Legislature:
Category:
Reset
Active:

sezzjoni YOURS — rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir ir-rilokazzjoni tal-YOURS?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Kif diġà informajt lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsijiet oħra simili (mistoqsijiet 2382 u 2417), it-taqsima tal Young Offenders Unit Rehabilitation Services (YOURS) ġiet trasferita l-Imtaħleb nhar il-Ħamis 7 ta’ Novembru.

Prison Board of Visitors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie maħtur u minn min hu magħmul il-Prison Board of Visitors?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Data tal-Ħatra: 11 ta’ Settembru 2013 Chairperson: Dott. Maria Cardona LL.D Deputy Chairperson: Dott. John Borg MD CCST(Psych) Membri: Dott. Anton Grech, M.D., M.Sc (Psych), MRCP (Psych) Is-Sur James Harrison Dott. Mark Attard Montalto B.A. LL.D.,M.Jur (Eur.Law) Dott. Martine Cassar B.A Eur.Studies, LL.D., LL.M. Patri Dionysius Mintoff OFM Dott. Yvette Borg LL.D Segretarja: Is-Sinjorina Mariette Borg B.A Sociology (Hons.) (Melit.)

Sezzjoni YOURS – rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport li deher fis-Sunday Times tal-Ħadd, 5 ta’ Mejju 2013 dwar is-sezzjoni YOURS, li skont dak ir-rapport se tkun fil-limiti ta’ Ħad-Dingli, hux minnu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 2961.

Qbid ta’ Għasafar ibbalzmati

Question

B’referenza għall-inċidenzi ta’ kaċċa illegali fuq l-ajkla f’Ottubru 2013, fejn huwa allegat li saru diversi tfittxijiet għand balzmaturi u kolletturi illegali, jista’ jgħid kemm kien in-numru u x’kienet l-ispeċi tal-għasafar ibbalzmati maqbuda? Fejn spiċċaw l-għasafar ibbalzmati maqbuda wara li nqabdu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi b’riżultat tal-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija dwar kaċċa illegali fuq ajkli, kienu ġew maqbuda 623 tajra ibbalzmata, kif jidher fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan it-tajr qed jinzamm fil-mużew tal-istorja naturali.

Il-Buskett – kaċċa illegali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni qed tiġi pjanata sabiex tindirizza dik li tidher li hi problema dejjem tikber ta’ kaċċa illegali fil-Buskett?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi l-pulizija saħħet il-preżenza tagħha fl-inħawi tal-Buskett ankè billi ġew introdotti rondi mit-Taqsima tal-Kavallerija.

Qorti – Individwi mressqa fuq prostituzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu individwi l-Qorti f’dawn l-aħħar ħames snin rigward prostituzzjoni? Jista’ jagħti t-tabella li turi n-numru ta’ individwi li tressqu l-Qorti bejn l-2008 u l-2013? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Kemm minnhom kienu Maltin u kemm minnhom kienu barranin u minn liema pajjiżi kienu ġejjin? Jista’ jgħid jekk dawn l-individwi jsirilhomx screening ta’ mard li jiġi trasmess sesswalment u jekk dawn l-individwi jingħatawx għajnuna sabiex jirriformaw ruħhom u jsibu xogħol?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi it-tagħrif mitlub huwa kif ġej: Persuni imressqa l-Qorti Numru ta’ każi. Nisa Irġel Maltin Barranin 2008 51 14 65 nil 204 2009 49 12 61 nil 335 2010 97 8 105 nil 722 2011 79 13 91 1 Fillipini 634 2012 65 9 73 1 Ukrain 718 2013* 55 8 63 nil 322 *sa l-aħħar ta’ Novembru. Ma hux kompetenza tal-pulizija li jsir screening għall mard, filwaqt li jekk xi persuna minn dawn titlob l-għajnuna, l-pulizija jirreferu din it-talba lill-enitajieit li jipprovdu tali għajnuna.

Persuni fis-Security Services – transfers

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala mit-transfers li saru lejn is-Security Services u li ġew ordnati l-ġimgħa li għaddiet u li effettivament kellhom jidħlu fis-seħħ fl-10 ta’ Ġunju 2013, fit-12 ta’ Ġunju 2013, tnejn mill-għaxar persuni trasferiti ddeċidew li jmorru lura minn fejn ġew? Fejn marru lura?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal-mistoqsija parlamentari 2731.

Pulizija – re-instatements

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2422 rigward re-instatements lura fil-Korp tal-Pulizija, jista’ l-Ministru jgħid meta saru t-talbiet għalihom?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi id-dati li fihom saru it-talbiet għall re-instatement fil-Korp tal-Pulizija imsemmija fit-Twegiba għall-mistoqsija parlamentari 2422 kien saru bejn is-16 ta’ April u l-31 ta’ Mejju ta’ din is-sena.

Vettura mimlija sigaretti tal-kuntrabandu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-vettura truck li fil-ġranet viċin l-14 ta’ April 2013 instabet f’Għawdex mimlija sigaretti tal-kuntrabandu u ttieħdet il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija? Fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija biex jitressqu l Qorti dwar indizjati?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ imsemmi mill-Onor.Interpellant għadha mhux konkluża. Għaldaqstant ma nħossx illi tagħrif dwar l-andament ta’ din l-istess investigazzjoni għandu jkun ippubblikat.

Community Service Orders

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ingħataw community service orders permezz ta' sentenzi mill-Qrati tagħna fis-snin 2009, 2010, 2011 u 2012?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ community service orders mogħtija permezz ta’ sentenzi tal-Qorti li ġew reġistrati fl-uffiċċju tal-kondotti tal-pulizija fis-snin imsemmija mill-Onor. Interpellant kienu hekk: 2009 2010 2011 2012 8 Xejn 8 23

sezzjoni YOURS — rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-sezzjoni YOURS mhijiex se tkun rilokata għall-art li kienet ġiet identifikata f’Ħad-Dingli?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa s-sezzjoni tal-YOURS qiegħda is-SATU l-Imtaħleb, liema sit taħt il-Gvern preċedent għamel sena u nofs ma jintuzax. Is-sezzjoni tal-YOURS il-ġdida ser tinbena viċin is-SATU biex fi żmien li ġej is-SATU, wara li titlesta s-sezzjoni l-ġdida tal-YOURS is-sezzjoni tas-SATU, ser tkun qed tospita nies li għandhom problemi ta’ abbuż minn sustanzi. Dan ser jippermetti biex b’mod effetiv is-SATU u l-YOURS ikunu jistgħu jaħdmu id f’id. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien dan il-Gvern li rnexxielu joħrog is-sezzjoni tal-YOURS mill-ħabs , wara ħmistax –il sena.

Insib illegali – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li tressqu l-Qorti u ġew mixlija li nasbu illegalment għall-pluvieri (golden plovers) u għall-merilli (song trush) xahar b’xahar waqt l-istaġun li fetaħ fl-20 ta’ Ottubru 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi matul l-istaġun li fetah fl-20 ta’ Ottubru ta’ din is-sena, kien hemm persuna waħda li nstabet tonsob illegalment għal-pluvieri (golden plover) f’Novembru, filwaqt li ma nstab ħadd li kien qed jonsob illegalment la għall merilli (blue rock trush) u lanqas għall malvizz (song trush).

Insib illegali fuq sponsuni – konfiska ta’ apparat mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jikkjarifika x’inhu l-modus operandi tal-pulizija meta jiltaqgħu ma' siti fejn ikun qed jiġi minsub b’mod illegali l-isponsun? Il-pulizija qed tikkonfiska l-apparat u l-għasafar li jinqabdu b’dan il-mod? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-materjal konfiskat u d-dati meta ġew konfiskati? Jista’ jgħid x’sar mill-materjal u mill-isponsuni konfiskati?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi meta l-pulizija tiltaqa` ma’ siti fejn ikun qed isir insib illegali għal kwalunkwe għasfur tal-għana, inkluż l-isponsun, jittieħdu l-proċeduri skont il-liġi kontra il-persuna jew persuni li jkun qed jonsbu bi ksur tal-ligi. Fejn ma jinstab hadd fuq is-sit u ma jkunx magħruf min kien qed juża dak is-sit, l-għasafar, jekk ikun hemm, jiġu meħlusa dak il-hin stess fuq il-post u x-xbieki jinġabru u jiġu meqruda. Fil-każ li l-persuna tkun magħrufa, il-pulizija jżomm biss dak l-apparat li ma jkunx konformi mal-ligi. Dan l-apparat susegwentement jiġi esebit fil-proċeduri quddiem il-Qorti. Qed inpoġġi lista ta’ oġġetti maqbuda mill-pulizija matul dan l-istagun li kienu bi ksur tar-regolamenti dwar kaċċa u nsib fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija – rondi fil-kampanja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ pulizija li jagħmlu rondi fil-kampanja fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata f’Malta u f’Għawdex matul il-perijodu li tapplika għalih din id-deroga? Jista’ jgħid kemm-il ronda saret xahar b’xahar f’Malta u Għawdex separatament mill-20 ta’ Ottubru sal-lum?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel ronda b’mod regolari f’ħinijiet differenti u għaldaqstant mhux possibli li wieħed jikkwantifika kemm saru.

Amnestija — parir mid-Direttur tal-Ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-parir li ta l-aġent direttur tal-Ħabs dwar l-amnestija li ta l-Gvern f’Ġunju?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 2713.

Korp tal-Pulizija – 25 sena servizz — notice

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex dawk il-membri tal-Korp tal-Pulizija li jilħqu l-25 sena servizz, minn Marzu li għadda bdew jintalbu jagħmlu tmien ġimgħat notice qabel ma jitilqu, meta qabel Marzu 2013 dan ma kienx il-każ?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi dan ir-rewiżit huwa riżultat tal-ftehim kollettiv għall-impjegati fis-settur pubbliku għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Dicembru 2016 u li kien jistabillixxi l-15 ta’ April 2013 minn meta kellhom jibdew fis-seħħ il-perijodu ta’ żmien li fih għandu jingħata l-avviż tat-tluq mix-xogħol. Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ crikolari PAHRO Circular No 3/2013 dwar dan is-suġġett.

Kemmuna – Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux vera li fuq Kemmuna hemm erba’ pulizija li ġew stazzjonati hemm fl-aħħar ġimgħat? Jista’ jgħid minn liema branka jew distrett ittieħdu biex ġew stazzjonati fuq Kemmuna? Jista’ jgħid jekk hux minnu li dawn l-erba’ pulizija qed jaħdmu bix-shift ta’ day, night, rest u off?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat li minn Mejju ta’ din is-sena, in-numru ta’ pulizija stazzjonati Kemmuna kien tela’ minn 2 għal 4. Din iż-żieda saret minn pulizija li kien jservu Għawdex stess. Dawn qed jaħdmu fuq xift ta’ gurnata day, gurnata night u wara jieħdu rest u off.

Korp tal-Pulizija — Kavallerija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm żwiemel tal-Kavallerija fil-preżent? Jista’ jgħid kemm hu l-baġit allokat għal din is-sezzjoni partikolari? Kemm minn dawn iż-żwiemel huma meqjusa bħala rtirati? Kemm kienu l-Pulizija li ġew trasferiti lejn is-sezzjoni tal-Kavallerija wara l-10 ta’ Marzu li għadda? Jista’ jgħid fuq liema kriterji jew meritokrazija dawn il-Pulizija ġew trasferiti lejn is-sezzjoni tal-Kavallerija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat li t-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija għandha 18–il żiemel, li 2 minnhom huma irtirati. Din it-Taqsima ma jkolliex baġit allokat espressament għaliha, però hija finanzjata mil-baġit tal-Korp in ġenerali skont il-ħtiġijiet li jkollha bżonn. Infurmat ukoll illi wara l-10 ta’ Marzu kien hemm 4 membri tal-korp li ġew stazzjonati f’din l-istess taqsima, wara li dawn kienu għamlu talba sabiex jiġu stazzjonati hemm u l-eżiġenzi tas-servizz hemm kienu jirrikjedu.

Security Service – Impjegati b’edukazzjoni terzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, b’referenza għall-intervista li hu ta lit-Times irrapurtata fid-9 ta' April 2013, b'mod partikolari għall-parti fejn hu kkwotat jgħid dwar is-Security Service "Dr Mallia said he would insist that recruits had a tertiary level of education. It was unacceptable that some people were unable to write a report. Ideally, members of the service should have a background of international studies to enable them to analyse what was happening abroad. The service also needed people versed in legal affairs and in financial matters for investigation of money laundering", kemm minn dawk li ġew trasferiti lejn is-Security Service mill-20 ta' Marzu 2013 għandhom livell terzjarju ta' edukazzjoni, sfond ta' studji internazzjonali, sfond legali jew servizzi finanzjarji?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Kif diġà l-Onor. Interpellent kien infurmat kemm-il darba, informazzjoni dwar is-servizzi tas-sigurtà hija strettament kunfidenzjali minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

Il-Qawra — Għassa tal-Pulizija - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar xogħol ta' tisbiħ fl-għassa tal-Pulizija tal-Qawra? Minn min sar dan l-istess xogħol? Kemm sewa?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Kif diġà spejgajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5455, l-aħħar li sar xogħol ta’ manutenzzjoni u tisbih fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra kien matul din is-sena. Dan sar mill-membri tal-Korp stess, għaldaqstant l-ispiża kienet tinvolvi biss il-materja prima.