Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li s-salarji ta' l-impjegati tal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, Malta, inkluż is-salarju tas-segretarju eżekuttiv, għal Novembru 2004 ħarġu tard għaliex is-sindku ta' dak iż-żmien ma ffirmax il-pagamenti? Jista' jiċħad l-allegazzjoni li waslet għandi li l-pagament ħareġ tard biex issir pressjoni żejda fuq l-impjegati biex jinħarġu pagamenti li ma kienx hemm flus għalihom?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jiċħad rapporti li wasluli li matul it-terminu 2002-2005 il-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ Malta approva numru ta' għotjiet ta' xogħlijiet wara li kienu diġa' ngħataw minflok qabel, skond kif jirrikjedu r-regolamenti? Jista' jikkonferma li l-kwotazzjonijiet kienu jinġabru mis-sindku u jingħataw mill-istess sindku qabel ma kien ikun hemm xi approvazzjoni tal-kunsill lokali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li saru diversi allegazzjonijiet dwar għoti ta' xogħlijiet mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż Żebbuġ (Malta) bejn l-2002 u l-2005.
Dawn l-allegazzjonijiet ġew investigati u nstab li f'dawk il-każijiet li ma kienx hemm approvazzjoni minn qabel għax-xiri tas-servizz/oġġetti dawn eventwalment ġew approvati mill-Kunsill fl-istadju tal-approvazzjoni ta' l-Iskeda tal-Pagamenti.
Għaldaqstant il-ksur tar-regolamenti finanzjarji sar mill-Kunsill Lokali preċedenti b'mod kollettiv. Skond il-parir legali mogħti lid-Dipartiment (Gvern Lokali), ma jistgħu jittieħdu l-ebda passi fil-preżent peress li l-Kunsill Lokali responsabbli spiċċalu t-terminu tiegħu fl-aħħar ta' Marzu 2005 u ma jidhirx li hemm lok għal xi azzjoni legali oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma li s-sindku tal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, Malta ta kuntratt ta' bdil ta' bozoz madwar Ħaż-Żebbuġ b'direct order mingħajr ma kien approvat mill-kunsill? Għal kemm kien jammonta l-kuntratt?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta' talba għall-ħruġ ta' offerti ta' art f'Ħal Qormi li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid meta se jinħarġu dawn l-offerti?
Response (BORG, TONIO)
Fil-każ tat-talba għal ħruġ ta' offerti ta' art f'Ħal Qormi ninsab infurmat illi bħalissa qegħdin jiġu konklużi il-pjanti u s-sejħa għall-offerti ser tiġi ippublikata dalwaqt.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta' talba għal ħruġ ta' offerti ta' art fis-Siġġiewi li d-dettalji tal-każ qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid meta se jinħarġu dawn l-offerti?
Response (BORG, TONIO)
Fil-każ ta' talba għal ħruġ ta' offerti ta' art fis-Siġġiewi ninsab infurmat li bħalissa qegħdin jiġu konklużi l-pjanti u s-sejħa għall-offerti ser tiġi pubblikata dalwaqt.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi rapportati lill-pulizija li jinvolvu b'xi mod ksur ta' liġijiet jew regolamenti dwar iż-żamma ta' annimali, per eżempju, attakki minn annimali, annimali protetti jew mhux endemiċi miżmuma bla permess, moħqrija lejn annimali, eċċ. mill-2003 sal-lum? X'kienu l-ispeċi ta' annimali in kwestjoni? X'kienu r-regolamenti miksura? X'kien l-eżitu tat-taħrikiet jew sentenzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindaga għalfejn il-pulizija ma kenux preżenti għall-purċissjoni ta' Corpus nhar il-Ħamis 26 ta' Mejju f'Santa Tereża, Birkirkara anke wara li kienu avżati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qatt ma ġiet avżata mid-diriġenti tas-Santwarju ta' Santa Tereża f'Birkirkara li kellha ssir il-purċissjoni ta' Corpus nhar il-Ħamis 26 ta' Mejju 2005. Fil-fatt sar magħruf illi oriġinarjament kien hemm il-ħsieb li din il-purċissjoni kellha ssir mis-Santwarju ta' Santa Tereża nhar il-Ħadd 29 ta' Mejju 2005, iżda minħabba li din kienet ser taħbat ma' attivita' oħra tal-Kungress Ewkaristiku, kien ġie deċiż li din titħassar u ssir purċissjoni waħda ma' dik tal-Knisja ta' San Ġużepp. Infurmat ukoll illi l-Pulizija kienet diġa' ġiet avżata nhar id-19 ta' April 2005 mill-Knisja ta' San Ġużepp illi l-purċissjoni ta' Corpus minn dik il-knisja kellha ssir nhar is-Sibt 28 ta' Mejju 2005. Pero' wara ġew avżati l-ġurnata tal-purċissjoni kienet ġiet avvanzata għall-Ħamis 26 ta' Mejju 2005 u li kien sar tibdil fir-rotta. Il-bdil fid-data ġie nnotat, pero' bi żvista, mhux it-tibdil minn fejn kellha titlaq il-purċissjoni, peress li dan l-avviż kien ingħata mill-knisja ta' San Gużepp. Fil-fatt kien hemm kuntistabbli ordnat fejn il-knisja ta' San Ġużepp, illi ġie msejjaħ fuq xogħol ieħor. Dan il-malintiż ġie spjegat lid-diriġenti tal-knejjes involuti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindaga għalfejn il-pulizija mhijiex qiegħda tieħu passi kontra diskoteka f'Tal-Balal li qiegħda ddoqq mużika tgħajjat sas-sigħat bikrin ta' filgħodu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-azzjoni meħtieġa. Fil-fatt infurmat ukoll illi fis-sigħat bikrin ta' sbieħ nhar il-Ħadd 29 ta' Mejju 2005, il-Pulizija tad-Distrett ta' B'Kara kellha rapport li dan l-istabbiliment kien għadu miftuħ u jdoqq mużika b'volum għoli. Il-Pulizija pproċediet fuq il-post u wara li l-ilment kien ikkonfermat, ordnat li l-mużika tieqaf u ser jittieħdu proċeduri kriminali skond il-liġi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu l-miżuri neċessarji ħalli ma jitwaddabx aktar żibel u skart, is-sit fejn Imdina Road, Attard ħdejn Art at Home u li kopja tal-pjanta tas-sit qed tintbagħat separatament, peress li dan il-ħmieġ qiegħed iġib il-ġrieden u joħloq inkonvenjent kbir lir-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Membru biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm qiegħed jamministra fondi mill-Unjoni Ewropea l-Ministeru tiegħu, sija pre-accession u accession funds?
Kemm entitajiet, awtoritajiet, aġenziji jew nies taħt id-dekasteru tiegħu qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi? Għal liema proġetti jew inizjattivi qed jintużaw dawn il-fondi?
Response (BORG, TONIO)
Meta wieħed jeskludi t-Transition Facility Programmes, li qed jiġu amministrati mill-Planning and Priorities Co-ordination Directorate fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern għandu taħt ir-responsabbilita' tiegħu fond wieħed, il-European Refugee Fund.
Is-somma ta' Euro 100,000, għas-sena 2004 kienet allokata lil Malta għal proġetti taħt dan il-fond. B'dawn il-fondi ser jibbenifikaw żewġ organizzazzjonijiet non-governattivi, f'proġetti f'Dar is-Sliem u f'Dar Bon Pastur, fit-twettiq tal-ħidma tagħhom sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet tar-refuġjati residenti fihom.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija ħarġitx il-permess biex isir rave party fil-Paradise bay, iċ-Ċirkewwa, fil-bidu tax-xahar li ġej, minkejja li dan jista' jfixkel il-merill u għasafar protetti oħra li jkunu jbejtu f'dan iż-żmien? Jaqbel il-Viċi Prim Ministru li l-post mhux wieħed ideali u dan għaliex f'dawn il-parties ħafna drabi tittieħed kwantita' ta' droga ecstasy, tant li fil-passat diġa' mietu nies waqt dawn l-attivitajiet u ħafna ttieħdu l-isptar ibatu mill-effetti ta' din id-dorga, meta l-post huwa 'il bogħod mill-isptar u m'hemmx aċċess għal ambulanza f'każ ta' emerġenza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ħarġet il-permess sabiex issir l-attivita' imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, wara li l-applikazzjoni ġiet proċessata u l-applikant ipproduċa l-permessi meħtieġa minn Dipartimenti u entitajiet oħra, fosthom l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Infurmat ukoll illi din l-applikazzjoni baqgħet ma ġietx kontestata skond kif stipulat fir-Regolamenti ta' l-1991 dwar Proċeduri rigward Liċenzji tal-Pulizija. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija naħseb li l-Onorevoli Interpellant, japprezza wkoll illi l-isventuri msemmija, sfortunatament jistgħu iseħħu fi kwalunkw post ta' divertiment. Pero' ninsab infurmat illi fost il-kundizzjonijiet mogħtija f'dan il-permess hemm li jrid ikun hemm preżenti staff mediku u ambulanza, kif ukoll numru ta' pulizija mill-Iskwadra ta' Kontra d-Droga, kif ukoll minn tad-Distrett.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Mejju 2005? Jista' jikklassifika r-reati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija huwa kif jidher fit-Tabella hawn taħt. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqisja, ninsab infurmat illi matul Mejju 2005 kien hemm 85 persuna misjuba ħatja ta’ reati kriminali.
Reati rrapurtati lill-Pulizija matul Mejju 2005
Arson10
Attempted offences107
Bodily harm96
Computer misuse1
Damage345
Drugs7
Forgery3
Fraud16
Illegal Immigration20
Prostitution4
Sexual offences6
Theft842
Threats and private violence7
Violation of places of confinement*1
Violence against public officers11
* Irregular immigrant escaped on 17.05.05 whilst for treatment at Mt Carmel hospital. Apprehended on 31.05.05.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Mejju 2005? Jista' jikklassifika s-serq u kemm ġew solvuti serqiet matul Mejju 2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Mejju 2005 il-każi ta’ serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 95 każ ta’ serq.
Hold up2
Pick Pocketing59
Snatch & grab11
Serq minn dgħajjes6
Serq ta’ dgħajjes2
Serq ta’ karozzi60
Serq minn karozzi240
Serq minn residenzi69
Serq minn barijiet/lukandi32
Serq minn xtajtiet18
Serq minn fabbriki3
Serq minn ħwienet41
Serq ieħor299
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu l-qorti fuq akkużi ta' traffikar ta' droga uffiċjali tal-pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minn dawn għadhom iservu fil-korp tal-pulizija, jew ġew sospiżi, jew ġew imkeċċija, jew irriżenjaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm tlett membri tal-Korp, li kienu nvestigati fuq traffikar ta' droga. Tnejn irreżinjaw mill-Korp qabel ma ġew imressqa l-Qorti, filwaqt li ieħor ukoll tressaq il-Qorti u huwa sospiż, peress li l-każ tiegħu għad mhux deċiż.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li b'effett immedjat l-overtime fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin twaqqaf kompletament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-overtime ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ma twaqqafx kif ġie allegat. Dak li ġara huwa li tmienja u tletin (38) kadett wara li spiċċaw mit-taħriġ, issa saru tal-post. Għaldaqstant huwa ovvju li l-bżonn ta' l-overtime issa naqas.
Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Ċivili — Seduti tal-Kamra
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika f'liema seduti tal-Kamra ġew depożitati sentenzi komunikati mir-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Ċivili lill-Onor. Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti kif provdut bl-Artikolu 242 tal-Kap 12?
S'issa ttieħdu passi biex deċiżjonijiet hekk komunikati jiġu applikati għal-liġijiet li dwarhom tkun saret riferenza? Dwar liema liġijiet saru l-emendi f'dan ir-rigward, jekk saru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi dan it-tagħrif jirrekjedi li tiġi eżaminata kull sentenza biex jiġi determinat f'kull każ x'ġie deċiż, u dan l-eżerċizzju jieħu fit-tul. Għalhekk it-tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Pulizija — Protezzjoni ta' l-għasafar/fenek selvaġġ
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11062, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema reati ġew akkużati dawk li nsabu ħatja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-akkużi li dwarhom instabu ħatja il-192 persuna imsemmija fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11062, jinkludu:
i. Mingħajr liċenzja
ii. Ġarr ta' arma kkargata jew barra l-għata f'post fejn mhux permess kaċċa
iii. Ċomb ta' daqsa aktar minn 3.2mm f'dijametru
iv. Aktar minn 3 skrataċċ
v. Staġun magħluq - ġarr ta' munizzjon - arma mhux fl-għata
vi. Kaċċa/insib ta' għasafar mhux imsemmija fl-Iskedi
vii. Kaċċa f'distanza projbita (abitat/toroq)
viii. Pussess ta' għasafar protetti mhux imsemmija fl-Iskedi
ix. Użu ta' metodi illegali
x. Kaċċa/insib f'ħinijiet projbiti
xi. Użu ta' gaġġeġ b'qies anqas minn dak permess
xii. Kaċċa/insib f'santwarji ta' l-għasafar
xiii. Kaċċa jew ġarr ta' arma ikkargata jew barra mill-għata fuq il-baħar f'distanza ta' anqas minn 3km
xiv. Kaċċa fuq il-baħar fuq opra mhux reġistrata
xv. Kaċċa fuq il-baħar - pussess ta' għasafar mhux fl-Iskeda III
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel erba' xhur tas-sena kemm saru żweġijiet f’Malta u Għawdex? Kemm minnhom kienu żweġijiet ċivili biss?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' April ta' din is-sena f'Malta saru 417-il żwieġ li minnhom 125 kienu żwieġ ċivili.
Fl-istess perijodu f'Għawdex saru 19-il żwieġ li minnhom 4 kienu żwieġ ċivili.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mit-total taż-żweġijiet li saru fl-ewwel erba' xhur ta’din is-sena kienu bejn Maltin u barranin? Kemm saru żweġijiet ċivili biss fejn il-koppja kienu t-tnejn Maltin? U kemm fejn wieħed/waħda mill-koppja kien/et barrani/ja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mit-total ta' 417 żwiġijiet f'Malta li saru bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' April ta' din is-sena:
74 kienu żwiġijiet bejn Maltin ma' barranin;
19 kienu żwiġijiet ċivili fejn il-koppja kienu t-tnejn Maltin;
60 kienu żwiġijiet ċivili fejn wieħed/waħda mill-koppja kien/et barranija.
Infurmat ukoll illi mit-total ta' 19-il żwieġ li saru f'Għawdex fl-istess perijodu, kien hemm 2 żwiġijiet ċivili bejn Maltin ma' barranin u 2 żwiġijiet ċivili fejn il-koppja kienu t-tnejn Maltin.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ġew riappuntati u min huma?
Jista' jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx riappuntati u min huma?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tiċċara għal liema kategorija ta' diretturi qed tirreferi, jiġifieri jekk hux għal Diretturi fis-Servizz Pubbliku jew għal diretturi ta' bordijiet ta' entitajiet pubbliċi. L-Onorevoli Interpellant għandha tiċċara ukoll għal liema perjodu qed tirreferi.