Legislature:
Category:
Reset
Active:

Screening ta’ head lice

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li s-servizz tal-iscreening ta' head lice minn żewġ impjegati tal-gvern ingħata b'direct order lill-kumpanija privata? Jekk dan hu minnu x'kienet ir-raġuni? Jista’ jiċċekja jekk hux minnu li dan l-istess individwu li ngħata direct order fil-fatt qed iġiegħel lill-ġenituri jixtru prodotti mill-istess ħanut tiegħu meta t-tfal tagħhom jinstabu pożittivi għall-head lice?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-servizz tal-iscreening għall-head lice fl-iskejjel ingħata lil kumpanija privata, bl-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi, wara sejħa pubblika għall-offerti li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern tas-6 ta’ Settembru, 2013. Il-kumpanija privata li rebħet it- tend er ma ġietx mitluba li tbiegħ il-prodotti lill-ġenituri.

ETC — konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu s-servizzi li kienet tagħti l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament bħala konsulent tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, kemm dam jagħtiha din il-konsulenza, kemm tħallas sena b'sena u abbażi ta' liema dokumentazzjoni kien jitħallas u jekk tali dokumentazzjoni kenitx skont il-kuntratt li kellu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-servizzi li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant kien jagħti lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kienu jirrigwardjaw konsulenza dwar l-impjiegi u l-Community Work Scheme. Din il-konsulenza bdiet tingħata mill-11 ta’ Ġunju 2012 u ntemmet fl-10 ta’ April, 2013. Il-ħlas sena b’sena kien:- 2012: €5,980.00; 2013: €3,120.00 Il-ħlas kien isir abbażi ta’ work record u invoice approvati mill-Kap Eżekuttiv skont il-kuntratt li kellu.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — ingaġġ ta' ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-8 ta’ Marzu 2013? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, u xahar b’xahar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — top management position

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7498, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Jista’ jipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li mid-9 ta' Marzu s'issa, fid-dekasteru tiegħi ġew appuntati u twaqqfilhom jew ma ġiex imġedded il-kuntratt tagħhom wara li skada, il-persuni fil-pożizzjonijiet u fl-entitajiet li se nsemmi:- Fil-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi ġiet appuntata persuna f'pożizzjoni ta' Senior Executive. Ma kienx hemm kuntratti li twaqqfu jew ma ġewx imġedda wara d-data indikata fil-mistoqsija. Fil-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija kien hemm żewġ persuni fuq skala maniġerjali li ma ġeddewx il-kuntratt filwaqt li mpjegat ieħor ġie mwaqqaf matul iż-żmien ta' prova. Fl-istess żmien ġew appuntati tliet persuni f'pożizzjoni maniġerjali. Fl-MCAST ġew appuntati 11-il persuna b'salarju ekwivalenti għall-iskali msemmija fil-mistoqsija f'dawn il-pożizzjonijiet; Reġistratur, tliet Diretturi, erba' Deputati Direttur, Deputat Prinċipali u żewġ Managers. Matul l-istess perjodu, persuna li kellu kuntratt ta' Institute Director twaqqaf biex fl-istess waqt inħatar f'pożizzjoni maniġerjali. Persuna oħra f'kariga maniġerjali mhux se jkollu l-kuntratt tiegħu mġedded. Fil-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, il-persuna li kien jokkupa l-kariga ta' Chief Executive Officer irriżenja u minfloku ġiet appuntata persuna oħra. Il-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada waslet fi ftehim reċiproku biex jintemm il-kuntratt ta' persuna li kienet tokkupa l-pożizzjoni ta' General Manager. Sussegwentement, il-Fondazzjoni appuntat persuna fil-pożizzjoni ta' Chief Operating Officer. Infurmat ukoll li fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, fil-Ministeru u d-Direttorati kien hemm żewġ Diretturi Ġenerali li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada. Fl-istess perjodu ġew appuntati Segretarju Permanenti, Direttur Ġenerali, erba' Diretturi, Chief Information Officer, tliet Prinċipali ta' Kulleġġ u Assistent Direttur.

Kors ta’ Masters in Psychology

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kors ta’ Masters in Psychology li normalment kien jiftaħ kull sentejn hux se jiftaħ għas-sena akkademika 2014-2015? Jekk le, jista’ jagħti r-raġuni għalfejn mhux se jiftaħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-kors li jwassal għall-grad ta' Master of Psychology, kif ilu pprovdut għal diversi snin darba kull sentejn, hu ppjanat li jerġa' jiġi offrut meta jmiss, jiġifieri f'Ottubru 2014. Id-Dipartiment tal-Psikoloġija qiegħed jeżamina u jevalwa l-kors preżenti biex jara kif jista' jżid in-numru ta' psikologi li jiġu mħarrġa fl-oqsma eżistenti, iżid it-taħriġ f'oqsma ġodda tal-professjoni, u anki jgħolli l-livell tat-taħriġ għal min jixtieq, u b'hekk ikun qiegħed jindirizza wkoll il-bżonnijiet tal-pajjiż.

Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7386, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ kejl qed jintuża biex ikunu deċiżi dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li ma sar ebda tibdil fil-kejl li qiegħed jintuża u li kien fil-fatt qed jintuża taħt l-amministrazzjoni preċedenti biex ikunu deċiżi dawn l-applikazzjonijiet.

Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7386, jista’ l-Ministru jgħid x’jikkunsidra l-bord li jkun il-minimum tad-dħul fil-familja, biex student/a jingħata s-supplementary grant?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Bord qed jimxi fuq il-prassi li kienet segwita għal diversi snin, dik li tistipola li jekk student/a jew il-breadwinner jew il-familja għandha dħul globali ta' aktar minn €11,000 ma jkunx intitolat għas-Supplementary Grant. Madankollu, il-Bord f'ċerti cirkostanzi, jikkunsidra fatturi oħra minkejja l-qliegħ globali tal-familja jekk din taqbeż is-somma msemmija.

Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7386, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet mil-livell post sekondarju u kemm minnhom kienu milqugħa jew miċħuda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm ebda applikazzjoni minn mature students fil-livell post sekondarju għall-istipendju u smart card.

In-Nadur – Skola tad-Drama – Għalliema

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5409, li fit-tweġiba tiegħu l-Ministru kkonferma li hemm seba’ klassijiet tad-dixxiplina tal-ballet fl-iskola tad-drama tan-Nadur Għawdex li kienu għadhom ma bdewx u r-raġuni li ta l-Ministru kienet li l-edukaturi li applikaw ma jistgħux joffru aktar ħin għal-lezzjonijiet mitluba u li l-edukatriċi li għandha l-ħin biex toffri dawn il-lezzjonijiet mhix kwalifikata biex tressaq lill-istudenti għall-eżamijiet tar-Royal Academy of Arts, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-edukatriċi minn Għawdex li ntgħażlet wara sejħa għall-edukaturi tal-adulti ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern datata 20 ta’ Settembru 2013, meta ssejħet biex tibda taħdem, ġiet ippostjata Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi wara li l-iskola tad-Drama fin-Nadur reġgħet għaddiet fi ħdan id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, il-korsijiet fil-ballet kollha bdew u kull min kien interessat beda jattendi. Il-klassijiet li għandhom iwasslu għall-eżamijiet tar-Royal Academy of Arts, qed jiġu mgħallma minn għalliema kwalifikati li jistgħu jwassluhom għal dan it-tip ta’ eżami. Jidher li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal persuna li ġiet intervistata biex tgħallem Zumba u Keep Fit. Għaż-żewġ suġġetti l-applikanta kienet mgħarrfa minn qabel li l-korsijiet se jsiru Malta. Minkejja dan, l-applikanta xorta aċċettat li tattendi għall-intervista. Qatt ma ġiet intervistata biex tgħallem il-Ballet, kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta.

Raħal Ġdid — skola tas-subien - pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet għall-iskola tas-subien ta’ Raħal Ġdid fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas More (eks Ġuże D’Amato) fis-snin li ġejjin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-iskola msemmija mill-Onor. Interpellant se tibqa' tintuża għal skop edukattiv.

Kunsill Malti għall-Isport – awditjar ta’ impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex konkluż l-eżerċizzju ta’ awditjar li għalih kienet saret referenza fit-tweġiba parlamentari 2904? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati? Jista’ jgħid kemm ġie jiswa finalment dan l-eżerċizzju jekk kemm-il darba tlesta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-eżerċizzju li qiegħed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant ġie konkluż. L-eżerċizzju ġie jiswa €4,000.00. Peress li dan ir-rapport jagħmel referenza għal impjegati fi gradi differenti tal-entita' kkonċernata, u għaldaqstant il-persuni jistgħu jiġu identifikati, ma nħossx li għandi nagħmel dan it-tagħrif pubbliku. Kopja tar-rapport se tingħata lill-Onor. Interpellant b'mod kunfidenzjali.

Skema ta’ sport bejn il-Gvern u l-Kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-iskema tal-isport li kienet titħaddem bejn il-Gvern u l-kunsilli lokali hiex se tidħol fis-seħħ din is-sena wkoll?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li se tiġi varata skema tal-isport bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali fil-ġimgħat li ġejjin.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — fondi tal-unjoni ewropea

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' ideat u proġetti ġodda li se jitressqu mill-aġenziji, l-awtoritajiet, l-azjendi u l-kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jitwettqu minn fondi Ewropej?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — lista ta' direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7052 u jagħti, sena b’sena, lista kollha ta’ direct orders li ngħataw mill-Ministeru, inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Settembru 1998 sat-8 ta’ Marzu 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7052, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru d- direct ordersli ngħataw mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi fil-perjodu ndikat mill-Onor. Interpellant, kif ġej:- Tabella 'A' - Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada Tabella 'B' - Universita' ta' Malta Tabella 'C' - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Tabella 'D' - Kunsill Malti għall-Isport Tabella 'E' - Malta Libraries Tabella 'F' - Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ Tabella 'G' - National Archives Tabella 'H' - MCAST Fir-rigward tad-direct orders li ngħataw mill-Ministeru/Dipartimenti/Direttorati, din l-informazzjoni għadha qed tinġabar mid-Direttorat għal Servizzi Korporattivi u tingħata f'xi seduta oħra.

Kunsill Malti għall-Isport – operat u vijabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ir-rapport li kien qed isir mill-MEU dwar l-operat u l-vijabilità tal-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport imsemmi ġie konkluż.

Qasam taż-Żgħażagħ — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux konsulenti għad-disposizzjoni tiegħu għall-qasam taż-Żgħażagħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fil-preżent hemm policy officer li huwa gradwat fil-qasam taż-żgħażagħ.

Skola Primarja tal-Mellieħa – faċilità sportiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta t-tfal tal-iskola primarja tal-Mellieħa se jerġgħu jibdew jagħmlu użu mill-faċilità sportiva li hemm biswit l-istess skola peress li l-istudenti ta’ din l-iskola ilhom għal dawn l-aħħar sentejn ma jagħmlux użu minn din il-faċilità li tikkonsisti fi grawnd bil-ħaxix artifiċjali kif ukoll faċilitajiet sanitarji li jistgħu jintużaw mill-istess studenti waqt il-ħinijiet tal-iskola wara ftehim li kien sar bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Mellieħa Sports Club fl-2009?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-iskola tagħmel użu mill-faċilita’ sportiva li hemm biswit l-iskola f’attivitajiet bħal Sports Day. Minħabba li t-triq hija traffikuża, madwar sentejn ilu kien intalab li ssir zebra crossing ukoll mill-Kunsill Lokali u l-permess ma ngħatax għax hemm kantuniera. Ovvjament, is-sigurta’ tat-tfal tiġi l-ewwel u qabel kollox. L-iskola m’għandha ebda problema li jintuża l-grawnd jekk ikun hemm sinjali tat-traffiku adattati. L-alternattiva hi li meta jsiru attivitajiet fil-grawnd bħalma kien hemm dan l-aħħar fi żmien il-Milied, tingħalaq it-triq, xi ħaġa iżda li ma tistax issir ta’ kuljum.

Employment Aid Programme

Question

B’referenza għall-Press release 140116 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid kif qed jintużaw iż-€2 miljun żieda fil-fond tal-Employment Aid Programme? Kemm ibbenefikaw s’issa minn din iż-żieda? F’liema setturi ġew impjegati dawk li bbenefikaw? Għal kemm snin huma marbuta li jinżammu fil-post tax-xogħol dawk li bbenefikaw? Kemm qed jibbenefika kull employer għal kull ħaddiem li jħaddem taħt din l-iskema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fl-2013 ġew allokati €1,962,500 fondi addizzjonali għall-estensjoni tal-Employment Aid Programme biex jintużaw għal Għawdex. F’Ottubru fetħu l-applikazzjonijiet u għalqu fit-12 ta’ Diċembru 2013. It-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-għadd ta' applikazzjonijiet li daħlu (Tabella ‘A’). Mill-applikazzjonijiet li ġew aċċettati s’issa, jidher li ż-€2 miljuni ser jintużaw kollha. Rigward f’liema setturi ġew impjegati dawk li bbenefikaw, it-tagħrif hu skont kif jidher f’Tabella ‘B’ li wkoll qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-persuni għandhom jinżammu għal perjodu massimu tal-grant (52 ġimgħa). Dan il-Program jipprovdi 50% sussidju fuq il-paga bażika mħallsa lil dawn l-individwi, kif ukoll sussidju ta’50% fuq il-kontribuzzjoni minn naħa ta’ min iħaddem għas-Sigurtà Soċjali tal-impjegat. Fuq l-impjieg ta’ persuni b’diżabilita’ s-sussidju huwa ta’ 75% tal-paga bażika.

Employement Aid Programme – ħaddiema Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw ħaddiema f’Għawdex, mill-fond tal-Employment Aid Programme sa Marzu 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-fond tal-Employment Aid Programme, sa Marzu 2013, kienu għadhom qed jibbenefikaw 566 ħaddiem f’Għawdex.

Istituzzjonijiet Edukattivi –sigaretti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux permess li jsir bejgħ, xiri u konsum ta’ sigaretti fuq il-premises tal-Upper Secondary, Higher, MCAST u l-Università ta’ Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li mhux permess li jsir la bejgħ, la xiri u lanqas konsum ta’ sigaretti fuq il-premises tal-iSkola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi – Naxxar u lanqas fil-Post Secondary, Sir Mikelang Refalo – Għawdex. Infurmat ukoll li mhuwiex permess li jsir ebda tipjip, xiri jew konsum ta' sigaretti fil-premises tal-MCAST. Il-bejgħ ta’ sigaretti fuq il-campus tal-Università ta’ Malta hu projbit. Huwa wkoll projbit li jsir tipjip fil-binjiet u f'żoni fil-magħluq tal-Universita'.