Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar approvatx permessi għall-bini ta' warehouses jew bini ieħor f'biċċa art kollha siġar tal-ħarrub fi Triq il-Biedja ġo Ħal-Farrug, Luqa/Qormi, faċċata tal-housing estate? Jikkonferma l-Ministru li s-siġra tal-ħarrub hija siġra protetta taħt il-policy viġenti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet applikazzjoni għal bini ta` mħażen fuq is-sit li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. L-applikazzjoni waslet għand l-Awtorita` fl-1 ta` Marzu 2000, (PA 1081/00) u s`issa għadha ma ġietx deċiża. Is-sit tinsab barra ż-żona ta` l-iżvilupp. Id-Direttorat ta` l-Ippjanar qiegħed jistenna risposta għall-konsultazzjoni li għamel mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma, id-Dipartiment għall-Protezzjoni ta` l-Ambjent u l-Ministeru ta` l-Agrikoltura.
Rigward is-siġra tal-ħarrub ninsab infurmat li din mhix siġra protetta taħt il-policies tal-Awtorita` ta` l-Ippjanar peress li l-policies ta` l-Awtorita` ma jipproteġux speċi ta` siġar partikolari, għalkemm il-Pjan ta` Struttura għandu provvedimenti favur siġar endemiċi u arkeofiti (bħall-ħarrub). Għalhekk, il-prattika ta` l-Awtorita` taħseb biex, fejn hu possibli, siġar bħal dawn jitħarsu kif ukoll jiġu miżruha siġar ġodda ta` dan it-tip.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12318, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji mitluba peress li kif jaf hu stess dawn id-dettalji jikkonċernaw infiq pubbliku?
Response (BORG, TONIO)
Billi l-Onor. Interpellant ma tagħnix spjegazzjoni sodisfaċenti għaliex qed jitlob l-informazzjoni m`għandiex xi nżid mat-tweġiba li tajtu fis-Seduta 224.
B'riferenza għall-estensjoni ta' bini fil-guest house Ramla Lodge fi Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn Nru. PA 2272/97, jista' l-Ministru wara konsultazzjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar jispjega: (a) kif ħareġ il-permess biex jinbena it-tielet sular meta f'ittra li ġġib id-data tas-16 ta' Ġunju, 1998 numru ta' referenza GF/GC - 55/667 id-Director of Planning kien qal li "PA 2272/97 is being recommended for refusal as proposal will intensify the commercial/tourism characteristics in a predominantly residential area"? (Kopja ta' l-ittra qed tintbagħat separatament)
(b) Kif għadhom ma ttieħdu ebda passi biex struttura llegali li nbniet fil-front garden tar-Ramla Lodge u li dwarha diġa' weħel multa u nħarġitlu ordni biex imwaqqa' din l-istruttura, jiġifieri il-bar, u s'issa għadha hemm? Jekk dan hu minnu, x'inhu jżomm lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar milli tipproċedi kif tipprovdi l-liġi?
(ċ) Kif bungalow fl-istess area, ta' l-istess sid u li hu f'residential area ħariġlu l-permess biex isir bar and restaurant li jesa' madwar 140 ruħ meta l-parking capacity li ngħatat mill-Planning Authority hi biss ta' 24 karozza meta jien informat li suppost skond ir-regolamenti - Policy TRA 4, din kellha tkun ta' bejn wieħed u ieħor 60 karozza?
(d) Kif tispjega l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li l-istess sid għandu bini ta' sular taħt l-art jew parti sostanzjali minnu taħt l-art li suppost kien basement ta' disa' filati għoli u fil-fatt hu ta' sular sħiħ u li issa ngħata l-permess li jintuża bħala bedrooms meta skond il-liġi l-ebda basement ma jista' jintuża għall-irqad?
Response (BORG, TONIO)
B`referenza għat-Tweġiba li jien tajt għal din il-Mistoqsija fis-Seduta Nru. 242 tal-15 ta` Frar, 2000, ninsab infurmat li : -
(a) ma nħareġ l-ebda permess għal tlett sulari `l fuq mit-triq, imma għal tlett livelli, 2 `l fuq u wieħed `l isfel mit-triq kif permess mill-ischemes u l-policy DC 1/88.
Dan il-permess inħareġ wara tibdil estensiv fil-pjanti sottomessi li oriġinarjament ma kienux jaqblu mal-policies, u għaldaqstant kien se jkun rakkomandat biex jiġi rifjutat. Wara t-tibdil, il-proposta saret konformi mar-regoli.
(b) ma jirriżultax li dik il-parti msemmija mill-Onorevoli Interpellant hija llegali jew inħarġilha xi ordni biex titwaqqa`. Il-multa u l-ordni tat-twaqqiegħ kien inħareġ kontra it-twaqqiegħ ta` boundary wall, bini ta` ieħor ġdid, u twaħħil ta` tabella mingħajr il-permessi meħtieġa. Irid jingħad li l-imsemmija parti trid tiġi mneħħija mis-sid skond il-permess maħruġ P.A. 2272/97.
Għaldaqstant l-Awtorita` qegħda tieħu ħsieb li l-bini isir skond il-permessi u pjanti approvati.
(c) il-bungalow diġa` kien liċenzjat bħala parti mill-kumpless tal-guest house. Dan il-kumpless fil-fatt ma kellux post ta` parkeġġ u għaldaqstant kien gwadann li l-basement ġie riservat għal dan il-għan. Il-maġġorparti ta` dawk li ser jużaw dan ir-restaurant ser ikunu r-residenti ta` dan il-kumpless, b`40 kamra tas-sodda, li jirrikjedu spazju ta` parkeġġ għal 20 karozza. Fil-fatt ġew provduti 24 spazju ta` ir-regoli tas-Sanita`, livell taħt it-triq jista` jintuża għal skop ta` abitazzjoni sakemm ikun hemm dawl u ventilazzjoni adegwata. (Kapitlu 10 - Code of Police Laws. Sez. 97 & 106)
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' priġunieri li talbu l-għajnuna medika matul Jannar u Frar ta' din is-sena? X'mard kellhom u kemm minnhom ntbagħtu l-isptar għal kura?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul Jannar u Frar tas-sena 2000, in-numru ta` priġunieri li talbu għajnuna medika kien ta` 1,189, li minnhom 147 intbagħtu l-isptar għal kura.
Dwar x`tip ta` mard kellhom dawn il-priġunieri, din l-informazzjoni hija ta` natura kunfidenzjali u professjonali u ma nħossx li għandha tiġi ppubblikata.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi, akkademiċi Arab u Afrikani li jkunu qed jivjaġġjaw u jużaw l-ajruport internazzjonali ta' Malta għad-destinazzjoni tagħhom qed jingħataw permess ta' 24 siegħa u/jew tliet ijiem biss sabiex joqogħdu Malta?
Minn meta bdiet topera din il-policy u x'inhuma r-raġunijiet?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf l-Onor. Interpellant, barranin ta` diversi nazzjonalitajiet jużaw l-ajruport internazzjonali ta` Malta biex ikomplu il-vjaġġ tagħhom għal destinazzjonijiet oħra. Meta dawn il-barranin ikollhom bżonn ta` visa, dawn normalment jitolbu visa għall-perijodu li jkunu ser idumu Malta, qabel ma jkomplu l-vjaġġ tagħhom. Din il-visa tingħata għal dak il-perijodu, kemm-il darba dawn il-barranin jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha biex joqgħodu hawn u biex jidħlu fil-pajjiż fejn ikunu sejrin. Jekk ma jkollhomx bżonn ta` visa biex jidħlu Malta jingħataw permess joqgħodu hawn sal-jum meta jkunu ser ikomplu l-vjaġġ tagħhom, u dan jingħata fuq talba tagħhom u jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa fosthom dawk rikjesti mill-pajjiż fejn ikunu sejrin.
Barrani jista` jitlob ukoll 'transit visa' li l-perijodu tagħha jiskadi wara erbgħa u għoxrin siegħa.
Barrani jista` wkoll jasal Malta u jitlaq għal destinazzjoni oħra fl-istess jum mingħajr ma jħalli l-ajruport, u f`każ bħal dan ma jkollux bżonn ta` visa.
Dawn l-arranġamenti ilhom jeżistu għal diversi snin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kien in-numru ta' persuni barranin li matul Jannar u Frar ta' din is-sena ma tħallewx jidħlu Malta wara li waslu fl-ajruport internazzjonali lokali?
X'kienu r-raġunijiet u ta' liema nazzjonalita' kienu dawn il-persuni barranin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat ukoll li dawn il-291 persuna li waslu f`Malta bl-ajru ma tħallewx jidħlu f`Malta peress li kien jidher li m`humiex viżitaturi bona fede.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom permess mill-kummissjaru tal-pulizija illi jistgħu jsuqu karozza mingħajr ma jilbsu seat belt? Kemm saru talbiet is-sena l-oħra u kemm ġew irrifjutati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent hawn 103 persuni eżentati mill-Kummissarju tal-Pulizija milli jużaw seat belt waqt li jkunu jivvjaġġaw bħala driver jew bħala passiġġier fuq in-naħa ta` quddiem ta` vettura bil-mutur. Ninsab infurmat ukoll li matul l-1999 kien hemm 80 talba għal eżenzjoni ta` din ix-xorta, li minnhom 35 ġew rifjutati.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed tistenna l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex toħroġ iċ-ċertfikati meħtieġa biex ir-razzett (dokumenti qed jintbagħtu separatament) ikun jista' jikseb is-servizzi ta' l-ilma u d-dawl?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li wara li ġie kkonfermat li s-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant jidher fuq is-survey sheet ta` qabel in-1968, b`konformita` ma` ċirkolari PA 2/99 subsinciz 3, jinħtieġ li ssir spezzjoni oħra biex jiġi żgurat li m`hemmx żvilupp illegali fuq is-sit. Jekk jirriżulta li ma hemmx żvilupp illegali fuq is-sit, allura fi żmien qasir jinħareġ iċ-ċertifikat mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-Planning Authority dwar rapporti fil-media ta' dumping u distruzzjoni tal-landscape u tal-ħabitat f'Għajn Żejtun, il-Mellieħa?
Response (BORG, TONIO)
Dwar ir-rapporti fil-media rigward iż-żona li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħadet passi skond l-Att 1 ta` l-1992 dwar l-Iżvilupp.
Ninsab infurmat ukoll li fuq l-applikazzjoni PA 4709/97 inħareġ Stop and Enforcement Notice Nru. 311/00 filwaqt li kif intqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9867 inħareġ Stop and Enforcement Notice Nru. 973/99 dwar żvilupp mhux skond il-permess maħruġ għall-applikazzjoni PA 1568/97.
Fiż-żewġ każi l-iżvilupp twaqqaf immedjatament u l-Awtorita` qed issegwi l-każi fiż-żona msemmija sabiex il-liġi tkun imħarsa.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibbiltajiet hemm li jinstab sit alternattiv għall-pompa tal-petrol li hemm applikazzjoni għaliha n-naħa ta' wara tal-ground tal-Mellieħa, post li hemm bżonn jinżamm biex jiġu żviluppati faċilitajiet sportivi oħra?
Response (BORG, TONIO)
Is-siti fejn jiġu proposti żviluppi partikolari normalment jiġu identifikati mill-applikanti nfushom. Fil-każ ta` proġetti li jkunu suġġetti għal Environmental Impact Assessment, il-konsiderazzjoni ta` siti alternattivi hija normalment parti integrali mill-proċess.
Fil-każ tal-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar u d-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent talbu li jsir Environmental Planning Statement (EPS) u dan kien jinkludi analiżi ta` siti diversi, dejjem fl-isfond ta` l-policies viġenti tal-Pjan ta` Struttura. L-EPS ikkonkluda li s-sit li fuqu hemm l-applikazzjoni issa joffri diversi vantaġġi u jnaqqas ir-riskji li setgħa kien hemm fil-każ ta` siti oħrajn.
Madankollu, jekk l-applikant jixtieq jikkunsidra siti oħrajn, dan jista` jagħmlu dment li fl-isfond tal-policies tal-Pjan ta` Struttura terġa` ssir analiżi ta` l-impatt ambjentali.
Jista' l-Ministru jgħid x'użu qed isir minnhom iż-żewġ vetturi ġodda tas-servizz li għadhom kemm inxtraw mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ż-żewġ vetturi li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant qed jintużaw għal qadi tad-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi.
Ninsab infurmat ukoll li, bl-iskop li dawn il-vetturi jintgħarfu li huma vetturi tal-gvern, twaħħlulhom stickers fuq il-ġnub bil-kliem 'Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi' kif ukoll l-emblema tad-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna barranija li ilha miżżewġa Maltija għal tliet snin u li jgħix mal-familja tiegħu f'Malta għandux dritt, jew hux se jkollu ċ-ċans, għal ċittadinanza Maltija? F'dan il-każ se jkun jista' jżomm dik barranija?
Response (BORG, TONIO)
Skond l-aħħar emendi għall-liġi taċ-ċittadinanza li ġew fis-seħħ fl-10 ta` Frar 2000, persuna barranija miżżewġa ċittadin ta` Malta tista` tapplika sabiex tiġi reġistrata bħala ċittadin ta` Malta wara ħames snin ta` żwieġ u sakemm il-koppja jkunu għadhom jgħixu flimkien meta ssir l-applikazzjoni.
Meta takkwista ċ-ċittadinanza Maltija din il-persuna tkun tista` żżommha ċ-ċittadinanza barranija li jkollha.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12298, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji mitluba peress li kif jaf il-Ministru dawn id-dettalji jikkonċernaw infiq pubbliku?
Jista' l-Ministru jgħid kif triq li issa tista' tgħid kważi nbniet kollha għad lanqas għandha isem?
Jista' l-Ministru jgħid meta din it-triq li tinsab fi New Street in Carmel Street, Fgura se tingħata isem?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Kumitat għat-Tismija tat-Toroq kien talab għal aktar informazzjoni dwar l-isem propost mill-Kunsill Lokali tal-Fgura għat-triq li qed tirreferi għaliha l-Onor. Interpellanti, liema nformazzjoni waslet permezz ta` ittra fax datata 31 ta` Jannar, 2000.
Ninsab infurmat ukoll li l-imsemmi Kumitat ser jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu dwar l-isem ta` din it-triq fl-ewwel mument opportun.
Jista' l-Ministru jgħid jekk pulizija li jkunu ġew boarded-out mill-bord tal-korp u issa jinstabu li fiequ, u għalhekk huma tajbin għax-xogħol, humiex se jitħallew jerġgħu jidħlu lura fil-korp?
Response (BORG, TONIO)
Ir-reinstatements isiru skond l-esiġenzi tas-servizz u kull min jidhirlu li għandu interess jista` japplika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni membri tal-korp tal-pulizija llum u kemm hemm postijiet vakanti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 1,713 membru fil-Korp tal-Pulizija filwaqt li skond l-aħħar complement approvat hemm 138 vakanza.
Dalwaqt ser jieħdu l-ġurament il` fuq minn 70 Pulizija ġdid peress li fl-1999 reġa` nfetaħ ir-reklutaġġ li fl-1997 u fl-1998 kien kompletament magħluq.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-1999 kemm kien hemm kontravenzjonijiet irrapportati mill-pulizija dwar ħruġ ta' duħħan: (a) mill-vetturi f'Malta; u (b) mill-vetturi f'Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999, il-Pulizija irrapurtaw 325 il-kontravenzjoni dwar ħruġ ta` duħħan minn vetturi u dawn kienu kollha każijiet li saru f`Malta.
Jista' l-Ministru jgħid minn min huwa kompost il-bord ta' l-għażla għall-interviews tar-rekluti l-ġodda ta' l-uffiċjali korrettivi fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Hemm f'dan il-bord membru li jirrappreżenta lill-PSC, u jekk le, għaliex ma ġiex maħtur wieħed?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-bord ta` l-għażla għal postijiet ta` gwardjani ġodda fid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi li ġie approvat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku hu kompost mill-persuni kif jidher hawn taħt : -
Chairman Is-Sur Emanuel Cassar Direttur Servizzi
Korrettivi
Membri Is-Sur Joseph Ebejer Direttur
Is-Sur Ronald Kelly Spettur tal-Pulizija
Is-Sinj. Rose Rappreżentanta tal-
Plumpton Management & Personnel
Office fl-Uffiċċju tal-
Prim Ministru
Ninsab infurmat ukoll li mhix il-prassi li f`bord ta` għażla jkun maħtur membru li jirrapreżenta speċifikament il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, meta l-membri tal-bord ikunu nħatru bl-approvazzjoni ta` l-istess Kummissjoni.