Legislature:
Category:
Reset
Active:

Stallazzjoni ta' lift

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ stallar ta’ lift fil-blokk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? X’inhi l-problema dwar dan id-dewmien kollu biex jiġi stallat dan il-lift?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma rriżultax li daħlet xi applikazzjoni għand l-Awtorita' tad-Djar biex jiġi nstallat lift fil-blokk imsemmi.

Proċedura għall-stallazzjoni ta' lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura dwar stallar ta' lifts meta ħadd mill-blokka partikolari ma jkun irid jidħol responsabbli hu għax-xogħol? Huwa minnu li jekk dan ikun il-każ, il-lift jibqa' ma jsirx minkejja li jista' jkun hemm każijiet li ġenwinament għandhom bżonn l-istallazzjoni tal-lift?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol kollu neċessarju għall-installar tal-lifts isir mill-Awtorita’ tad-Djar permezz ta’ tender pubbliku. Dan jinkludi l-bini tal-bokka tal-lift u l-installar tal-lift innifsu. Għalhekk l-ebda inkwilin jew sid ta’ appartament tal-Gvern ma jintalab jieħu responsabilita’ tal-istallazzjoni tal-lift. Min-naħa l-oħra s-sidien jew l-inkwilini tal-blokk jintalbu li jaħtru Assoċjazzjoni li trid taċċetta responsabbilta’ għall-manutenzjoni tal-lift u ħlasijiet relatati, il-manutenzjoni tal-partijiet komuni, ħlas ta’ konsum tal-elettriku tal-partijiet komuni inklużi tal-lift u linja tat-telefon fil-lift kif ukoll ħlas għal tiswijiet meħtieġa tal-istess lift. Għandu jsir maintenance agreement ma’ kumpanija tal-lifts u dan irid jiġi mġedded kull sena. Kwalunkwe ħlasijiet dovuti in konnessjoni mal-lift iridu jitħallsu b’mod ugwali minn kull inkwilin/sid li jkollu aċċess għall-lift.

Awtorità tad-Djar — periti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex wara tliet xhur għadu ma ntbagħatx perit tal-Awtorità tad-Djar biex jara l-problemi rraportati fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Kemm kien hemm rapporti mir-residenti ta’ din il-blokka fl-aħħar xhur? X’inhi l-problema tar-residenti u x’inhi l-problema tal-Awtorità tad-Djar biex tieħu azzjoni effettiva u immedjata?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mill-informazzjoni li għandha l-Awtorita’ tad-Djar dwar il-blokk imsemmi, jirriżulta li saru tliet rapporti differenti mill-istess inkwilin f’Lulju, Settembru u Ottubru. Dawn ir-rapporti jirrigwardaw żamma t’ilma fuq il-bejt, opramorta u tiswijiet fis-saqaf ta’ l-appartament. L-inkwilin għandha tirċievi appuntament mill-Awtorita’ tad-Djar biex issir spezzjoni fil-post fi żmien gimgħatejn oħra ħalli jiġu vverifikati t-tiswijiet mitluba.

Awtorità tad-Djar — periti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadu ma ntbagħatx perit tal-Awtorità tad-Djar biex jara il-problemi rraportati fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Kemm kien hemm rapporti mir-residenti ta’ din il-blokka fl-aħħar xhur? X’inhi l-problema tar-residenti u x’inhi l-problema tal-Awtorità tad-Djar biex tieħu azzjoni effettiva u immedjata? Jista' jassigura li l-prblema tissolva mingħajr aktar dewmien?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mill-informazzjoni li għandha l-Awtorita’ dwar il-blokk imsemmi, jirriżulta li hemm żewg rapporti mill-istess inkwilin f’dawn l-aħħar xhur li kienu jittrattaw dwar spalling ta’ konkos u tiswija fis-sistema ta’ dranaġġ. Spezzjoni mill-uffiċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar diġa’ saret u tlestiet ukoll l-istima tax-xogħlijiet. Hu ppjanat li t-tiswijiet ikunu jistgħu isiru fix-xhur li ġejjin imma aktar ‘il quddiem l-inkwilin għandu jiġi infurmat bid-data eżatta meta jiġi ingaġġat kuntrattur biex jibda t-tiswijiet.

Djar tal-anzjani — Żieda fis-sodod

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10663, jista’ l-Ministru jgħid kemm żdiedu sodod residenzjali ġodda għall-anzjani f’entitajiet governattivi matul is-sena 2014? Fejn żdiedu u kemm f’kull każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2014 la fit-tmint idjar tal-Gvern u lanqas fir-residenza San Vinċenz de Paule ma żdiedu ebda sodod residenzjali ġodda. Tajjeb li ngħid li matul l-2014 fir-residenza San Vinċenz de Paule, bi ftehim mal-Unions, kienu żdiedu 38 sodda b’mod temporanju matul il-perjodu tax-xitwa. Barra minn hekk f’din ir-residenza, ma żdiedux sodod ġodda permanentament peress li għaddej programm ta’ refurbishment f’xi swali.

Djar tal-anzjani — Żieda fis-sodod

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10663, jista’ l-Ministru jgħid kemm żdiedu sodod residenzjali ġodda għall-anzjani f’entitajiet governattivi minn Marzu 2013 sal-lum? Fejn żdiedu u kemm f’kull każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ sodod miżjuda huwa kif ġej : Dar Numru ta’ Sodod Miżjuda Casa Arkati 61 Casa Leone 12 Casa Serena 2 Central 2 Sant Anna 8 Holy Family 4 Saura 4 Villa Messina 7 Bormla 6 SVPR 46 Totals 152

Residenza San Vinċenz de Paul — Fluid and Food Thickener

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10665, jista’ l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija u jgħid x’konsegwenzi jista’ jkollu jekk il-Fluid & Food Thickener ma jingħatax lill-anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul? X’periklu jista’ jpoġġi fih lill-anzjani dan in-nuqqas?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fost l-anzjani, inkużi dawk li jgħixu fir-residenza San Vinċenz de Paul, l-Fluid and Food Thickener jintuza sabiex il-persuna indikata tkun tista tibla’ sustanżi likwidi b’inqas diffikulta. Likwidi li jkollhom Fluid and Food Thickener miżjud inaqqas ir-riskju li persuna tixraq fuq likwidi.

Awtorità tad-Djar – kirjiet ta’ postijiet residenzjali

Question

Billi skont dak li ġie ppubblikat, l-Awtorità tad-Djar mhix l-awtorità li tiddeċiedi kif u kemm jogħlew il-kirjiet tal-postijiet residenzjali tal-Gvern, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min jieħu tali deċiżjoni? Jista’ jagħti tagħrif dwar kif, imbagħad, l-Awtorità tad-Djar tieħu deċiżjoni dwar tali żieda?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Bħalma jaf l-Onor. Interpellant hi l-Awtorita’ tad-Djar li tiddeċiedi jekk jogħlewx il-kirjiet residenzjali ta’ djar/appartamenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tagħha. L-Awtorita’ tad-Djar qatt ma stqarret dak li qed jinsinwa l-Onorevoli Membru fl-istqarrija tiegħu. Nikkonferma li l-istqarrija maħruġa mill-Awtorita’ tad-Djar li ma għollietx kirjiet ta’ propjetajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tagħha, kuntrarju għal dak li ngħad minn persuni parlamentari, politiċi u xi ġurnali li juri b’mod ċar li m’għamlux il-homework sew.

Dar tal-Anzjani u Day Centre tal-Mellieħa – żjara minn delegazzjoni Ċiniża

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk delegazzjoni Ċiniża żaritx id-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa u d-Day Centre tal-istess Dar? Minn min kienet tikkonsisti din id-delegazzjoni u x’kien l-iskop tagħha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li delegazzjoni Ċiniża wriet ix-xewqa li żżur entità tal-Gvern u għalhekk ġiet mistiedna biex iżżur id-Dar tal-Anzjani fil-Mellieħa. Din id-delegazzjoni żaret din id-Dar wara li ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn l-Istitut Internazzjonali tal-Anzjani (Ġnus Magħquda – Malta) u l-Beijing Civil Affairs Bureau.

Residenza San Vinċenz de Paul – kotba tal-menu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew il-kotba kkuluriti li ġew stampati f’Marzu 2014 meta fil-kċina ta’ San Vinċenz ġie introdott menu ġdid li tqassmu lir-residenti kif ukoll lill- qraba tagħhom ftit ġimgħat qabel daħal il-kuntrattur privat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-disinn tal-menu ġie jiswa € 1,026.60 u sar minn Keen Advertising Ltd. L-istampar sewa € 5,953.50 u sar għand Gutenberg Press Ltd. B'kollox saru 5,000 kopja.

Public-Private Partnerships in Long Term Care

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid fiex wasal il-proċess ta' Public-Private Partnerships in Long Term Care għall-anzjani li għalih ġiet ippublikata expression of interest f'The Sunday Times tal-14 ta' Lulju 2013? Saret spezzjoni tal-postijiet li wrew interess f'din l-expression of interest? Jekk iva, fejn u meta saru dawn l-ispezzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa qegħdin jiġu ffinaliżżati l-Istandards Minimi Nazzjonali għar-Residenzi tal-Anzjani. Wara dan jitkompla l-eżerċizzju biex jiġi assigurat servizz ta' kwalita.

Residenza San Vinċenz de Paul – refurbishment ta’ swali

Question

Billi fil-bidu ta’ Ġunju, Lulju 2014, ir-residenti anzjani li kienu rikoverati fis-swali St Francis 3 u 4 fir-Residenza San Vinċenz de Paul inħarġu min dawn is-swali u kienu sparpaljati fil-kurituri, atriums u dining rooms tas-Serenity Wards 2 u 3 u Madre Theresa Wards 2 u 3 b’inkonvinjent kbir għall-istess residenti anzjani u dan bil-wegħda lill-dawn ir-residenti u l-istaff li r-refurbishment għandu jkun lest f’Marzu 2015, jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk it-tlestija ta’ dan il-proġett ta’ refurbishment hux qiegħed on track?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – refurbishment ta’ swali

Question

B’referenza għall-anzjani residenti fis-swali ta’ San Vinċenz de Paul u li kienu fis-swali St Francis 2 u 3 u li nħarġu mis-swali tagħhom f’Ġunju 2014 u ġew imgeddsa fi swali oħra biex isir refurbishment li kellu jitlesta f’Marzu 2015, jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġux it-tenders għal dan il-proġett u jekk iva min kienu l-kuntratturi li ħadu dawn it-tenders eż. xogħol ta’ kostruzzjoni, mechanical and electrical, xogħol ta’ aluminju, għamara, eċċ.? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopji tal-pjanti tal-proġett imsemmi hawn fuq u miegħu Gantt charts tal-proġett?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – spiża ta’ ikla

Question

Jista’ l-Onor. Ministru jgħidilna kemm kienet tiġi tiswa ikla ras għal ras fir-Residenza San Vinċenz de Paul qabel ma daħal il-kuntrattur u issa wara li daħal il-kuntrattur?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Akkomodazzjoni soċjali – blokkok ta’ bini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-blokkok ta’ bini, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatmaent, li kienu ġew esproprjati, se jinbnew u jintużaw għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Sigurtà Soċjali – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema fuq is-sigurtà soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu ndikat minnu għandu medja massima ta’ kontribuzzjonijiet u għalhekk qiegħed jirċievi rata ta’ pensjoni li tikkorrespondi ma’ żewġ terzi sħiħa tad-dħul pensjonabbli tiegħu. Minħabba li laħaq l-età tal-pensjoni fis-sena 2012, id-dħul pensjonabbli (P.I.) inħadem fuq l-aħjar tlett snin konsekuttivi ta’ salarji bażiċi fl-aħħar għaxar snin u għalhekk fuq is-snin 2009 sa 2011. Għalhekk nikkonferma li r-rata ta’ pensjoni kontributorja għall-irtirar hi korretta u tirrifletti ż-żewġ terzi sħaħ.

Awtorità tad-Djar — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward housing?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rapport dwar il-każ imsemmi daħal għand l-Awtorita’ tad-Djar riċentament fix-xahar t’Ottubru u għaldaqstant għandha ssir spezzjoni minn uffiċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar fil-ġranet li ġejjin, sabiex jiġi verifikat l-ilment. Madanakollu, kif diġa’ ġie mħabbar xi xhur ilu, dan il-blokk jagħmel parti minn numru ta’ blokki residenzjali tal-Gvern f’Raħal Gdid li se jiġu rinovati. It-tender għal dawn ix-xogħlijiet ġie ippublikat u bħalissa qiegħed fil-fażi li jintefgħu offerti minn kuntratturi interessati.

Pensjonanti tas-Servizzi Brittaniċi – Tnaqqis mill-pensjoni kontributorja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont finanzjarju totali li qed jitnaqqas mill-pensjoni kontributorja Maltija lill-persuni li fil-preżent qed jirċievu wkoll pensjoni mis-Servizzi Brittanniċi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont finanzjarju totali li qiegħed jitnaqqas mill-pensjoni kontributorja Maltija lill-persuni li fil-preżent qegħdin jirċievu wkoll pensjoni mis-Servizzi Brittanniċi huwa ta’ madwar €385,500 fis-sena.

Pensjonitas-Servizzi Brittaniċi – rata tal-kambju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-rata tal-kambju (minn sterlina għall-ewro) li qed tintuża biex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ pensjoni li jingħataw dawk li jirċievu wkoll pensjoni mis-Servizzi Brittanniċi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rata tal-kambju minn Sterlina għal Ewro li ntużat din is-sena sabiex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ pensjoni li jirċievu pensjonanti tas-Servizzi Brittaniċi hi ta’ €0.8473 kif stabbilita f’Jannar 2014 u bbażata fuq il-medja tar-rati tal-kambju minn Lulju sa Diċembru 2013.

Pensjonanti tas-Servizzi Brittanniċi – pensjoni kontributorja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta dawk il-persuni li jirċievu wkoll pensjoni mis-Servizzi Brittanniċi se jibdew jingħataw il-pensjoni kontributorja sħiħa li huma intitolata għaliha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jinsab impenjat li jkompli jibni fuq il-proċess li kien inbeda fl-1997 u li bih bdew jibbenefikaw eluf ta’ pensjonanti li jirċievu pensjoni tas-servizz.