Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – konsulenzi mill-2004

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-2004 sal-lum mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li qed tingħata għall-mistoqsija parlamentari 1556.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – konsulenzi mill-1998

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-1998 sal-lum mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi:- Tabella 'A' - Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi Tabella 'B' - Kunsill Malti għall-Isport Tabella 'C' - MCAST Tabella 'D' - Ministeru/Direttorati Tabella 'E' - Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ Tabella 'F' - Malta Libraries Tabella 'G' - Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada Tabella 'H' - Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla u Avvanzata Tabella 'I' - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Rigward Tabella 'D', infurmat mid-Direttorat għal Servizzi Korporattivi li m'għandhomx rekords ta' tmien snin li huma 1998, 2000, 2001, 2002, 2004, 2005, 2006 u 2007.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenzi minn individwi jew kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi lil individwi u/jew kumpaniji mill-2004 sal-lum mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1556.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — reklamar u public relations

Question

Jista' l-Ministru inkluż is-segretarju parlamentari jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u dipartiment li hi jew hu fi ħdan dan il-Ministeru, fuq reklamar jew public relations mill-11 ta' Marzu 2013 'il hawn? F'liema media sar dan ir-reklamar u permezz ta' liema aġenzija jew kumpanija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi:- Tabella 'A' - Direttorati, Ministeru u Segretarju Parlamentari Tabella 'B' - Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi Tabella 'C' - Aġenzija Żgħażagħ u Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija Tabella 'D' - Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Ogħla u Avvanzata/Skola Sekondarja Ogħla/Kulleġġ Sta. Margerita Skola Sekondarja Subien - Verdala Tabella 'E' - MCAST Tabella 'F' - Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ Tabella 'G' - EUPA Tabella 'H' - Kunsill Malti għall-Isport

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — skemi ta' rtirar kmieni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-Segretarjat privat tiegħu, fil-Ministeru, dipartiment u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu hemmx persuni impjegati li bbenefikaw minn skemi ta’ rtirar kmieni jew skemi oħra simili mnedija mill-Air Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B'referenza għal din il-mistoqsija, ninsab infurmat li hemm tliet persuni li qabel kienu mal-kumpanija msemmija mill-Onor. Interpellant u issa huma mpjegati f'entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. L-entitajiet huma l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, il-Malta Libraries u l-MCAST. Tnejn minn dawn il-persuni għażlu xogħol alternattiv mal-Gvern. Fil-każ tat-tielet persuna, din daħlet l-MCAST u kienet ħadet l-Early Retirement Scheme mill-Air Malta. Skont il-provvedimenti taċ-Ċirkulari tal-OPM numru 4/2012, l-MCAST qed tieħu l-passi biex tirkupra s-somma proporzjonali dovuta lura lill-Gvern u din ser tiġi mgħoddija lill-Fond Konsolidat.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – servizzi/għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra lista ta’ servizzi/għajnuna soċjali kollha offruti mill-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, kif ukoll għal kull każ jgħid min jista’ jibbenefika, kemm jista’ jibbenefika, kif trid issir il-proċedura tal-applikazzjoni, il-persuna responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ kull miżura kif ukoll xi informazzjoni oħra relatata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Libreriji — xiri ta' kotba ġodda

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew mixtrija kotba ġodda tul is-sena li għaddiet għal-libreriji pubbliċi u jindika b’liema lingwa huma?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ kotba ġodda li nxtraw tul is-sena li għaddiet għal-libreriji pubbliċi jammonta għal 9,591. Il-maġġoranza tal-kotba kienu bil-Malti u Ingliż u xi numru żgħir bil-Ġermaniż, Taljan u Spanjol.

Libreriji pubbliki — kotba mogħtija lil-libreriji reġjonali

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm mill-kotba li ġew mixtrija s-sena li għaddiet għal-libreriji pubbliċi intbagħtu lil-libreriji reġjonali u jindika b’liema lingwa huma?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-kotba ġodda li nxtraw is-sena li għaddiet għal-libreriji pubbliċi, 920 intbagħtu fil-libreriji reġjonali. Il-maġġoranza tal-kotba kienu bil-Malti u Ingliż u xi numru żgħir bil-Ġermaniż, Taljan u Spanjol.

Proġett ta’ użu ta’ tablets

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma kemm se jkun in-numru ta’ skejjel li se jieħdu sehem fil-proġett pilota dwar l-użu ta’ tablets? Jista’ jgħid kemm minn dawn l-iskejjel se jkunu mis-settur statali, tal-knisja u indipendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

In-numru ta' skejjel li se jieħdu sehem fil-Proġett Pilota tat-Tablets għad irid jiġi determinat wara li jkunu evalwati s-sottomissjonijiet mis-suppliers skont is-sejħa pubblika li għalqet fil-5 ta' Frar 2014. L-għażla tal-iskejjel tiddependi wkoll mill-għalliema voluntiera li se japplikaw biex jieħdu sehem bil-klassi tagħhom fil-proġett pilota minn Ottubru li ġej. Is-sejħa għal dawn l-għalliema, li ħarġet wara konsultazzjoni mal-Malta Union of Teachers, tagħlaq fil-21 ta' Frar 2014. L-għażla tal-għalliema, skont l-applikazzjonijiet sottomessi, se ssir mid-Dipartiment tal-eLearning fi ħdan id-Direttorat għall-Kwalitá u Standards fl-Edukazzjoni, li qed imexxi l-proġett tat-tablets. L-intenzjoni tad-Dipartiment tal-eLearning hija li jkun hemm skejjel tal-Knisja u Indipendenti inklużi fil-proġett pilota.

Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7688, jista’ l-Ministru jgħid għaliex din is-sena l-applikazzjonijiet għal stipendju supplimentari kienu rifjutati lill-istudenti li kienu jeħduhom is-sena li għaddiet meta ċ-ċirkostanzi tad-dħul fil-familja ta’ dawn l-istudenti ma nbidlux?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ebda applikazzjoni għall-Maintenance Grant ma ġiet rifjutata, u kull applikazzjoni li waslet lill-Bord ġiet ikkunsidrata bir-reqqa, abbażi tad-dokumenti li ġew ippreżentati mal-applikazzjoni, u ċ-ċirkostanzi li ġew elenkati mill-applikant stess. Tajjeb li wieħed jinnota illi kull min kellu risposta negattiva u talab reviżjoni dan sar u għadu ukoll fiż-żmien li jista’ isir. Tajjeb li wieħed ukoll jirrimarka li din is-sena l-applikazzjonijiet li waslu għand il-Bord barra li waslu lejn l-aħħar ta’ Dicembru, 2013, kellhom ukoll nuqqas konsiderevoli ta’ dokumenti relatati ma’ kull talba, u l-Bord seta’ biss jiddeċiedi fuq dawk id-dokumenti li kellu quddiemu.

Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7687, il-Ministru jaf li kien hemm mature students li rċievew risposta li l-applikazzjoni tagħhom għall-istipendju kienet rifjutata abbażi tal-Avviż Legali tal-2005?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ebda applikazzjoni minn mature students ma kienet rifjutata mill-Bord. Kull applikazzjoni li waslet għand il-Bord kienet ikkunsidrata bir-reqqa abbażi tad-dokumenti annessi mal-applikazzjoni u maċ-ċirkostanzi elenkati mill-istess applikant u annessi wkoll mal-applikazzjoni. Fil-fatt ħafna kienu il- mature students li talbu għal reviżjoni, u wara li ssottomettew id-dokumenti relevanti li kellhom nieqsa kellhom risposta pożittiva. Il-possibilta` li ssir talba lill-Bord għal reviżjoni tibqa’ miftuħa matul is-sena akkademika u fil-każ li ċ-ċirkostanzi tal-individwu jinbidlu dan dejjem jista’ javviċina lill-Bord. Sfortunatament ħafna kienu l-applikazzjonijiet li kellhom dokumenti neqsin meta waslu għand il-Bord anke jekk ħadu xhur sħaħ biex waslu mingħand l-istituzzjoni rispettiva għal għand il-Bord.

Avviż Legali dwar l-Istipendju

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Avviż Legali tal-2005 dwar l-istipendji kien emendat b’Avviż Legali tal-2012 li permezz tiegħu l-applikazzjonijiet għall-istipendju minn mature students ma baqgħux ikunu deċiżi abbażi tad-dħul tal-istudent imma fuq kriterji differenti li jekk ikunu applikati sew, ħafna aktar mature students jikkwalifikaw għall-istipendju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nikkonferma li l-Avviż Legali ġie emendat diversi drabi fosthom bl-Avviż Legali Numru 347 u 431 tal- 2012. L-applikazzjonijiet għall-istipendju minn mature students qed ikunu deċiżi abbażi tad-dispożizzjonijiet kollha proċeduri stabbiliti fir-rigward ta’ dan kollu u inkluż ukoll dak li kien stabbilixxa l-Bord dawn l-aħħar snin.

Bidliet fil-liġi dwar l-Edukazzjoni ġdida

Question

Wara li ħareġ dokument ġeneriku li permezz tiegħu l-Ministru talab konsultazzjoni dwar bidliet fil-Liġi dwar l-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jindika jekk hux beħsiebu joħroġ xi dokument sostanzjali bħala bażi għal diskussjoni pubblika kif ukoll mal-istituzzjonijiet konċernati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Hija konsultazzjoni miftuħa fejn fl-ewwel stadju qed nistennew proposti minn kull min irid iressaqhom 'il quddiem.

Liġi dwar l-Edukazzjoni ġdida — konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jindika l-proposti ta’ tibdil min-naħa tal-amministrazzjoni preżenti għal Liġi dwar l-Edukazzjoni ġdida? Saret konsultazzjoni interna dwar dawn il-proposti ta’ tibdiliet ma’ uffiċjali fid-Direttorati, Prinċipali ta’ Kulleġġi, Kapijiet ta’ Skejjel, l-MUT, il-ġenituri, kif ukoll il-mexxejja tal-Iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Kull min hu nteressat li jressaq proposti dwar kull aspett tal-liġi tal-edukazzjoni għandu kull opportuniutà jagħmel dan.

Tagħlim dwar l-agrikoltura — studenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti li qed jattendu fl-istitut għall-agrikoltura, fl-MCAST? F'liema oqsma ta' studju qed jagħmlu l-korsijiet dawn l-istess studenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università – korsijiet marbuta ma’ l-agrikoltura

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema korsijiet, marbuta ma' l-agrikoltura qed jinżammu preżentement fl-Università? Kemm hu n-numru ta' studenti li qed jattendu dawn il-korsijiet, skont is-suġġett ta' studju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta’ studenti li bħalissa qed isegwu kors marbut mal-Agrikoltura fid-Diviżjoni tax-Xjenzi Rurali u Sistemi tal-Ikel fi ħdan l-Istitut tas-Sistemi Ambjentali fl-Università ta’ Malta, hu kif ġej: Kors Numru ta’ Studenti rreġistrati Kors Preparatorju għad-Diploma fl-Agrikoltura 5 Id-Diploma fl-Agrikoltura 6 Baċellerat fl-Immaniġjar tas-Sistemi Agroambjentali tal-Mediterran 18 Master fir-Riċerka fuq is-Sistemi Rurali 4 Total 33

San Pawl il-Baħar — skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ġiex iċċarat x'se jiġri mill-iskola primarja eżistenti f'San Pawl il-Baħar? Jekk le, meta hu mistenni li jkun deċiż x'se jsir minn din l-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Żgur li għadu kmieni wisq biex tittieħed deċiżjoni dwar li l-bini eżistenti ma jibqax jintuża għal skola primarja.

Garanzija taż-żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk il-Gvern bagħatx il-pjan tiegħu relatat mal-garanzija taż-żgħażagħ lill-Kummissjoni Ewropea? Jekk dan il-pjan intbagħat jista' l-Ministru jpoġġi d-dokumenti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 7131.

Skola Nazzjonali tal-Isport — coaches

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-coaches li jaħdmu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport kenux konsultati dwar iċ-ċaqliq tal-iskola msemmija mill-Kumpless ta’ Ħal Kirkop għall-post fil-limiti ta' Pembroke?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li, iva, rappreżentanti tal-kowċis li jaħdmu mal-istudenti fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport kienu mgħarrfa u konsultati dwar iċ-ċaqliq tal-iskola mill-faċilitajiet temporanji tagħha f'Ħal Kirkop għall-faċilitajiet permanenti fl-iskola li se tilqa' l-istudenti f'Pembroke.

Skola Nazzjonali tal-Isport – Sit ġdid

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti tal-proġett il-ġdid relatat mas-sit il-ġdid fejn se timxi l-Iskola Nazzjonali tal-Isport u li ġew esebiti waqt laqgħa li saret reċentement għal dawk il-ġenituri interessati sabiex uliedhom japplikaw għas-sena skolastika li jmiss b'rabta dejjem mal-Iskola Nazzjonali tal-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti mitluba mill-Onor. Interpellant.