi nfieq pubbliku. Jien m'hinix soddisfatt li l-utilita' ta' l-informazzjoni dettaljata mitluba fil-Mistoqsija Numru 25313 tiġġustifika li jien nordna li din għandha tinġabar. Jekk, iżda, l-Onor. Interpellant għandu xi provi ta' każi partikulari fejn il-proċeduri ma sarux "b'trasparenza, mingħajr ħabi, bla bżonn u bla abbuż u mingħajr favoritiżmu" jgħidhomli u jien nara li jittieħdu l-passi meħtieġa.

Djar — Ta' Xbiex - Lifts

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-blokk ta' flats fil-qasam tal-bini tal-gvern ġewwa Ta' Xbiex fejn se jsiru l-lifts mill-awtorita' tad-djar u meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar qed tevalwa tliet tenders dwar stallazzjoni ta' lifts fi blokki D1, D3 u E3 f' Ta' Xbiex Ninsab infurmat ukoll li mhux ser iddum ma' toħroġ tender għall-istallazzjoni ta' lift fi blokk B1 fl-istess lokalita'.

Djar — San Żwann

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara illi l-blokk numru 6 li hemm ġewwa Vjal in-Naspli, San Ġwann, titkaħħal minn barra billi huwa l-uniku wieħed ġo San Ġwann kollu li ma tkaħħalx u fejn qed issir ħafna ħsara lir-residenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.