Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Skola tal-mużika

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11999 u r-risposta relattiva senjatament għall-iskeda, jista' il-Ministru jispjega l-ewwa skeda ta' għalliema full-time fejn hemm għalliem li m'għandux klassijiet u m'għandux studenti? Jista' jgħid dan l-"għalliem" kemm jitħallas fix-xahar u kemm ilu jgħallem hemm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema li tidher fl-ewwel skeda ta' għalliema full-time fir-risposta li għaliha qed tirreferi l-Onor. Membru u li m'għandhiex klassijiet u studenti, qegħda taqdi d-doveri ta' kap ta' skola tal-mużika. Din l-għalliema qegħda fuq skala 7.6.

ICT centre

Question

Jikkonferma l-Ministru li hemm koppja miżżewġa fl-ICT centre li mhux talli jaħdmu flimkien, talli qegħdin ukoll fuq l-istess mejda? Jikkonferma li l-mara żammet kunjomha ta' xebba? Veru li fil-preżent hi qiegħda fuq parental leave għal sena u peress li qiegħda fuq parental leave u suppost li ma tistax taħdem, imma ir-raġel qed jaħdem courses fil-għaxija għal martu u din ta' l-aħħar kemm tiffirma għalihom? Jista' jgħid dawn kif qegħdin jaħdmu flimkien meta mhux suppost li membri ta' l-istess familja jagħmlu dan? Jista' jgħid ukoll kif ir-raġel qed jaħdem courses għal martu u hi tiffirmahom? Jista' jgħid jekk hux minnu jew le li r-raġel qed jagħti lectures l-Universita' lill-istudenti tal-B.Educ.?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn stħarriġ fid-Dipartiment konċernat ma jirriżultax korrett it-tagħrif fil-Mistoqsija.

Għalliema tal-PSD

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10400, jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jiġu mpjegati s-seba' persuni l-oħra li kienu għadhom qed jistennew sabiex jgħallmu l-PSD?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li lejn it-tmiem is-sena skolastika kurrenti, id-Dipartiment ta' l-Operat jibda l-eżerċizzju dwar għalliema ġodda ħalli jimlew il-postijiet vakanti. L-għalliema li għadhom ma ġewx impjegati din is-sena jiġu konsidrati s-sena skolastika li ġejja skond il-ħtieġa.

Imsida — Ex-skola Santa Marija

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex għadhom ma bdewx ix-xogħlijiet meħtieġa sabiex l-ex skola Santa Marija fl-Imsida tiġi mibdula f'ċentru edukattiv ta' riżorsi għal studenti u tfal bi bżonnijiet speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm diversi proġetti li l-FTS qegħda taħdem fuqhom, li ovvjament ma jistgħux isiru kollha f'daqqa.

Skola San Alwiġi — Eżami tat-Taljan fil-livell Avvanzat

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex waqt l-eżami tat-Taljan fil-livell Avvanzat l-istudenti ngħataw 20 minuta biss f'paper 1 tal-Listening Comprehension u li sar fl-iskola San Alwigi? Jista' jgħid jekk din hijiex proċedura stabilita jew għaliex kien hemm dewmien fil-qari tal-comprehension?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħin mogħti għal-Listening Comprehension f'Paper 1 tat-Taljan fil-livell Avvanzat kien ta' 30 minuta kif indikat fuq il-karta ta' l-eżami ta' l-istudenti u ta' l-eżaminaturi. Ninsab informat li dan il-ħin inżamm fl-iskola ta' San Alwiġi fejn sar l-eżami. Informat ukoll li il-proċedura ta' dan l-eżami hija stabbilita' fis-sillabu tal-2005-2007 li kien ippublikat fl-2003. L-eżaminaturi kellhom qari ta' madwar 600 kelma li kellu jinqara darbtejn u l-kandidati kellhom jagħmlu taqsira tiegħu f'bejn 200 u 250 kelma. Waqt il-qari l-istudenti setgħu jieħdu n-noti.

Skejjel tal-knisja — Ħlasijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena kemm saru ħlasijiet lill-iskejjel tal-knisja taħt il-ftehim bejn l-Istat u l-knisja, xahar b'xahar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'Jannar ta' din is-sena saru żewġ pagamenti kull wieħed ta' Lm861,872. Fi Frar sar pagament ta' Lm192,923. Informat ukoll li f'Marzu saru żewġ pagamenti kull wieħed ta' Lm958,333 għax-xhur ta' Marzu u April, 2005. S'issa bit-total ta' Lm3,833,333.

Skejjel tas-sajf — VAT

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskejjel tas-sajf hux ser ikunu eżentati mill-VAT jew le?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull skola, inklużi dawk tas-sajf, li taqa' taħt l-Att ta' l-Edukazzjoni u li l-attivita' edukattiva tagħha titmexxa skond il-Kurrikulum Minimu Nazzjonali hija eżenti mill-VAT. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istqarrija relattiva għas-suġġett.

Pembroke — Skola primarja

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 11311, jista' il-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm, speċjalment fejn tidħol id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, u jekk sarx xi kuntratt jew le, u dan anke minħabba l-fatt li jidher li l-istess biċċa art ġiet projbita lill-istess skola milli tagħmel użu minnha?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba għall-Mistoqsija imsemmija.

Kottonera — Skejjel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi xogħlijiet ta' manutenzjoni ta' ċertu daqs ippjanati għall-iskejjel tal-Kottonera? X'inhuma dawn ix-xogħlijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat illi hemm diġa saru diversi xogħolijiet ta' ċertu daqs fl-iskejjel tal-Kottonera, madankollu jibqgħu isiru xogħolijiet varji oħra ta' manutenzjoni, skond il-bżonn, kif isiru fi skejjel oħra fi bliet oħrajn. Ta' min isemmi illi nbdew il-proċessi biex jiġu nstallati lifts fl-iskejjel ta' l-Isla u ta' Bormla, u huwa wkoll ppjanat illi jiġu nstallati l-aperturi ta' aluminju fil-kuriduri ta' madwar il-bitħa ta' l-iskola tal-Birgu, sabiex dawn ikunu magħluqin għall-elementi.

Regoli tas-Saħħa fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10743 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe' jgħid kemm hu n-numru ta' kumpanniji li d-dipartiment tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol qed iressaq il-qorti minħabba li għadhom ma rregolawx ruħhom mar-regoli tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol? Jista' jagħti din l-informazzjoni għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u l-2005? Jista' jgħid kemm huma l-każi pendenti u kemm huma dawk deċiżi? Jista' jgħid kemm tressqu l-qorti u mhumiex deċiżi u kemm huma li se jitressqu fil-ġejjieni?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Att dwar l-Awtorita’ għas-Saħħa u Sigurta fuq il-post tax-xogħol inġieb fis-seħħ fl-intier tiegħu f’Jannar, 2002, għaldaqstant il-figuri li ser jingħataw huma mis-sena msemmija sa llum. KAWŻI Mibdija Decizi Pendenti 2002 10 1 9 2003 14 2 21 2004 22 5 38 2005 20 22 36 L-Awtorita sa llum identifikat 15 il-każ ġdid ieħor, li jibdew proċeduri quddiem il-Qorti, iżda din il-figura hija wkoll mistennija li tiżdied sa l-aħħar tas-sena kurrenti.

MCAST — Studenti - Sponsors

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux konxju mid-diversi problemi li l-istudenti ta’ l-MCAST qed iħabbtu wiċċhom magħhom minħabba li bosta minnhom ma sabux sponsor? Jista’ jgħid x’passi qed jittieħdu, kemm mill-MCAST kif ukoll mill-ETC, biex din il-problema tiġi solvuta? Jista’ jgħid ukoll x’jiġri jekk student jibqa’ ma jsibx sponsor? Veru li dan ikollu jispiċċa mill-kors li jkun qed jieħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Fil-preżent in-numru ta’persuni li ma’għandhomx sponsor jammonta għal madwar 23 fl-iskema tal-ESTS u 26 fl-iskema tat-TAS. Minn naħa tagħhom il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u l-MCAST qed jagħmlu ħilithom biex isibu post lil dawn l-istudenti billi jikkuntattjaw employers bil-ħsieb li dawn jieħdu l-apprendisti għal tul il-perjodu ta’l-apprendistat. Il-placement ta’ l-apprendisti ma’ l-employers jiddependi minn ħafna fatturi fosthom, il-programm ta’ taħriġ, id-domanda fis-suq għall-istess tip ta’ mpjieg u mill-istess student, il-livell edukattiv u kif jippreżenta ruħu waqt l-interview. F'każ li student ma jsibx sponsor jibqa' jattendi l-kors relattiv fl-MCAST.

Għoti tal-warrant lill-għalliema

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fejn saru ċ-ċerimonji ta’ l-għoti tal- warrant lill-għalliema f’dawn l-aħħar ħames snin, inkluż din is-sena? Kemm intnefqu flus f’kull okkażjoni separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-vot ta' flus allokat milll-finanzi tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni huwa ta' Lm2,000. Dan l-ammont qatt ma ntefaq. F'dawn l-aħħar ħames snin iċ-ċerimonja u l-ispejjeż kienu kif jidher hawn taħt : Sena Post Spiża 2000 Mediterranean Conference Centre Lm546.28 2001 Corinthia Palace Balzan Lm769.19 2003 Intercontinental Lm1054.31 2004 Mediterranean Conference Centre Lm1094.61 2005 Malta Hilton Lm1036.97

ETC — CEO

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-karozza Alfa 156 li kellu l-ex CEO ta' l-ETC ġietx offruta għall-bejgħ lill-istess uffiċjal bil-prezz ta' madwar Lm3,000 u jekk dan il-bejgħ sarx bl-approvazzjoni tiegħu jew le? Fuq liema kriterji mxiet l-ETC biex tkun tista' tieħu dan il-pass?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Membru biex jirreferi għat-Tweġiba tal-Mistoqsija numru 10948.

EU — Football f'Malta

Question

Fid-dawl tar-risposta ċara ta' mistoqsija parlamentari hekk kif mogħtija mill-kummissarju ta' l-EU dwar l-illegalita' ta' l-istat tal-football f'Malta, jista' il-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel biex dan l-istat jiġi regolarizzat? Jaf il-gvern li l-EU tista' timmulta lill-gvern għal dawn in-nuqqasijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Stante li l-Onor. Membru qed iqanqal punti ta' natura legali, tlabt li ssir ir-riċerka legali meħtieġa biex inkun nista' ningħata l-pariri legali relattivi dwar il-kwestjoni.

Skejjel ta' l-Ingliż — Monitoring board

Question

Jista’ il-Ministru jgħid minn min hu fformat il-monitoring board li jissorvelja l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż f’Malta? X’obbligi hemm mill-awtoritajiet ta’ l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin biex jinformaw lid-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni u/jew lill-monitoring board meta studenti li jkunu bbukkjaw fl-iskejjel tagħhom ma jkunux qed jattendu regolarment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta l-Bord ta' Sorveljanza tat-Tagħlim tal-Ingliż bħala Lingwa Barranija ikun maħtur dan jikkonsisti minn sitt persuni li huma Chairperson u Membru ieħor maħtura mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjieg ; Membru li jinħatar mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura ; Membru maħtur mir-Rettur ta' l-Universita' ta' Malta ; Membru maħtur mill-Assoċjazzjoni li fil-fehma tal-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjieg tirrapreżenta dakk l-għadd ta' skejjel li jgħallmu l-Ingliż bħal Lingwa Barranija u li matul is-sena li tkun ġiet minnufih qabel ikunu taw servizz lill-akbar għadd ta' studenti ; u Membru li jkun elett minn fost kapijiet ta' skejjel li jkollhom liċenzja sabiex jgħallmu l-Ingliż bħala Lingwa Barranija. Ma hemm l-ebda obbligu mill-awtoritajiet ta' l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin sabiex dawn jinformaw lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u/jew lil dan il-Monitoring Board meta studenti li jkunu bbukkjaw fl-iskejjel tagħhom ma jkunux qegħdin jattendu regolarment. Il-kompożizzjoni attwali tal-Bord hi:- Chairman: Is-Sur Joseph Muscat, B.A.(Hons) Membri: Is-Sur Alfred Cachia, B.A.(Gen), P.G.C.E. Dott. Raymond Fabri, B.A. P.G.C.E. Ph.D. Is-Sur Marcel Scicluna, Dip.Ed.Adm & Mgt. Is-Sur Francis Stivala, B.Sc., M.Sc., B.A.(Hons) Ms Nadia Aquilina, B.A.(Gen)

Persuni li jitgħallmu l-Ingliż hawn Malta

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kif l-awtoritajiet edukattivi f’Malta jgħinu lill-pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom biex jiġi żgurat li ċittadini ta’ pajjiżi oħra li jiġu hawn biex jitgħallmu l-Ingliż fil-fatt jiġu hawn għal dan l-iskop? F’din l-aħħar sena kien hemm xi talbiet speċifiċi mill-pulizija għall-għajnuna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel privati liċenzjati sabiex jgħallmu l-Ingliż bħala Lingwa Barranija jiżguraw flimkien mal-puluzija li ċittadini ta' pajjiżi oħra li jiġu hawn sabiex jitgħallmu l-Ingliż fil-fatt jiġu hawn għal dan l-iskop. Għaldaqstant, kull talba għall-għajnuna issir direttament lil dawn l-iskejjel li jirraportaw mill-ewwel lill-puluzija jekk xi studenti barranin li jkunu bdew it-tagħlim ta' l-Ingliż bħala Lingwa Barranija ma jkomplux jattendu iżjed għall-lezzjonijiet.

Edukazzjoni — Facilitator

Question

Jista' il-Minsitru jara li jiġi investigat il-każ ta' tifel ta' tmien snin - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - ħalli jiġi deċiż jekk għandux bżonn ta' facilitator fl-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tabib ta' l-iskola informa lill-omm biex tibda l-proċess permezz tal-C.D.A.U.