Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ir-Rabat – Bieb ir-Ruwa — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li qed jingħataw is-servizzi lid-djar f’Bieb ir-Ruwa, limiti tar-Rabat? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk hux minnu li f’ċerti proprjetajiet privati qed jintuża kejl differenti u ċjoè hemm minn qed juża l-prassi li l-kuntrattur imqabbad mill-Gvern iħaffer biss 20 pied fil-proprjetà u l-inkwilin irid iħallas il-bqija, filwaqt li f’ċerti proprjetajiet qed isir tħaffir fil-proprjetà kollha?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Id-9 u l-10 Distrett –toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’toroq se jsiru, jekk se jsiru, fil-lokalitajiet tad-9 u l-10 distrett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tfassal programm ta’ xogħlijiet fuq toroq skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

San Pawl il-Baħar – Triq Jean de la Cassiere — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15553 u domandi oħra preċedenti dwar Triq Jean de la Cassiere f’San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għaliha x-xogħol għadu ma tlestiex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art tat-triq in kwistjoni hija waħda taflija u għalhekk x-xogħlijiet kellhom jieqfu temporarjament sakemm nixfet sew l-art wara l-aħħar maltemp. Il-kuntrattur se jkompli bix-xogħlijiet immedjatament u huwa mistenni jispiċċa sal-aħħar tax-xahar.

Public Private Partnership – Manutenzjoni ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li mhu se jidħol ebda ħlas jew forma ta’ taxxa, kemm diretta u indiretta, jekk il-Gvern jagħżel li l-maintenance u l-upkeep tat-toroq isir permezz ta’ public private partnership?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Kappara Junction

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-Kappara Junction?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-junction tal-Kappara mistenni li jibda wara li l-proġett ta’ Triq il-Kosta jkun komplut, hekk biex ikun hemm ippjanar tat-traffiku aħjar.

Toroq Arterjali, Distributorji u Residenzjali — Asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq arterjali, distributorji u residenzjali li se jiġu asfaltati matul ix-xahar ta’ April 2015 u Mejju 2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tfassal programm ta’ xogħlijiet fuq toroq skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Toroq — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitlestew dawn it-toroq: (a) Triq in-Niġem, Ħal Għaxaq; (b) Parti minn Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa; (c) Triq Ġdida fi/u parti minn Triq Ninu Cremona, Raħal Ġdid; (d) Triq l-Ibjar/Arkati, Raħal Ġdid; (e) Parti minn Triq Annetto Caruana, San Pawl il-Baħar; (f) Triq San Benedettu, Ħal Kirkop; (g) Triq Jean de la Cassiere, San Pawl il-Baħar; u (h) Triq Ġdida fi Triq il-Wilġa, Marsaxlokk?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti: Triq in-Niġem, Ħal Għaxaq Ix-xogħlijiet fuq din it-triq huma mistennija jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif jiġu kkonfermati soluzzjonijiet tekniċi marbuta mal-ilma tax-xita. Parti minn Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa Ix-xogħlijiet fuq din it-triq huma lesti ħlief għall-wiċċ tat-triq li ma ngħatax minħabba xogħlijiet fil-viċinanzi. Ġaladarba jispiċċaw dawn ix-xogħlijiet, Transport Malta se tkun qiegħda tagħti l-aħħar saff ta’ asfalt. Triq Ġdida fi/u parti minn Triq Ninu Cremona, Raħal Ġdid Ix-xogħlijiet fuq din it-triq għaddejjin bħalissa u għandhom jitlestew fix-xhur li ġejjin. Triq l-Ibjar/Arkati, Raħal Ġdid Ix-xogħlijiet fuq din it-triq għaddejjin bħalissa u għandhom jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin. Parti minn Triq Annetto Caruana, San Pawl il-Baħar Ix-xogħlijiet fuq din it-triq għaddejjin bħalissa u għandhom jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin. Triq San Benedettu, Ħal Kirkop Ix-xogħol fuq din it-triq kien inbeda pero’ kellhom jieqfu minħabba kawża l-Qorti. Ghalkemm intrebħet il-kawża, ir-residenti għadhom jikkontestaw in-natura tax-xogħlijiet. Triq Jean de la Cassiere, San Pawl il-Baħar Ix-xogħol mistenni jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin. Triq Ġdida fi Triq il-Wilġa, Marsaxlokk? Ix-xogħlijiet fuq din it-triq għaddejjin bħalissa u għandhom jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.

Road Safety Audits

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il road safety audit hemm għaddej bħalissa, u ċjoè sad-data ta’ meta ġiet imressqa din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14983.

Irkib taż-Żwiemel fit-toroq

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14985 dwar ir-rotot li ġew identifikati biex fihom jitwaħħlu t-tabelli “Irkib taż-Żwiemel” jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta l-qafas regolatorju rigward il-liċenzjar u l-irkib taż-żwiemel fit-toroq u meta mistenni li jkunu ġew dettaljati tali rotot?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi l-qafas regolatorju dwar l-użu tal-annimali fit-triq huwa mistenni li jitlesta fil-futur qrib, wara li jkunu ġew konklużi l-konsultazzjonijiet mal-oqsma kollha involuti. Fl-istess waqt, jien infurmat li l-pjanti fejn ser jitwaħħlu tabelli ‘Irkib taż-Żwiemel’ ġew dettaljati u issa qed jiġu verifikati anki fuq il-post.

Ħal Għaxaq – ħofor fil-bankina – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li titranġa l-bankina fil-viċinanzi tal-indirizz indikat separatament peress li l-ħofor li hemm fil-bankina qed joħolqu inkonvenjent kbir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-manutenzjoni tal-bankini ma taqax taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura iżda taħt il-Kunsill Lokali rispettiv. Madankollu, wieħed jara kif nistgħu nagħtu l-għajnuna tagħna.

Buġibba — postijiet ta' aċċess għall-inżul ħdejn il-baħar

Question

Billi matul it-Triq tal-Kosta, minn Sant'Andru għall-Buġibba, issa ttella' ċint li jagħmilha impossibli biex bniedem jinżel ħdejn il-baħar, almenu għal tulijiet sostanzjali tal-istess triq, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu l-postijiet ta' aċċess li minnhom jista' jintlaħaq il-baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aċċess għal-kosta, se jkun minn ħdejn ir-roundabout ta’ ħdejn il-Magħtab (chainage 3800), minn ħdejn ir-ramla (chainage 4680), u minn ħdejn ir-rounabout ta' Baħar iċ-Ċagħaq (chainage 5150 u chainage 5500). Il-bajja li hemm ħdejn il-lukanda kif ukoll is-slipway tad-dgħajjes se jibqgħu aċċessibli.

Belt Valletta, Furjana, Tal-Pietà, il-Ħamrun, il-Marsa u Santa Venera — xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tax-xogħlijiet li saru minn Marzu 2013 ‘il hawn fuq toroq ġodda jew resurfacing ta’ toroq mill-Gvern ċentrali fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, il-Furjana, Tal-Pietà, il-Ħamrun, il-Marsa u Santa Venera?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitlub qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta/Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Kuntratti ta’ Kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti kumpaniji Maltin involuti fil-kostruzzjoni u turnkey minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija parlamentari, kuntrattur kuntrattur minn Transport Malta u mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura? Jista’ jagħti l-valur ta’ kull kuntratt, dettalji fuq in-natura tax-xogħol ta’ kull kuntratt, u jekk il-kuntratt ingħatax wara sejħa pubblika jew b’mod dirett?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika il-perjodu eżatt li għalih qed tirreferi f’din il-mistoqsija parlamentari, jekk hux sad-data li fiha saret din il-Mistoqsija Parlamentari jew sal-ġurnata li fiha ser tinqara din l-istess Mistoqsija, u dan sabiex l-informazzjoni mogħtija tkun waħda korretta.

Transport Malta – asfaltar ta’ toroq residenzjali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14453, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-toroq rispettivi għal kull perjodu li ssemma, it-tul tal-istess toroq, triq triq, kif ukoll il-kuntrattur li ħadem fuq kull triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba u disponibbli qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Strajks fil-Malta Public Transport u fil-Freeport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-Ministeru tiegħu ħass il-bżonn li joħroġ stqarrija biex jikkundanna lill-UĦM għall-istrajk ordnat fil-Malta Public Transport filwaqt li ma qal xejn dwar l-istrajk li ordnat il-GWU għall-istess raġuni fil-Freeport?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żewġ każijiet imsemmija minnha huma differenti sostanzjalment u m’għandiex x’taqsam il-Union rispettiva li sejjħithom.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Wileġ – bus shelter

Question

Billi jidher li Transport Malta stallat bus shelter ħdejn il-grawnd tal-futbol tas-Sirens FC fi Triq il-Wileġ, San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan ix-shelter jitwaħħal mal-ħajt tal-istess grawnd, minflok ma jitħalla distanza żgħira ’l barra, u b’hekk tiġi evitata l-possibilità li persuni jistaħbew wara dan ix-shelter?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bus shelters, dejjem sakemm ikun possibli, jitwaħħlu b’tali mod li jippermettu li dawn jiġu mnaddfa u għaldaqstant, din hija r-raġuni għalfejn jitħalla ċertu distanza fuq in-naħa ta’ wara tal-bus shelters u l-istrutturi li jkun hemm warajhom.

Trasport Pubbliku – Servizz bejn fil-Mellieħa/il-Qawra u Mater Dei

Question

Jista’ l-Ministru jara li s-servizz mogħti mit-trasport pubbliku matul ix-xhur tas-sajf fuq ir-rotot tal-Mellieħa (rotta 37) u l-Qawra (rotta 31) lejn l-Isptar Mater Dei jkunu wżati biss minn passiġġieri esklussivament għad-destinazzjoni finali tagħhom lejn l-Isptar peress li dan is-servizz mhux jaqdi l-funzjoni soċjali proprja tiegħu minħabba li ħafna passiġġieri li jkunu jridu jmorru l-Isptar Mater Dei qed jispiċċaw ma jirkbux peress li l-karozzi jkunu mimlija sa mit-tluq tal-vendi rispettivi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm dawn iż-żewġ rotot iservu l-Isptar Mater Dei, id-destinazzjoni finali tagħhom hija l-Belt Valletta u mhux l-istess sptar. Wieħed irid japprezza li hemm numru ta’ lokalitajiet jew inħawi li jiġu servuti permezz taż-żewġ rotot imsemmija li jservu bħala konnessjoni ewlenija tagħhom kemm għall-Isptar Mater Dei, kif ukoll għall-Belt Valletta. Dawn jinkludu l-lokalitajjiet tan-Naxxar u tal-Iklin, kif ukoll l-inħawi ta’ Santa Margerita ġewwa l-Mosta u l-Armier (fis-sajf).

San Pawl il-Baħar/Naxxar — proġett ta' restawr fl-inħawi tas-Salini

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħol għad fadal isir minn dak li hu l-proġett ta' restawr tal-inħawi tas-Salini, fil-limit ta' San Pawl il-Baħar/Naxxar? X'qed iżomm milli x-xogħol kollu li kellu jkun lest xhur ilu jitlesta? Jista' jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol kollu f'dawn l-inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellent għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 15436, ninfurmaħ li x-xogħlijiet fil-proġett ta’ restawr tal-inħawi tas-Salina, fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar/ Naxxar mistennija li jkunu lesti sa’ tmiem l-2015. Dan ix-xogħol jikkonsisti fir-restawr tal-burmielaħ u x-xagħri, it-tlestija tat-triq interna fis-Salini u bini ta’ pont ġdid tal-ħadid fl-entratura tas-sit. Barra minn hekk ikun jonqos li jitlesta r-restawr kollu tas-Sukkurs. Barra dan kollu ta’ min wieħed isemmi li bħalissa għaddej xogħol tat-tindif tas-Sukkurs mill-kwantità kbira ta’ alka li daħlet wara l-maltemp li laqat l-inħawi riċentament.

Buġibba — Triq tal-Kosta - pjanti

Question

Billi issa parti sostanzjali tax-xogħol marbut mat-Triq tal-Kosta, minn Sant'Andru għall-Buġibba hu lest, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti kollha, differenti li għaddew għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jiġu approvati? Liema partijiet tal-istess pjanti għad iridu jiġu approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti kollha huma pubbliċi. L-applikazzjonijiet pendenti huma biss inkwantu dettalji ta’ irfinar .

Trasport Pubbliku — tariffi mnaqqsa għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-offerti li hemm b'tariffi mnaqqsin tat-trasport pubbliku għall-persuni b'diżabilità jeħtieġ li jkollhom il-blue stickeru mhux l-ispecial ID Card tad-diżabilità peress li persuni b'diżabilità li m'għandhomx karozza, ma jistax ikollhom blue sticker minħabba li dawn qegħdin għal min għandu karozza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Blue Badge ma tinħariġx biss lill-persuni b’diżabilità li għandhom karozza, iżda tinħareġ lil dawk il-persuni li għandhom restrizzjoni permanenti fil-mobilità tagħhom. Inżid ukoll li din is-sistema kienet ġiet introdotta fis-sena 2011 bid-differenza li t-tariffi għal persuni b’diżabiltà issa se jkunu irħas.