Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkunu dawk il-priġunieri li se joħorġu mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin wara li jkunu skuntaw il-piena tagħhom matul din is-sena (sena 2000)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta` priġunieri li mistennija li joħorġu mill-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin wara li jkunu skontaw is-sentenza matul is-sena 2000 hu ta` 37.
Billi ġewwa Triq Ġużeppi Cali', Ta' Xbiex, fin-naħa ta' ħdejn il-ġnien tal-Gżira, qed jinbena post illi issa nħariġlu stop notice mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol illi għandu jsir fuq l-appoġġ li saritlu ħsara kbira waqt it-twaqqigħ jistax ikompli? Jista' jara illi l-pulizija tiżgura li jittella' xi forma ta' ħajt/fence, jew xi ħaġa li tiżgura li l-post jiġi magħluq peress li kif inhuma l-affarijiet illum hemm aċċess faċli għad-djar ta' madwar fejn joqogħdu persuni anzjani? Tajjeb infakkar li din l-area ta' spiss ikun hemm persuni jitlajjaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni u anke ta' abbuż mid-droga.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma ħarġet l-ebda Stop Notice fuq xi post li qed jinbena fuq dik in-naħa ta` Triq Gużeppi Cali`, Ta` Xbiex, li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant. Għaldaqstant l-Awtorita` ma qed timpedixxi lil ħadd milli jieħu dawk il-prekawzjonijiet neċessarji sabiex tissewwa xi ħsara li saret fil-ħajt ta` l-appoġġ. Fil-frattemp l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ser tara illi l-uniku bini li qed jittella` preżentament fuq dik il-parti tat-triq imsemmija, liema bini huwa kopert bil-permessi meħtieġa, jiddawwar b`ħajt (hoarding) temporanju skond kif imponut fil-kundizzjonijiet tal-permess.
Għal dak li jirrigwardja l-Pulizija, ninsab infurmat li s-sid tal-proprjeta` in kwestjoni ġie ordnat biex jagħlaq l-aċċess għas-sit imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi rapportati ta' serq mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Kemm minnhom irriżultaw li kienu drug related?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 4266, Nru. 12907 u Nru. 14571 li jkopru l-perijodu mill-5 ta` Settembru, 1998, sad-29 ta` Frar, 2000.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru, permezz tal-Kuammissarjua tal-Pulizija jinformani kemm mit-28 membru tal-pulizija ta' l-SMU involuti fl-inċidenti tar-Rabat ta' l-1987 għadhom kif korp tal-pulizja?
Jista' jgħid fejn qegħdin stazzjonati (mingħajr ma jsemmi isimhom)?
Kemm minnhom għandhom aċċess għall-armi uffiċjali tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li hemm 17-il membru tal-Korp tal-Pulizija li għadhom iservu fil-Korp tal-Pulizija, minn dawk li f`April ta` l-1987 kienu stazzjonati l-S.M.U. Fil-preżent dawn qegħdin stazzjonati hekk : Disretti - 6; S.A.G. - 3; Traffic - 3; Ħabs - 1; Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili - 1; Ajruport - 1; Akkademja - 1; Sospiż - 1. L-aċċess għall-armi fil-Korp tal-Pulizija dejjem jiddependi skond kif iċ-ċirkostanzi jkunu jirrikjedu.
Jista' l-Ministru jgħid minn mindu sar id-delit ta' Raymond Caruana fil-każin Nazzjonalista tal-Gudja fil-a5 ta' Diċembru, 1996, min investiga dan id-delitt? Kemm u meta ġew arrestrati nies jew interogati? Il-pulizija qatt irċeviet informazzjoni ġdida fuq dan il-każ? Jekk iva, meta u x'għamlet? Jista' l-poplu Malti jserraħ rasu li dan il-każ ikraħ qed jittieħed bis-serjeta' li jixraqlu min-naħa tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf kulħadd u kif għidt fit-Tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 3970 u Nru. 14307, hemm proċeduri kriminali pendenti quddiem il-Qorti dwar dan il-każ, u għalhekk ma nħossx li huwa opportun li t-tagħrif mitlub jingħata f`dan l-istadju.
Wara l-qtil ta' Raymond Caruana fil-Gudja, kemm-il gun shot residue test sar mill-pulizija? Liema uffiċjal (isem, kunjom u grad) għamlu? F'liema ġurnata u ħin sar kull gun shot residue test? Fejn kienu joqogħdu (mingħajr ma jsemmi isimijiet) in-nies li fuqhom sar il-gun shot residue test?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15023 f`din l-istess Seduta.
Traffic Control Board — Razzett ta' Ħbiberija - Parkeġġ
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14674, li għamilt lill-Ministru għat-trasport u komunikazzjoni, jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi mill-pulizija rigward l-aħħar parti tat-tweġiba tal-Ministru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex tassigura li l-ipparkjar fil-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant isir skond ir-regolamenti tat-traffiku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ġebel tal-kantun stivat fi Vjal Indipendenza, Żurrieq u t-tower crane fuq triq oħra parallel ma' l-istess triq, it-tnejn ingombru għat-traffiku, humiex skond il-liġi?
Kemm inġabru, tul dawn l-aħħar tliet xhur (kemm ilhom jimgombraw) mill-Kummissarju tal-Pulizija flus in konnessjoni mal-ħlas ta' l-istess permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret mill-Pulizija fil-15 ta` Marzu, 2000, fit-toroq li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant, irriżulta li la hemm ġebel u lanqas krejnijiet li huma ta` ingombru għat-traffiku.
Ninsab infurmat ukoll li dwar il-ġebel li rriżulta li kien tqiegħed fit-triq fid-data msemmija, tħallas l-ammont ta` Lm5 bħala permess, filwaqt li l-krejn li saret referenza għalih qiegħed fuq art privata.
B'riferenza għall-kuntratt li l-gvern iffirma ma' Eureka Services Ltd, jista' l-Ministru jinforma jekk huwiex minnu li jekk xi dipartiment tal-gvern ikollu bżonn xi informazjoni irid iħallas lill-kumpannija privata?
Il-kumpannija privata qegħda tħallas xi forma ta' kera, dawl, ilma, telephone, eċċ ta' l-uffiċċju li qegħda topera minnu?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nikkonferma li l-Gvern bħal kwalunkwe persuna jew entita` oħra li tagħmel użu mis-servizzi tal-kumpanija qed iħallasha għal dan is-servizz. Ta` min iżid li waqt li qabel il-Gvern ma kien idaħħal xejn ta` dan is-servizz li ilu jitħaddem mill-1996, issa, wara l-ftehim mal-kumpanija, qed ikun hemm dħul sostanzjali għal Gvern flimkien ma` aktar kontroll u trasparenza.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, nikkonferma li l-kumpanija mhux qed tħallas kera, dawl, ilma, etc, iżda dan huwa ikkumpensat bil-vantaġġi finanzjarji li kiseb l-istess Gvern, apparti ta` l-'added value' kollu, fosthom l-obbligu tal-kumpanija li tiffinanzja, fost affarijiet oħra, freephone/fax li tqiegħed għad-dispożizzjoni u kumdita` tal-klijenti tar-Reġistru Pubbliku. Naturalment, wieħed ma jridx jinsa li ġaladarba l-Gvern obbliga lill-Kumpanija li tikkomputerizza d-data kollha konnessa ma` dan il-proġett bla ebda ħlas addizjonali, bilfors li l-kumpanija trid tħaddem parti mill-proġett mill-uffiċċju fejn jinstabu d-dokumenti manwali.
B'riferenza għall-kuntratt li l-gvern iffirma ma' Eureka Services Ltd, jista' l-Ministru jinforma: (a) x'kienet ir-raġuni għaliex skond l-istess ftehim, il-gvern ħafer is-somma ta' Lm16,000 dovuta lilu mill-istess kumpannija; u (b) x'kienu l-ispejjeż in konnessjoni mal-ftehim (skrittura privata)? Min irċieva dan il-ħlas?
Response (BORG, TONIO)
L-Onor. Interpellant huwa mħeġġeġ jaqra l-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-Eureka Services Ltd., fejn jirriżulta ċar li s-somma ta` Lm16,000, li għaliha qed jirreferi, kienet parti mill-pakkett li permezz tiegħu l-Gvern xtara u sar sid assolut ta` żewġ databases bla ma sar ebda nfieq kapitali u rabat lill-kumpanija li tibqa` żżomm dawn id-databases aġġornata bla ebda rikompens monetarju, kif jirriżulta ċar kieku wieħed kellu jaqra u jifli l-istess ftehim.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, kif diġa` spjegajt fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10750, għalkemm ma kien hemm ebda obbligu f`dan is-sens, iżda għal fini ta` trasparenza, il-Gvern għażel li l-istess ftehim isir quddiem in-Nutar Prinċipali tal-Gvern u għaldaqstant, id-drittijiet professjonali dovuti mal-pubblikazzjoni inġabru mill-istess uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-1,500 għasfur ta' l-għana illi nqabdu mill-pulizija f'Pembroke dan l-aħħar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li dwar il-każ li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant, kien ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa u l-għasafar għalhekk qegħdin taħt il-kustodja tal-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew akkużati nies b'moħqrija fuq annimali s-sena l-oħra? X'tip ta' moħqrija kienet f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999, il-Pulizija ressqet 7 persuni quddiem il-Qorti fuq akkużi ta` moħqrija fuq annimali.
Ninsab infurmat ukoll li 4 minn dawn il-persuni kienu akkużati talli sparaw fuq kelb jew qattus, 1 talli sawwat kelb, 1 talli tefa` ilma fuq qattus u 1 talli tefa` kelb minn fuq l-irdum.
Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mill-1994 sal-1999 (inkluża) kemm kien hemm inċidenti li fihom kien involut il-logħob tan-nar?
Kemm indarbu nies serjament u b'mod fatali kull sena f'dawn l-inċidenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar inċidenti li jinvolvu logħob tan-nar hu kif ġej :
Sena Inċidenti Feruti Mietu
---- --------- ------ -----
1994 5 7 1
1995 6 5 1
1996 4 10 xejn
1997 3 4 4
1998 xejn xejn xejn
1999 4 4 xejn
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il liċenzja ta' negozju ġiet irtirata sena b'sena mill-1995 sal-1999 minn min kien imexxi negozju?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar in-numru ta` liċenzji ta` negozju li ġew irtirati minn min kien imexxi negozju hu kif ġej :
SENA 1995 1996 1997 1998 1999
NUMRU 426 249 214 188 263
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14601, li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilek u cioe': jgħid meta se titħallas il-familja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, wara li tmien snin ilu kellha toħroġ mill-post privat tagħha, liema post il-gvern waqqgħu biex illum insibu flats oħra tal-gvern - Santa Liena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fond li qed tagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellanti kien ġie mixtri fl-14 ta` Novembru 1980, mill-familja li d-dettalji tagħha ngħataw separatament. Dan il-fond inxtara b`irkant minn terzi fit-8 ta` Novembru 1991. Għalhekk il-familja li saret referenza għaliha fil-Mistoqsija ma għandha ebda titolu għal kumpens mid-Dipartiment ta` l-Artijiet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14364, jista' l-Ministru jara jekk it-talba li saret lid-dipartiment ta' l-artijiet, riferenza L451/94, tistax tkun milqugħha u approvata sabiex ix-xogħol ikun jista' jsir?
Response (BORG, TONIO)
Dwar it-talba li saret lid-Dipartiment ta` l-Artijiet bir-referenza L451/94, ninsab infurmat li fit-3 ta` Settembru, 1997, l-applikant kien ġie infurmat mill-imsemmi Dipartiment li sabiex it-talba tiegħu tiġi kkunsidrata, l-applikant kellu l-ewwel jikseb l-approvazzjoni ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment ta` l-Artijiet għadu ma rċeviex tweġiba f`dan ir-rigward mingħand l-applikant u għalhekk it-talba ma tistax tiġi kkunsidrata, u wisq anqas approvata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bini li sar u li għadu jittella' fuq il-bajja ta' Fomm ir-Riħ (site plan qed tintbagħat separatament) huwiex kollu kopert bil-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fiż-żona li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet permess, PA 5784/98, li jkopri żidiet u l-alterazzjonijiet f`Casa Delfino li tinsab fiż-żona imsemmija.
Ninsab infurmat ukoll li nħarġu wkoll żewġ Enforcement Notices, ECF 745/96 rigward xogħlijiet mingħajr permess fuq il-pillbox, u ECF 1195/98 rigward ħajt illegali li nbena quddiem wiċċ l-irdum.
Fuq l-ewwel avviż, ECF 745/96, kien ġie sottomess appell. Eventwalment, il-Bord ta` l-Appell kien astjena milli jieħu deċiżjoni wara li kien inħareġ il-permess neċessarju. B`hekk ġie konkluż dan l-avviż.
Dwar it-tieni każ, ECF 1195/96, kien ġie sottomess ukoll apell. Il-Bord ta` l-Appell ikkonferma l-avviż ta` nfurzar u l-iżvilupp illegali jrid jitneħħa jew mill-iżviluppatur innifsu, jew mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14700, jista' l-Ministru jikkonferma li l-uffiċjali korrettivi li kienu nkarigati jaħdmu "id-detail" taħt l-amministrazzjoni preċedenti, u li isimhom qiegħed jintbagħat separatament, ma kenux jaħdmu fl-uffiċċju tad-direttur bħalma hu qiegħed jagħmel is-surġent, li ismu wkoll qiegħed jintbagħat separatament, u li llum huwa nkarigat mid-"detail"?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ż-żewġ uffiċjali korrettivi li kienu nkarigati jaħdmu d-detail ta` l-uffiċjali fil-Faċilita` Korrettiva taħt l-amministrazzjoni preċedenti ma kienux jaħdmu fl-uffiċċju tad-direttur iżda kellhom uffiċċju għalihom.
Ninsab infurmat ukoll li s-surġent li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ma jagħmilx biss ix-xogħol tad-detail kif kienu jagħmlu ż-żewġ uffiċjali msemmija, iżda jagħmel dak ix-xogħol kollu li jikkonċerna l-uffiċċju ta` l-amministrazzjoni tal-ħabs, li beda jinkludi wkoll iż-żamma tar-rekords uffiċjali ta` l-impjegati kollha fil-Faċilita` li qabel kien isir minn żewġ uffiċjali nisa.
Malta Tourism Authority — Liċenzji ġodda għal kiosks
Question
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14722?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proċess ta` reviżjoni tar-regolamenti li jirregolaw liċenzji ta` negozju mistenni jkun lest sa l-aħħar ta` din is-sena.
L-ewwel u t-tielet partijiet tal-Mistoqsija ma jikkonċernawx Awtorita` li taqa` taħt ir-responsabbilita` tal-Ministeru tiegħi.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14673?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li żmien wara li d-Dipartiment ta` l-Avjazzjoni Ċivili ntalab mid-Dipartiment ta` l-Artijiet biex jissuplixxi survey ta` l-area okkupata mill-V.O.R. station ta` Kerċem, id-Dipartiment ta` l-Avjazzjoni Ċivili informa lid-Dipartiment ta` l-Artijiet li l-istaff tekniku li kellu miegħu kien sar jifforma parti mill-M.I.A. u għalhekk it-talba kellha ssir lill-M.I.A.
Ninsab infurmat li minkejja li saret it-talba lill-M.I.A., sal-lum id-Dipartiment ta` l-Artijiet għadu ma rċieva ebda risposta.