Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #6334 Sitting 98 2013-12-02 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – Whistleblowing Reporting Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi grad għandu l-Whistleblowing Reporting Officer li ġie appuntat fil-Ministeru tiegħu? Min hu/hi l-Whistleblowing Reporting Officer u x’taħriġ ingħata/t?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Whistleblowing Reporting Officer għall-Ministeru għat-Turiżmu hija l-Assistent Direttur fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti. Din il-persuna attendiet it-taħriġ fiċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u Taħriġ fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru nhar is-27 ta’ Novembru 2013.
Leg 12 PQ #6356 Sitting 98 2013-12-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — kuntratti ma' avukati u periti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6162 u jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali tas-7, 11 u t-12-il distrett għandhom kuntratti ma' avukati u periti biex iwettqu xogħol għal dawn l-istess kunsilli lokali wieħed wieħed individwalment? Jista' jagħti tagħrif dwar liema minn dawn il-kunsilli lokali biddlu l-professjonisti tagħhom matul l-aħħar sena? F'kull każ mera sar it-tibdil? Jista' jagħti tagħrif dwar f'liema każijiet l-professjonijisti li kienu ngaġġati qabel għadhom iwettqu x-xogħol tagħhom mal-istess kunsilli li kienu joperaw fihom?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6162.
Leg 12 PQ #6357 Sitting 98 2013-12-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

kunsilli lokali — pubblikazzjoni ta' magazines

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6163 u jagħti tagħrif war liema kunsilli lokali tas-7,11 u t-12-il distrett għandhom magazine li jiġi ppubblikat b'ċertu regolarità? X'inhu l-isem tal-magazine u b'liema frekwenza jiġi ppubblikat? Jista' jagħti tagħrif dwar liema magazines hu mistenni li jiġu ppubblikati sal-aħħar tas-sena? Min intalab jikkontribwixxi għal pubblikazzjonijiet li ħarġu u minn min dawk li jiktbu regolarment mhux se jiġu mitluba permessi li jiktbu fil-pubblikazzjonijiet sal-aħħar tas-sena lokalità blokalità?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6163.
Leg 12 PQ #6358 Sitting 98 2013-12-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — xogħol infrastrutturali - kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6164 u jagħti tagħrif dwar kemm hemm kontijiet pendenti għal xogħol infrastrutturali li sar mill-kunsilli lokali tas-7,11 u t-12-il distrett elettorali bejn Jannar u Settembru 2013? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar liema xogħlijiet li saru fl-istess perijodu għad m'hemmx il-kont pendenti? X'inhu maħsub li tkun in-nefqa marbuta ma' dawn l-istess kontijiet pendenti?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6164.
Leg 12 PQ #6224 Sitting 97 2013-11-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Trackless Train

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6040, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza li għaddiet bejn il-Kunsill Lokali u Transport Malta inkluż korrispondenza li waslet biex isiru talbiet għal bidla lill-Transport Malta mill-Kunsill Lokali jew lill-Kunsill Lokali minn Transport Malta?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza rilevanti li għaddielna l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Leg 12 PQ #6225 Sitting 97 2013-11-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

kunsilli lokali — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5828 u 6042, billi r-risposti jindikaw li kien hemm xogħol meħtieġ li kellu jsir mill-kunsill lokali, jista' l-Ministru għal kull każ imsemmi fir-risposta fil-fatt jagħti tagħrif dwar x'wettaq il-kunsill bħala xogħol marbut mal-inħawi indikati fir-risposta? X'kull każ, x'kienu r-riżultati tal-ħidma li wettaq il-kunsill dwar il-każijiet individwali? X'kienet l-ispiża involuta biex ix-xogħol meħtieġ isir? X'fadal xogħol li għandu jsir skont il-permessi maħruġa minn Transport Malta?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant hu kif ġej: Ser issir zebra crossing fi Triq Mons. Alfredo Mifsud bħala aċċess għall-bandli. Dan ix-xogħol għadu ma sarx u għaldaqstant għadhom ma tħallsu l-ebda spejjeż. Ser isiru tabelli ġodda fi Triq San Ġiraldu. Ix-xogħol għadu ma sarx u għaldaqstant għadhom ma tħallsu l-ebda spejjeż. Intant sar ukoll parkegg ġdid fi Triq l-Erba’ Mwieżeb. L-ispejjes relatati kienu ta’ €652.80.
Leg 12 PQ #6162 Sitting 96 2013-11-26 Oral · Interim From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — kuntratti ma' avukati u periti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali tas-7, 11 u t-12-il distrett għandhom kuntratti ma' avukati u periti biex iwettqu xogħol għal dawn l-istess kunsilli lokali wieħed wieħed individwalment? Jista' jagħti tagħrif dwar liema minn dawn il-kunsilli lokali biddlu l-professjonisti tagħhom matul l-aħħar sena? F'kull każ mera sar it-tibdil? Jista' jagħti tagħrif dwar f'liema każijiet l-professjonijisti li kienu ngaġġati qabel għadhom iwettqu x-xogħol tagħhom mal-istess kunsilli li kienu joperaw fihom?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali rispettivi permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #6163 Sitting 96 2013-11-26 Oral · Interim From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

kunsilli lokali — pubblikazzjoni ta' magazines

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif war liema kunsilli lokali tas-7,11 u t-12-il distrett għandhom magazine li jiġi ppubblikat b'ċertu regolarità? X'inhu l-isem tal-magazine u b'liema frekwenza jiġi ppubblikat? Jista' jagħti tagħrif dwar liema magazines hu mistenni li jiġu ppubblikati sal-aħħar tas-sena? Min intalab jikkontribwixxi għal pubblikazzjonijiet li ħarġu u minn min dawk li jiktbu regolarment mhux se jiġu mitluba permessi li jiktbu fil-pubblikazzjonijiet sal-aħħar tas-sena lokalità blokalità?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali rispettivi permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #6164 Sitting 96 2013-11-26 Oral · Interim From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — xogħol infrastrutturali - kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm kontijiet pendenti għal xogħol infrastrutturali li sar mill-kunsilli lokali tas-7,11 u t-12-il distrett elettorali bejn Jannar u Settembru 2013? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar liema xogħlijiet li saru fl-istess perijodu għad m'hemmx il-kont pendenti? X'inhu maħsub li tkun in-nefqa marbuta ma' dawn l-istess kontijiet pendenti?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali rispettivi permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #6128 Sitting 95 2013-11-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — reġistrazzjoni ta' korrispondenza

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assikurat li kull email u korrispondenza oħra li tidħol f'kull kunsill lokali qiegħda tiġi reġistrata kollha? Kif qed jiġi assikurat li l-emails li jidħlu għand il-kunsill lokali qed jiġu reġistrati u mhux imneħħija mis-sistema tal-kunsill lokali? X'tip ta' spezzjonijiet qed jagħmel id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali biex jaċċerta li ma jkunx hemm abbuż u ċeru emails ma jiġux reġistrati u oħrajn jiġu reġistrati? Jekk isiru tali spezzjonijiet, jista' jagħti tagħrif dwar kemm saru tali spezzjonijiet kunsill kusill matul din is-sena?

Response (VELLA, KARMENU)

Infurmat li sa minn meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali sal-lum qatt ma nħasset xi ħtieġa partikolari li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali jagħmel spezzjonijiet fuq il-korrispondenza li tasal għand il-Kunsilli Lokali. Jekk l-Onor. Interpellant hu konxju ta’ xi forma ta’ abbuż nistiednu jgħaddieli l-informazzjoni ħalli d-Dipartiment għall-Gvern Lokali jkun jista’ jinvestiga.
Leg 12 PQ #6145 Sitting 95 2013-11-25 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru gaħ-Turiżmu — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u kif hu maħsub li l-Ministeru tiegħu, flimkien mal-entitajiet li jaqgħu fir-responsabilità tiegħu, mistennija jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea fl-2014, ġejjin mil-liema programm ġejjin?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Gvern qiegħed f’negozjati mal-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun approvat il-Partnership Agreement għas-snin 2014-2020. Fl-istess waqt għaddejja ħidma fuq il-Programmi ta’ Operazzjoni. Huwa wara li jitlesta dan il-proċess, meta l-Awtorità ta’ Ġestjoni tibda toħrog is-sejħiet għal proġetti u inizjattivi.
Leg 12 PQ #154 Sitting 94 2013-11-21 Written · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – servizzi ta' transportation logistics u courier services kuntrattur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntrattur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament appuntat reċentement permezz ta' sejħa għall-offerti tal-kumpanija Air Malta għal servizzi ta' transportation logistics services u courier services, huwiex reġistrat skont il-liġi mal-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni skont il-Postal Services (General) Regulations filwaqt li ġentilment jispeċifika: i) f'każ li huwa reġistrat, meta ġie reġistrat, u ii) x'passi amministrattivi se jittieħdu jekk jirriżulta li fil-mument li ġie ffirmat il-kuntratt mal-imsemmija kumpanija statali, huwa ma kienx reġistrat u allura kien qed jikser il-liġi?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-Air Malta kienet qiegħdha tingħata s-servizzi kollha mitluba fil-kuntratt mill-kuntrattur inkwistjoni. L-Air Malta assigurat waqt in-negozjati kuntratwali mal-kuntrattur illi l-kuntratt ta’ bejniethom jorbot lill-kuntrattur b’numru ta’ garanziji sabiex l-Air Malta tissalvagwardja l-pożizzjoni tagħha. B’mod immedjat l-Air Malta formalment talbet, fost affarijiet oħrajn, lill-kuntrattur sabiex jikkjarifika l-pożizzjoni tiegħu fuq din il-materja u dan ukoll fl-isfond tal-garanziji mogħtija minnu stess fil-kuntratt ffirmat ma’ l-Air Malta. Irriżulta li l-kuntrattur llum huwa konformi mal-kriterji mitluba mill-Awtorita’ Maltija għall-Komunikazzjoni. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-perjodu ta’ komunikazzjoni dwar is-suġġett bejn l-Air Malta u l-kuntrattur inkwistjoni l-Air Malta ħadet ukoll deċizjoni li ma tagħmilx użu mis-servizzi ta’ dan il-kuntrattur sakemm tkun sodisfatta li l-operat tiegħu hu totalment skont il-ligi.
Leg 12 PQ #6082 Sitting 94 2013-11-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

National Tourism Zones

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jittħadmu in-National Tourism Zones li ssemmew mill-Ministru għat-Trasport? X'se jkunu l-funzjonijiet tal-Kumitat fiż-żoni? Minnfejn se jiġu finanzjati l-ħidmiet li se jitwettqu?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jaħdem fuq programm flimkien mal-entitajiet kollha konċernati u fil-jiem li ġejjin se jitħabbru d-dettalji dwar kif se jkunu qed jiffunzjonaw in-National Tourism Zones.
Leg 12 PQ #6102 Sitting 94 2013-11-21 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — tender/direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-perijodu 1998 u Marzu 2013? Jista' jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b'direct order jew tender u kemm kienet l-ispiza għal kull każ?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #6114 Sitting 94 2013-11-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Sajjieda — laqgħa ta' konsultazzjoni

Question

Billi f'mistoqsija parlamentari 5903 il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima wieġeb li kien il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li sejjaħ il-laqgħa għas-sajjieda indikata fl-istess risposta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar b'liema mod u lil min stieden għal din il-laqgħa l-kunsill lokali? Jista' jinvestiga ukoll jekk il-membri tal-Kunsill Lokali kenux infurmati b'din il-laqgħa? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar min kienu l-membri tal-kunsill li attendew għal din il-laqgħa u min kienu?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-laqgħa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet waħda ta’ natura informali u kienet miftuħa għal kulħadd. Infurmat ukoll li għal-laqgħa kien mistieden ukoll il-membru tal-Kunsill Lokali li għandu x’jaqsam mas-sajd.
Leg 12 PQ #6124 Sitting 94 2013-11-21 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Agrituriżmu – operaturi ta’ negozju

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6026, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal-liċenzja ta' negozju marbut mal-agrituriżmu?

Response (VELLA, KARMENU)

Nifhem li l-Onor. Interpellant segwa t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6026 li hu qiegħed jirreferi għaliha. Għaldaqstant mill-ġdid nerga’ nagħmel referenza għall-istess tweġiba.
Leg 12 PQ #6125 Sitting 94 2013-11-21 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Awtorità Maltija għat-Turiżmu – Agrituriżmu — studji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jew l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandhomx studju/i li jindikaw ħtieġa għal operaturi ta' negozji marbuta mal-agrituriżmu f'Malta u Għawdex? Jekk dan l-istudju/dawn l-istudji jeżistu, jista' l-Ministru jpoġġih/ipoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern bħalissa qiegħed jaħdem sabiex jirregolarizza u jippromwovi l-Agrituriżmu bħala niċċa ġdida għas-settur turistiku Malti. F’din il-ħidma, mhux eskluż li jsiru studji lokali jew issir refenza għal studji internazzjonali relatati ma’ dan il-qasam.
Leg 12 PQ #6134 Sitting 94 2013-11-21 Oral · Interim From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali – konsulenti legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali tal-Kunsilli lokali ta' Malta u Għawdex, kunsill b'kunsill? Jista' jgħid kemm ilhom jagħtu dan is-servizz lill-kunsilli lokali rispettivi u kemm huwa l-ħlas għal dan is-servizz?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #6135 Sitting 94 2013-11-21 Oral · Interim From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali – konsulenti legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-konsulenti legali tal-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex kunsill b'kunsill bejn is-sena 2004 u s-sena 2008? Jista’ jgħid kemm kien il-ħlas tagħhom għal dan is-servizz?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #6137 Sitting 94 2013-11-21 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Airmalta — każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema dwar permess mingħand l-Airmalta?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat illi wara li l-Air Malta vverifikaw dan il-każ, jirriżulta li l-imsemmi persuna ma talab l-ebda permess mingħand l-Air Malta. Mill-istħarriġ irriżulta li l-imsemmi persuna għadu qed jistenna li jinħariġlu l-OMAS pass u dan ma jinħarigx mill-Air Malta imma mill-OMAS – Office of Manager Airport Security.