Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul ta' flus globali li l-gvern daħħal miċ-ċitazzjonijiet li nħarġu mill-korp tal-pulizija matul is-sena 2003 fuq vetturi, karozzi, ksur tal-liġi, eċċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tiġbor biss ħlas ta` kontravenzjonijiet tat-traffiku li jitħallsu barra mill-Qorti. Matul is-sena l-oħra dan kien jammonta għal Lm24,812.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul ta' flus globali li l-gvern daħħal miċ-ċitazzjonijiet/multi li nħarġu mill-wardens matul is-sena 2003 fuq vetturi, karozzi, ksur tal-liġi, eċċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dħul globali ta` flus li l-Kunsilli Lokali daħlu miċ-ċitazzjonijiet li nħarġu mill-Gwardjani Lokali mill-1 ta` Jannar sal-31 ta` Diċembru 2003 kien ta` Lm1,156,565.00.
Jaf il-Ministru li l-proċess (kumpilazzjoni) fil-kawża fl-ismijiet li qed jintbagħtu separatament li kien ġie differit sine die mill-qorti tal-maġistrati (Malta) bħala qorti istruttorja mill-Maġistrat Noel Cuschieri ma jistax jiġi intralċjat? Jista', fiċ-ċirkostanzi, jagħti dawk id-direttivi u ordnijiet neċessarji sabiex il-proċess jiġi intralċjat u jekk xorta ma jinstabx il-proċess, jordna inkjesta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond l-atti miżmuma fir-Reġistru tal-Qorti tal-Maġistrati (Malta), din il-kumpilazzjoni tinsab quddiem il-Maġistrat Antonio Mizzi.
Jaf il-Ministru li l-volum 36 tal-mandati tal-kummerċ tal-1995 huwa mitluf? Jista' jagħti dawk id-direttivi u ordnijiet neċessarji sabiex dan il-volum jiġi intralċjat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-volum numru 36 tal-Mandati tal-Kummerċ qiegħed fir-Reġistru Superjuri u dan qiegħed allegat ma` proċess ċitazzjoni numru 1416/98 liema kawża qegħda differita għas-16 t`April 2004.
Dipartiment ta' l-artijiet — Twaqqigħ ta' kamra ta' l-injam
Question
Jista' il-Ministru jgħid fejn waslet l-investigazzjoni li ħa d-dipartiment ta' l-artijiet rigward mistoqsija parlamentari 4205 u cioe' għaliex qatt ma l-gvern ħa passi biex titwaqqa' kamra ta' l-injam li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha hemm bosta snin u li qed tagħlaq kamra oħra li ġiet mibnija bil-permess u mogħtija lil wieħed sajjied? Din il-kamra ta' l-injam qed tkun ta' inkonvenjent għas-sajjied.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Jista' il-Ministru jgħid fejn waslet it-talba li għamlet persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, quddiem it-taqsima tal-proprjeta' tal-gvern?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infumat illi l-persuna konċernata kellha diversi laqgħat mad-Dipartiment ta` l-Artijiet u ngħatat lilu risposta verbali għat-talbiet kollha li għamel, fosthom ġiet spjegata il-policy li l-bejgħ ta` Dirett Dominju jista` jsir biss wara sejħa għall-offerti.
Dipartiment ta' l-artijiet — Kumpens għal fond li ttieħed ħal skop pubbliku
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħatu separatament, għadu ma ġiex ikkumpensat mid-dipartiment ta' l-artijiet għall-fond li ġie meħud mill-istess dipartiment għal skop pubbliku fl-1995?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuna li dettalji dwarha ingħataw separatament għadu ma ġiex ikkumpensat għal fond meħud mid-Dipartiment għal skop pubbliku għaliex ma kienx ġie aċċettat l-ammont ta` recognition rent offrut permezz ta` Avviż ta` Ftehim. Għad hemm kawża pendenti quddiem il-Bord ta` Arbitraġġ dwar Artijiet dwar dan l-ammont ta` kera.
Kemm kien id-dħul ta' flus globali li l-Gvern daħħal miċ-ċitazzjonijiet li nħarġu mill-Korp tal-pulizija u mill-wardens matul is-sena 2003 fuq ksur tar-regoli tat-traffiku, ksur tal-liġi, etc?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dħul globali ta` flus li l-Kunsill Lokali daħħlu miċ-ċitazzjonijiet li nħarġu mill-Pulizijja u mill-Gwardjani Lokali mill-1 ta` Jannar sal-31 ta` Diċembru 2003 kien ta` Lm1,603,782.00.
Dan l-ammont hu in konnessjoni mal-kontravenzjonijiet li ġew delegati lill-Kunsilli Lokali.
Infurmat ukoll illi l-Pulizija tiġbor biss ħlas ta` kontravenzjonijiet tat-traffiku li jitħallsu barra mill-Qorti. Matul is-sena l-oħra dan kien jammonta għal Lm24,812.00.
Kemm kien in-numru ta' każijiet tat-traffiku rapurtati lill-pulizija matul l-2003 u kemm kineu l-każijiet rappurtati taħt is-sistema bumper to bumper? Huwa possibli li l-Ministru jinfurmani bin-numru tal-każijiet skond il-bliet u l-irħula ta' Malta u Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-inċidenti tat-traffiku irrapurtati lill-Pulizija matul is-sena l-oħra kienu kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-inċidenti front to rear, kif naħseb li jaf l-Onorevoli Interpellant, dawn ma baqgħux jiġu irrapurtati lill-Pulizija. Għaldaqstant il-Pulizija m`għandiex dan it-tagħrif.
Jista' il-Ministru jinvestiga jekk l-istabbiliment li ismu qed jintbagħat separatament, għandux il-permessi u l-liċenzji meħtieġa biex jopera bħala take-away? Jekk fin-negattiv, jista' jieħu l-passi biex dan l-abbuż jieqaf?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istabbiliment imsemmi huwa kopert b`liċenzja mill-awtorita` regolatorja kif rikjest bl-Att ta` l-2001 dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ (Kap. 441).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li tressqu quddiem il-Qorti tal-Minorenni fl-2003? Liema kienu l-akkużi prinċipali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` tfal li tressqu quddiem il-Qorti tal-Minorenni fis-sena 2003 kien ta` 63.
Wieħed jista` jaqsam l`hekk imsemmija "kawżi prinċipali" f`żewġ (2) kategoriji, li huma:
Serq, u
Inġurji lil persuni (fosthom familjari stess) u ksur tal-Bon Ordni Ċivili.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4407 li riċentement saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' tista' tgħid jekk tħejjix xi rapport dwar iż-żjara ta' delegazzjoni tal-kumitat tal-kunsill ta' l-Ewropa dwar il-prevenzjoni tat-tortura u trattament inuman u degradanti li saret fit-tieni nofs ta' Jannar ta' din is-sena? X'kien l-eżitu taż-żjarat li għamlu liċ-ċentri li qegħdin jospitaw l-immigranti llegali?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern ser jadotta l-istess proċedura li dejjem adotta rigward Rapporti tal-Committee for Prevention of Torture, u ċioe` li wara li jirċievi r-rapport u tithejja r-risposta, jiġu pubblikati t-tnejn.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinħareġ xi skema sabiex ikunu jistgħu jinxtraw garaxxijiet tal-gvern li huma mikrija?
Response (BORG, TONIO)
Sa issa m`hemmx ħsieb li l-Gvern joħroġ skema ġenerali sabiex ikunu jistgħu jinxtraw garaxxijiet tal-Gvern li huma mikrija. Pero` ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern tikkunsidra kwalunkwe talba li ssirilha sabiex tinxtara proprjeta` tal-Gvern. Kull każ jiġi ttrattat skond iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed issir verifika ta' xogħlijiet tat-toroq, bankini, eċċ. li jsir mill-kunsilli lokali? Jista' jgħid jekk ġewx investigati xi każi fejn xogħol ma sarx tal-livell? X'sar f'kull każ u f'liema lokalita' kienu dawn il-każi?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-diversi kuntratti li jagħmlu l-Kunsilli Lokali għal xogħlijiet fuq toroq, hemm speċifikat li għandu jkun hemm Contract Manager għal kull kuntratt. Ix-xogħol tal-Contract Manager hu proprju biex dan jara li x-xogħlijiet isiru skond l-ispecifications ta` l-istess Kunsill qabel isir il-ħlas mill-Kunsill.
Jekk Kunsill jirriżultalu li l-kuntratt ma jkunx qed jiġi osservat, dan għandu joħroġ id-'default notes' li jistgħu jirriżultaw fit-tnaqqis mill-ħlas lill-kuntrattur, u jekk il-Kunsill jara li hemm ksur persistenti tal-kuntratt, jista` wkoll iwaqqaf il-kuntratt.
Bordijiet u kummisjonijiet — Perċentwal ta' nisa u rġiel
Question
Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali nkarigati mill-proċeduri tal-affissjoni u l-pubblikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-uffiċjali inkarigati mill-proċeduri ta` l-affissjoni huma l-Marixxalli tal-Qorti filwaqt li dawk inkarigati mill-pubblikazzjoni huma Deputati Reġistraturi u uffiċjali legali. Dawn ta` l-aħħar isimhom jidher f`kull avviż ippublikat fil-Gazzetta tal-Gvern u fil-ġurnali.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-uffiċjali inkarigati jieħdu ħsieb il-pubblikazzjoni fil-gazzetta tal-Gvern qed idumu żmien eżaġerat biex jagħmlu dan? Jista' il-Ministru jgħid ukoll għaliex meta fl-aħħar issir il-pubblikazzjoni, din ħafna drabi qed tkun erroneja, bħal per eżempju meta tiġi ndikata Qorti ħazina?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ċerti pubblikazzjonijiet jieħdu iktar żmien minn oħrajn peress li l-volum ta` xogħol ivarja minn żmien għal ieħor. Huwa minnu li kultant ikun hemm żbalji f`pubblikazzjonijiet. Meta jiġri dan terġa` ssir pubblikazzjoni mill-ġdid malajr kemm jista` jkun.
Jista' il-Ministru jgħid, matul l-2000, 2001, 2002 u 2003, kemm saru żbalji fil-publikazzjonijiet fil-gazzetta tal-Gvern? Jaqbel il-Ministru li dan huwa inaċċettabbli, speċjalment meta ċ-ċittadini qed jonfqu ammont sostanzjali għal din il-proċedura? X'beħsiebu jagħmel il-Ministru biex l-affarijiet isiru kif imiss, okkorendo li jieħu passi dixxiplinarji kontra dawk ikkonċernati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika ta` kemm isiru żbalji fil-pubblikazzjonijiet tal-Gazzetta tal-Gvern u f`pubblikazzjonijiet simili. Ċertament żbalji għandhom ikunu evitati, u mill-ħafna pubblikazzjonijiet li jsiru, twal u dettaljati, l-Onorevoli Membru jaf li dawn isiru tajjeb, ħlief f`każi iżolati. L-Amministrazzjoni tal-Qorti qed tara li dawn l-iżbalji kemm jista` jkun ma jseħħux.
Jista' il-Ministru jispjega l-proċedura l-ġdida li qed jadoperaw il-medjaturi (f'każi ta' separazzjonijiet) fejn kawżi jiġu assenjati u l-medjaturi mhux qed jinfurmaw lill-avukati b'dan? Jista' il-Ministru jinnota li f'dawn l-ittri li qed jintbagħtu m'hemm l-ebda konferma ta' notifika?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-Reġistru tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) jipprovdi lill-Medjaturi bil-materjal kollu ta` stationery li jkollhom bżonn sabiex l-istess Medjaturi jinformaw lill-partijiet bil-ġurnata, l-ħin u l-post meta tkun se tinżamm is-seduta. Tali ittri jintbagħtu permezz ta` posta normali.
L-avukati tal-partijiet qegħdin jingħataw n-numru tat-telefon tal-Medjaturi sabiex jiffaċilitaw il-proċediment tal-medjaturi.
Barra minnhekk, fuq ir-Reġistru tal-Medjaturi, li qiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, hemm ukoll indikat in-numru tat-telefon.
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-immigrant illegali li applika għall-istatus ta' refuġjat u li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, issottometta lill-awtoritajiet l-inkartament kollu dwar il-vera identita' u ċittadinanza tiegħu? Jekk iva, jista' jgħid għaliex din il-persuna għadha tinżamm taħt detenzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li għalkemm l-applikazzjoni għal status ta` refuġjat tal-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ġiet miċħuda, l-istess persuna appellat minn din id-deċiżjoni, liema appell għadu pendenti.