Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk hemmx ikkonsidrat u ppjanat sabiex fil-futur qarib isir ġnien pubbliku aħjar quddiem St Nicholas Married Quarters, sal-Mina ta' Santa Liena Bormla sabiex il-Bormliżi jkollhom ġnien denju ta' dak l-isem bħal dawk li hemm f'postijiet oħra bħal per eżempju f'Tas-Sliema?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li kienu diġa ttieħdu inizjattivi sabiex ġiet studjata din il-possibilita minn Gvern Nazzjonalista preċdenti. L-idejat u l-proposti rigward dan il-ġnien kienu ġew mgħoddija lill-Kunsill Lokali ta Bormla li donnu għandu l-intenzjoni li tiġi żviluppata l-area magħrufa bħala l-Polverista għal għan li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant. Dan għandu jiġi sottomess għall-inklużjoni fil-pjan li qed jifformula l-Gvern għall-iżvilupp tal-Kottonera.
Sajjieda Maltin — Protezzjoni minn sajjieda barranin
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Gvern sabiex jipproteġi l-għajxien tas-sajjieda Maltin, partikolarment dawk li jistgħadu għat-ton, mis-sajjieda barranin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-sajjieda Maltin igawdu mill-protezzjoni kollha li jagħtuhom il-Forzi Armati ta' Malta sabiex jiġu nforzati l-liġijiet u r-regolamenti kif inhuma sa ħamsa u għoxrin mil nawtiku kif deskritt f'Kap 226 tal-Liġijiet ta' Malta.
Minkejja li s-sajd għat-tonn isir fil-parti l-kbira tiegħu 'il barra mill-ibħra Maltin kif deskritti hawn fuq, id-Dipartiment tas-Sajd qiegħed jieħu sehem attiv f'diskussjonijiet waqt laqgħat diversi tal-FAO fejn jiġu deċiżi regolamenti fuq l-industrija tas-sajd fil-Mediterran. Madankollu il-Gvern Malti qiegħed jinsisti illi ċerti metodi ta' sajd tat-tonn, użati minn pajjiżi oħra u li jagħmlu ħsara lill-popolazzjoni ta' din l-ispeċi, jiġu projbiti.
Jista' l -Ministru ġentilment jara għaliex bdiewa fl-inħawi tal-Bidni, minkejja kull sforz ta' l-uffiċjal inkarigat minn Ħaż-Żabbar, xorta m'humiex qed jieħdu ilma tat-tisqija?
Billi din il-problema f'dawn l-inħawi tal-Bidni kompliet iggravat wara xogħlijiet li saru fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, jista' l-Ministru jara x'jista' jsir biex l-għadd ta' bdiewa full-time li hemm ma jibqgħux ibatu l-konsegwenzi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Dan jidher li huwa każ ieħor ta' nuqqas ta' ppjanar serju mill-Gvern Laburista. Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għamel l-almu tiegħu kollu sabiex il-bdiewa jinqdew.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi regolamenti li jirregolaw it-trobbija tan-naħal?
Min irabbi n-naħal suppost li jkun reġistrat?
Hemm xi restrizzjoni biex min irabbi n-naħal ma jagħmilx dan fl-abitant?
Jaqbel il-Ministru li n-naħal li jitrabbew fl-abitant jistgħu jkunu ta' periklu għal terzi persuni? Jekk fil-fatt hemm restrizzjoni, kemm jistgħu jitrabbew 'l bogħod mill-abitant?
Response (ZAMMIT, NINU)
1) Regolamenti li jirregolaw it-trobbija tan-naħal jinsabu fil-Gazzetta tal-Gvern Nru 15671 tat-3 ta' Novembru 1992 - Taqsima B Avviż Legali 110/92 Ordinanza dwar it-tħaris mill-mard Kapitlu 36 - Regolamenti tal-1992 dwar it-trobbija tan-naħal.
2) Min irabbi n-naħal għandu jkun reġistrat.
3) Ma hemm l-ebda restrizzjoni fil-kapitli msemmija fl-ewwel paragrafu, biex min irabbi n-naħal ma jagħmilx dan fl-abitant, iżda hemm ligi tal-Pulizija li talludi għal fastidju lill-ġirien. L-ufficjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura dejjem iwissu u jagħtu l-pariri lil min ikun ser irabbi li ma għandux jagħti fastidju lill-ħaddieħor anke mhux fl-abitant.
4) Mhux in-naħal biss, iżda dak kollu li jitrabba fl-abitant jista'jkun ta' periklu għal terzi persuni. Billi ma hemm l-ebda restrizzjoni kemm jistgħu jitrabbew 'l boghod mill- abitant, hija l-ħila ta' dak li jrabbi li jara jekk hux ta' periklu jew le.
Jista' l-Ministru jsemmi x'passi se jieħu sabiex talba tal-Kunsill Lokali li saret f'Marzu ta' l-1998 sabiex jinżabru s-siġar ta' Triq is-Sur fl-Isla titwettaq?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma hemm l-ebda rekord ta' din it-talba ġol-files tad-Dipartiment. Minkejja dan in-nuqqas, dan l-ilment ġie mgħoddi lis-sezzjoni taż-żbir tas-siġar sabiex ix-xogħol jiġi mwettaq fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm nies ġew ingaġġati fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998?
Jista' jagħti l-ismijiet tan-nies li ġew ingaġġati?
X'karigi ngħataw fil-ministeru?
X'karigi kellhom qabel ma ġew ingaġġati?
Min minnhom kien jaħdem mal-Gvern u f'liema dipartiment kien jaħdem?
X'inhuma l-kwalifiki akkademiċi ta' dawn?
X'kondizzjonijiet ingħataw?
Jista' l-Ministru jpoġġi l-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista' l-Ministru jgħid x'karigi kull wieħed minnhom kellu fil-Partit Nazzjonalista?
Response (ZAMMIT, NINU)
Għar-rigward tas-Segretarju Privat ninsab infurmat li l-ebda kuntratt jew ftehim ma għadu ġie ffirmat ma` l-individwi kkonċernati u nkun f`qagħda li nwieġeb għall-mistoqsijiet magħmula f`xi seduta oħra wara li dawn jiġu ngaġġati formalment.
Nirreferi ukoll lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru b`risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nr.81.
Għar-rigwaard ta` fid-dekasteru tiegħi li m`humiex fis-segretarjat ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma ġie ngaġġat ħadd.
Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għalfejn id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura tefa' offerta ta' 320% għola fl-offerta għall-kuntratt tat-tindif u l-manutenzjoni tal-ġonna pubbliċi maħruġa mill-Kunsill Lokali ta' l-Isla? L-offerta ttieħdet minn dan id-Dipartiment? U jekk le, hemm xi raġuni oħra minbarra ż-żieda fil-prezz?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura tefa' offerta wara li saret evalwazzjoni tax-xogħol involut kif titlob is-sengħa. L-offerta ma ġietx mirbuħa mid-Dipartiment. Il-kunsill ħass li l-offerta tad-Dipartiment kellha tiġi miċhuda għax id-Dipartiment għamel xi korrezzjonijiet fid-dettalji tal-offerta kif ħarġet. Ma nistgħax ngħid jekk kienx hemm xi raġunijiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux lest li jitfa' ħamrija f'għalqa f'St Lucia Avenue - ħdejn it-tyre service, Paola - ta' l-individwu, li ismu qed jintbagħat separatament, li wara li sar il-proġett ta' daħla taċ-ċimiterju tellgħu ċint fl-għalqa u lanqas ħallew ħamrija biżżejjed b'dannu li l-inkwilin ma jistax jaħdem l-għalqa li ilu jagħmel għexieren ta' snin?
Response (ZAMMIT, NINU)
It-talba tal-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkonsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid liema bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet tiegħu ġew rikostitwiti jew imġedda mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn? In kwantu għal dawk rikostitwiti, jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni u għal kull persuna jgħid x'inhuma l-karigi tagħhom li kellhom fuq dawn il-bordijiet, minn meta ilhom maħtura fuq dawn il-bordijiet u x'inhuma r-raġunijiet għat-tneħħija tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-ebda bord li jaqa' taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru tiegħi ma ġie s'issa rikostitwit jew imġedded mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-ħlasijiet tal-patata tas-safar (ta' l-Olanda) lill-bdiewa Maltin matul l-1997 u matul din is-sena? Kemm kien miftiehem li jingħata kumpens? Kemm fil-fatt ġie mogħti? X'inhi l-policy tal-Gvern il-ġdid f'dan il-qasam?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul l-1997 il-bdiewa tħallsu hekk għall-patata esportata:
Varjeta` Alpha :
Lm11 il-qantar għall-patata aċċettata għas-safar sat-2 ta` Mejju.
Lm10 il-qantar għall-patata aċċettata għas-safar bejn it-3 u it-8 ta` Mejju.
Lm8 il-qantar għall-patata aċċettata għas-safar mid-9 ta` Mejju il-quddiem
Varjeta` Sante` :
Lm10 il-qantar sat-2 ta` Mejju.
Lm9 il-qantar bejn it-3 u t-8 ta` Mejju.
Lm8 il-qantar mid-9 ta` Mejju l-qudiem.
Varjeta` oħra :
Lm8 il-qantar.
Matul l-1998 il-bdiewa tħallsu hekk għall-patata esportata:
Varjeta` Alpha :
Lm11 il-qantar għall-patata aċċettata għas-safar sal-4 ta` Mejju.
Lm10 il-qantar għall-patata aċċettata għas-safar bejn il-5u 6 ta` Mejju.
Lm8 il-qantar għall-patata aċċettata għas-safar mis-7 ta` Mejju l-quddiem.
Ma` ġews esportati varjetajiet oħra.
Il- bdiewa jitħallsu skond kif jirrikmanda l-Agricultural Export Marketing Board wara li jitnaqqsu l-ispejjeż kollha mid-dħul globali.
Fl-1998, barra l-ispejjeż tnaqqsu wkoll Lm13,530 sabiex jagħamlu tajjeb għall-esportazzjoni fjask tal-ħaxix frisk lejn l-Ingilterra. Dan il-fjask kompla ġie mgħotti bis-somma tat- Lm8000 mil-fond li suppost kellu jintuża għal tiswija ta` ħsara ikkaġunata mil-maltempata tal-25 ta` Jannar, 1998.
Fl-1997, minkejja li l-patata tal-varjeta` ante tal-patata tal-varjeta` Alpha, il-bdiewa tħallsu prezz anqas.
Kif diġa ħabbart, ntlaħaq ftehim sabiex tiġi esportata mill-ġdid patata tal-varjeta` Sante` bi prezz medju li hu aktar mill-għola prezz garantit għall-Alpha.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-produzzjoni lokali tal-ħalib f'Malta u Għawdex bejn l-1996 u 1997? Xi prodotti ġodda ġew introdotti fl-istess perijodu magħmula mill-ħalib frisk? Min kienu r-rappreżentanti tal-Gvern fuq il-Bord tal-Malta Dairy Products għall-istess perijodu?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-ammont ta' ħalib meħud il-magna mir-raħħala għall-ipproċessar fil-fabbrika kien hekk:
1996 7,954,341 gallun (36,160,434 litru)
1997 8,411,014 gallun (38,236,470 litru)
Dawn l-ammonti ma jinkludux produzzjoni ta' ħalib(l-iktar tal-mogħoż u nagħaġ) miżmum mir-raħħala għall-produzzjoni ta' ġbejniet fuq il-farms.
Prodotti ġodda li ġew introdotti fl-istess perjodu kienu:
1996 Lemon and Honey Yoghurt u Creme de Menthe Yoghurt
1996 Pizza mozzarella f'pakketti ta' 250g u 1kg.
1996 Ħalib frisk xkumat(skimmed milk) fil-kartuna ta' pinta (568c.c)
1997 Ħalib frisk pasturizzat fil-kartuna ta' pinta(568c.c)
1997 Ħalib frisk "flavoured" fil-kartuna ta' litru.
Ir-rappreżentanti tal-Gvern fuq il-Bord tal-Malta Dairy Products Ltd. kienu:-
1996 Is-Sur Joseph Galea u s-Sur Frank Gatt
Sa 31/03/97 Is-Sur Joseph Galea u s-Sur Frank Gatt
Minn 01/04/97 Is-Sur George Carbone u s-Sur Charles Mizzi.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-programm edukattiv "Ngħożżu l-Biedja u Sajd" huwiex se jitkompla? Jekk iva, min huma l-membri tal-bord il-ġdid? Inżammet l-istess kordinazzjoni, ċioe' li l-bord ikun kordinat minn rappreżentanza tal-ġenituri, tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ta' l-Edukazzjoni flimkien ma' l-istituti ta' l-Agrikoltura ta' l-Universita'? Kemm huwa n-numru ta' studenti li diġa' attendew għal dan il-programm?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena nfurmat li l-programm edukattiv li permezz tiegħu studenti jżuru l-Għammieri ilu sejjer għal dawn l-aħħar 20 sena. Matul l-aħħar sentejn dan il-programm ġie mlibbes libsa ġdida billi nfetħet "potting shed" u ġew miżjuda numru ta' annimali waqt li ġie mogħti propaganda kbira. Dan il-programm qed jiġi evalwat għall-valur edukattiv tiegħu.
Minn din is-sena sejrin jibdew żjajjar għall-istudenti tax-xjenza(Form IV) b'kontenut edukattiv iktar għoli, b'koperazzjoni mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Il-Bord li kien imexxi dawn il-programmi ma ġiex xolt u għaldaqstant għandu jibqa' jiffunzjona sakemm jinħatar Bord ġdid jew jiġi xolt, skond kif jiġi deċiż wara li jkunu evalwati il-programmi li qed imexxi.
Mis-6 t'Ottubru sas-27 ta' Ottubru ta' din is-sena, 298 student minn ħames skejjel differenti ipparteċipaw fil-programmi edukattivi. Ipparteċipaw ukoll studenti mis-Seminarju ta' Għawdex u grupp ta' studenti Ġermaniżi.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex se jitkompla l-proġett ta' Wied il-Qlejgħa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Minkejja li l-proġett sallum għadu ma ġiex approvat mill-Gvern Taljan u għaldaqstant ix-xogħol li sar taħt l-amministrazzjoni Laburista ġie iffinanzjat minn flus il-poplu Malti, naċċerta lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi għandu l-intenzjoni li jkompli bir-riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa u jekk jista' jkun widien oħra li mhux neċessarjament ikunu fid-distrett tar-Rabat.
Ta' min ifakkar lill-Onor. Interpellant li x-xogħol kien beda fl-1996 mill-amministrazzjoni Nazzjonalista u jien ċert li l-Onor. Interpellant jieħu pjaċir jiġi mgħarraf li hemm indikazzjonijiet tajba li l-ispejjeż li għamel il-Gvern Laburista fl-1998 ser jiġu ISSA inklużi wkoll fil-protokoll finanzjarju ma' l-Italja.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra, kemm-il safra diġa' siefer mill-5 ta' Settembru, 1998 s'issa?
Liema bliet żar u x'kienet ir-raġuni?
Min akkumpanjah għal kull safra?
Kemm swiet kull safra?
Ma' min tkellem u fuq xiex tkellem?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma għamilt l-ebda safra mill-5 ta' Settembru s'issa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' tobba veterinarji li fil-mument jaħdmu mad-Dipartiment tas-Servizz Veterinarju? Kemm minnhom huma barranin jew fuq bażi ta' kuntratt? X'sezzjonijiet ta' tjur, annimali eċċ huma responsabbli tabib, tabib u min huwa d-direttur fosthom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kemm in-numru kif ukoll kull responsabbilita tal-Veterinarji impjegati mal-Gvern fuq bażi permanenti jew kontrattwali, huma l-istess bħal meta kien hu responsabbli għall-istess Ministeru, jiġifieri kif ġej:
Dr C L Vella Direttur
Dr A Gruppetta Senior Vet Surgeon inkarigat mill-Biċċerija u mill-industrija tal-majjali
Dr F Galea Inkarigat minn Għawdex
Dr S Chircop Inkarigat mill-Veterinary Diagnostic Laboratory
Dr A Casha Inkarigat mill-Akkwakultura u mill-mard tan-Naħal
Dr A Vella Inkarigat mill-Veterinary Drugs Formulatory u mill-industriji tal-fniek u t-tjur
Dr M Vella Inkarigat mill-Epidimiology u l-industrija tal-prodotti tal-ħalib.
Dr M Buttigieg Inkarigat mill-Animal Health u mill-Control Programme
Dr R Balbo Inkarigat mill-ispezzjoni tal-laħam.
(Barrani fuq kuntratt)
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta'ħaddiema impressed mal-Ministeru tal-Biedja u Sajd u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' dan il-ministeru? Meta dawn se jsiru tal-post u x'salarji, ċioe'xi skala fiċ-ċivil se jkollhom? Fuq liema bażi ta' seniority se jkunu rikonoxxuti dawn il-ħaddiema?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru ta' ħaddiema impressed mal-Ministeru tal-Biedja u Sajd u d-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' dan il-Ministeru għadu ta' 45 kif kien sal-5 ta' Settembru 1998. S'issa dan il-Ministeru għadu ma rċieva ebda struzzjonijiet ġodda dwar l-imsemmija ħaddiema.
Aktar dettalji dwar il-posizzjoni u l-kundizzjonijiet ta' dawn il-persuni jitħabbru aktar tard meta il-Gvern jibda jattwa din il-wegħda elettorali li permezz tagħha dawn l-impressed drivers ser isiru tal-fiss.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' annimali u tjur li fil-preżent hemm fil-farm fl-Għammieri u li qed jintużaw għall-programm edukattiv "Ngħożżu l-Biedja"? Dan il-programm se jitkompla? Jekk iva, huwa mistenni li jkomplu jsiru xi ameljoramenti bħal per eżempju, irranġar tat-toroq fejn jiffrekwentaw l-istudenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-annimali u t-tjur li hemm fil-preżent fil-farm l-għammieri li primarjament huma għal skop ta' riċerka u żvilupp qegħdin jintużaw għall-programm edukattiv - Ngħożżu l-Biedja -. Dawn huma :-
Bovini 73
Caprini 168
Ovini 11
Tjur 737
Fniek 114
Equini 20
Llama/Monkey/Pigmy Goats 8
Dan il-programm qiegħed jitkompla u fejn hemm bżonn qiegħed isir xi meljorament.
Rigward it-toroq, huwa ppjanat li dawn jitranġaw wara li jsiru xi xogħolijiet li hemm bżonn isiru qabel, bħal network tal-computer li x-xogħol fuqu beda, u l-elettriku. Napprezza li l-Onor. Interpellant huwa konxju mill-istat ħażin li tħallew fih it-toroq fil-farm ta' l-għammieri mill-Ministeru li Onor. Interpellant kien responsabbli għalih.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-tunellaġġ tal-produzzjoni lokali tat-tadam għall-industrija f'dak ta' l-għasir matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? X'kien il-prezz għall-bdiewa matul l-istess perijodu u kemm kienet f'ċifra ta' flus, is-somma li l-bdiewa kollettivament irċevew?
Xi prezz garantit u sussidjat se jingħataw dawn il-bdiewa kemm-il darba Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena nfurmat li l-produzzjoni tat-tadam għall-għasir matul dawn l-aħħar ħames snin kienet hekk:
SENA TUNNELLATI
___________________ ______________________
1994 9,045
1995 7,269
1996 10,245
1997 7,335
1998 8,000(Stima)
Il-prezzijiet minimi għall-bdiewa kif stabbiliti mid-Direttur tal- Agrikoltura kienu hekk:
GħALL-PRODUZZJONI TAL-KUNSERVA GħALL-PRODUZZJONI TAL-POLPA U PELAT
_________________________________________ _______________________________
1994 6c/kg 8c/kg
1995 7c/kg 9c/kg
1996 7c/kg 9c/kg
1997 7c/kg 9c/kg
1998 7c/kg 9c/kg
Id-dħul tal-bdiewa kollettivament kien hekk:
1994 LM633,150
1995 LM581,520
1996 LM819,600
1997 LM586,800
1998 LM640,000(St ima)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-organizzazzjoni tas-suq tal-ħxejjex u frott fl-Unjoni Ewropeja, bħala parti mir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni ma hix ibbażata fuq prezz garantit iżda fuq għajnuna diretta lill-għaqdiet tal-bdiewa u lill-għassara li jixtru il-prodott minn għand għaqdiet tal-bdiewa.
Din l-għajnuna tvarja skond l-importanza tal-produzzjoni tat-tadam fil-pajjiżi individwali u għaldaqstant hija suġġetta għal negozjati mall-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropeja. Fuq din il-bażi, il-Gvern ta' kull pajjiż ikun jista jiffissa prezz minimu għall-bdiewa tiegħu. Minħabba l-importanza tal-produzzjoni tat-tadam f'Malta, jiena fiduċjuż li l-għajnuna f'dan is-settur tkun ta' benefiċċju kbir għall-bdiewa Maltin.
B'riferenza għall-perjodu 10 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Ottubru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Għall-ġarr ta' għamara ta' għamara ta' uffiċini fid-dikasteru tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd matul il-perjodu 10 ta' Settembru sal-31 ta' Ottubru 1998, intużaw b'emerġenza l-istess kuntratturi, jiġifieri Borg Brothers tas-Siġġiewi, li kienu ngħataw il-kuntratt mill-amministrazzjoni ta' qabel u bl-istess rata li biha kienu rebħu dak il-kuntratt, jiġifieri LM30 kull vjaġġ. B'kollox dan it-trasport laħaq is-somma ta' LM390.
Barra minn hekk, kien jinħtieġ ukoll ġarr kemm ta' għamara kif ukoll kwantitajiet kbar ta' files u oġġetti anċillari bħalhom minn sular għall-ieħor u minn kamra għall-oħra u dan dam sejjer mill-24 ta' Settembru sa' l-1 ta'Ottubru, 1998. Għal dan is-servizz, il-kuntratturi ngħataw is-somma ta' LM270.