Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #19878 Sitting 389 2000-10-10 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Coin telephone

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 19715?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li s-suq li jimmira għal din is-sezzjoni ta' kummerċ, ġie liberalizzat fl-1995. Settijiet tat-telefon li jaħdmu bil-flus - hekk imsejħa coin telephone sets - jinstabu għall-bejgħ minn diversi ħwienet li m'għandhom ebda konnessjoni mal-Maltacom. Għal din ir-raġuni l-Maltacom ma żżomm ebda statistika dwar coin telephone sets i nstallati għand klijenti residenzjali u kummerċjali. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għal klijenti li għandhom installat coin telephone set. Jekk dan huwa l-każ, it-tweġiba mogħtija għall-ewwel parti tal-mistoqsija tapplika wkoll f'dan il-każ.
Leg 9 PQ #19879 Sitting 389 2000-10-10 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Servizzi tat-telephone

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 19716?

Response (BONNICI, JOSEF)

Għandi nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għal qtugħ fis-servizz ta' linji b'tariffi residenzjali. L-informazzjoni mitluba xahar b'xahar bejn April u Settembru ta' din is-sena hija kif ġej: XAHAR NUMRU TA' SERVIZZI MAQTUGĦA April 19 Mejju 25 Ġunju 16 Lulju 336 Awissu 5 Settembru 194 Ta' min ifakkar li qabel ma tinqata' linja, ikun hemm restrizzjoni fejn l-abbonat ikun jista' jirċievi biss telefonati. L-abbonati li matul ix-xhur imsemmija kellhom is-servizz maqtugħ, huma mferrxin ma' Malta u Għawdex.
Leg 9 PQ #19889 Sitting 389 2000-10-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

METCO — Rapport

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min sar ir-rapport tal-METCO dwar xejriet fil-kummerċ barrani ta' pajjiżna? Kemm tħallas tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema rapport qiegħed jirreferi, peress li jiena nfurmat li l-METCO ma kkommissjonat l-ebda rapport fuq xejriet fil-kummerċ barrani ta' pajjiżna.
Leg 9 PQ #19785 Sitting 388 2000-10-10 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Port Cottonera Ltd — Consortium

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min huwa ffurmat il-consortium Port Cottonera Ltd?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #19675 Sitting 387 2000-10-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Serqiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta' serqiet mid-dipartiment u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999 u din is-sena? X'oġġetti ġew irrapportati nieqsa f'dawn is-serqiet u x'valur għandhom? X'passi ttieħdu u qed jittieħdu dwar dawn il-każijiet?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'Seduta oħra.
Leg 9 PQ #19783 Sitting 387 2000-10-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Cottonera Waterfront Group — Consortium

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min huwa ffurmata il-consortium Cottonera Waterfront Group?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #19820 Sitting 387 2000-10-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żabbar — Triq il-Bur

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 19159, imwieġba f'Seduta Nru. 372, possibbli l-Enemalta qabel tibda tinvestiga u tieħu l-passi neċessarji tinnota li fil-mistoqsija oriġinali tiegħi jien irriferejt għal Triq il-Bur, Żabbar għalkemm bi żvista ħarġet "Triq is-Sur"? Possibbli li l-Enemalta ġentilment tasal tieħu azzjoni jekk hux se ssir din il-bozza jew le?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Korporazzjoni Enemalta ġiet infurmata bil-kjarifika fl-isem tat-triq. L-Enemalta ġiet infurmata biex tinvestiga t-talba ta' l-Onorevoli Interpellant u jekk ikun il-każ tieħu l-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #19821 Sitting 387 2000-10-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żabbar — Dawl

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 19163?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li x-xogħol imsemmi qed isir mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Zabbar. Sehem il-Korporazzjoni Enemalta kien li tipprovdi l-materjal meħtieġ. Peress li wieħed mill-items ma kienx fost il-materjal standard, dan kellu jinxtara u għalhekk irid jgħaddi mill-proċess ta' tendering. Kif dan il-proċess jitlesta, il-materjal meħtieġ jiġi pprovdut.
Leg 9 PQ #19192 Sitting 386 2000-10-09 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Malta Freeport mill-5 ta' Jannar, 2000 sal-10 ta' Settembru, 2000? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għal imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul il-perjodu li għalih qed issir riferenza ġew impjegati tlieta u ħamsin (53) persuna mal-Malta Freeport. It-talba lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ biex isir ingaġġ fid-diversi gradi saret f'dawn id-dati: Equipment Operator fil-21 ta' April 1999 u fit-22 nta' Novembru 1999, Mechanic fl-20 ta' Awissu 1999 u fil-25 ta' Ottubru 1999, Desk Top Publishing fl-20 ta' Awissu 1999, Data Entry Operator fil-25 ta' Frar 2000 u Storekeeper fil-5 ta' Mejju 2000. Is-sejħa għall-applikazzjoni dehret fil-ġurnali kif jidher hawn taħt: Equipment Operator fit-22 ta' Novembru 1999, Mechanic fis-17 u t-18 ta' April 1999 u Desk Top Publishing fit-8 u l-10 ta' Novembru 1999.
Leg 9 PQ #19193 Sitting 386 2000-10-09 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-IPSE mill-5 ta' Jannar, 2000 sal-10 ta' Settembru, 2000? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għal imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul il-perjodu li għalih qed issir riferenza ġew impjegati sitt ħaddiema ġodda ma' l-I.P.S.E. Dawn ġew impjegati fil-gradi murija hawn taħt u s-sejħa għall-applikazzjoni ħarġet fid-data indikata GRAD DATA TA' L-APPLIKAZZJONI Executive Marketing 14 ta' Settembru 1999 Manager Restructuring 10 ta' Marzu 2000 Business Manager 10 ta' Marzu 2000 Executive Secretary 17 ta' Marzu 2000 Accounts Clerk 26 ta' April 2000 Accountant 29 ta' Mejju 2000
Leg 9 PQ #19748 Sitting 386 2000-10-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Servizzi Ekonomiċi — Żieda fit-tariffi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 19495?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-Gvern preżenti raħħas b'mod sostanzjali kemm it-tariffi tad-dawl u ta' l-ilma kif ukoll it-tariffi applikabbli għas-servizz ta' trasport bil-baħar li toffri l-Gozo Channel minn kif kienet żidithom l-amministrazzjoni Laburista. Il-Gvern preżenti introduċa żieda fit-tariffi mħallsa lis-Sea Malta minħabba li kien hemm żieda fil-prezz taż-żejt u żieda ta' ħamsa fil-mija fit-tariffi mħallsa lill-Maltacom wara l-introduzzjoni tal-ħlas tal-V.A.T. fuq dan is-servizz wara l-preżentazzjoni ta' l-Estimi tas-sena l-oħra. Matul dawn l-aħħar sentejn kien hemm ukoll żieda fit-tariffi mħallsa lill-M.I.A. Din iż-żieda kienet approvata qabel Settembru 1998 u cioe' fi żmien l-amministrazzjoni Laburista.
Leg 9 PQ #19796 Sitting 386 2000-10-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Investigazzjonijiet

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari numru 19540, jista' l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tar-rapport imsemmi? Jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li għalih qed issir riferenza. Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni Enemalta bdiet timplimenta xi uħud mir-rakkomandazzjonijiet li saru fl-imsemmi rapport.
Leg 9 PQ #19797 Sitting 386 2000-10-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-Maltacom kemm qed tħallas konsulenza lis-Sur Lou Bondi, direttament jew f'isem xi kumpannija li huwa assoċjat magħha?

Response (BONNICI, JOSEF)

Hemm diversi kumpaniji li bħalissa qed jipprovdu servizz ta' konsulenza u marketing lill-Maltacom. Dawn l-oqsma huma kummerċjalment sensittiv ħafna għall-Kumpanija u għalhekk ma jkunx fl-interess ta' l-istess Azjenda li jingħataw dettalji. Tajjeb jingħad li f'dawn l-aħħar sentejn l-amministrazzjoni tal-Maltacom irnexxielha tnaqqas in-nefqa li kienet issir f'dawn l-oqsma matul l-amministrazzjoni preċedenti.
Leg 9 PQ #19800 Sitting 386 2000-10-09 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi kwalita' ta' konsulenza qed jagħmel Lou Bondi mal-kumpannija Maltacom? Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu jagħmel din il-konsulenza u jekk hux qed jagħmilha waħdu inkella ma' xi kumpannija? Jista' jgħid kemm qed iħallas tal-konsulenza li qed jagħmel Lou Bondi? Jista' jgħid ukoll il-Ministru kemm se jitħallas Lou Bondi ta' forum li se jmexxi f'isem il-Maltacom fit-Trade Fair Grounds in-Naxxar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 19797 waqt din l-istess Seduta
Leg 9 PQ #19638 Sitting 385 2000-10-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

IPSE — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati ma' l-IPSE (Institute for the promotion of small and medium size enterprize)? Jista' jgħid x'inhu l-grad ta' kull impjegat/impjegata? Jista' jgħid x'inhi r-rimunerazzjoni taċ-chairman u taċ-chief executive officer? Jista' jgħid xi fringe benefits għandhom? Jista' jgħid meta jagħlaq il-kuntratt taċ-chief executive officer?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżent l-I.P.S.E. għandha għoxrin impjegati imqassmin f'dawn il-gradi: Chief Executive wieħed, tmien managers, seba' executives u erbgħa skrivani. Il-kariga ta' Chairman (non-executive) m'għandha l-ebda remunerazzjoni jew 'fringe benefits' oħra marbuta magħha. Iċ-Chief Executive Officer jirċievi remunerazzjoni ta' Lm20,144 u għandu benefiċċju ta' l-użu ta' karozza tal-kumpanija. Il-kuntratt ta' dan l-uffiċjal għandu validita' ta' tlitt snin b'seħħ mit-3ċ ta' Lulju, 1998.
Leg 9 PQ #19648 Sitting 385 2000-10-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Sahra

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18867 dwar sahra fil-Maltacom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li minn eżerċizzju għall-perjodu Jannar-Settembru ta' din is-sena li għamlet il-Maltacom, jirriżulta li ebda impjegat tagħhom ma għamel sahra matul xahar wieħed li tammonta għal aktar minn elf lira.
Leg 9 PQ #19746 Sitting 385 2000-10-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Toroq — St. George's Rd

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-ġimgħat li għaddew kien hemm jien sħaħ li fihom St. George's Road u St. George's Junction kienu bla dwal fit-toroq? Meta se jissewwa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #19177 Sitting 384 2000-10-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarzna — Ħaddiema Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mat-Tarzna mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul il-perjodu li għalih qed issir riferenza ġew impjegati disa' persuni fit-Tarzna ta' Malta. Tlieta ġew 'reinstated' wara li temmew b'success kors ta' riabilitazzjoni mid-droga skond il-policy tat-Tarzna, wieħed ġie appuntat fil-kariga u ħamsa huma apprentisti T.A.S. spnsorjati mit-Tarzna b'ko-operazzjoni mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Il-gradi li qed jokkupaw dawn id-disa' ħaddiema ġodda huma Chairman, External Grit Blaster, Steelworker, Stager Slinger u Apprentisti T.A.S. (ħamsa).
Leg 9 PQ #19180 Sitting 384 2000-10-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MSCL — Ħaddiema Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda maż l-MSCL mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul il-perjodu li għalih qed issir riferenza ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda mal-Malta Shipbuilding.
Leg 9 PQ #19579 Sitting 384 2000-10-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

FOI — Esenzjoni tad-Dazju

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 18722 jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm talbiet mill-koperattiva tat-tjur, majjal u tal-prodotti magħmula mill-ħalib u/jew xi kumpanniji privati?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ma jirriżultalix li f'dan il-Ministeru waslet xi talba biex isiru diskussjonijiet dwar is-suġġett speċifiku li jidher li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant.