Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli lokali — Talbiet għal twaħħil ta' bozoz

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'talbiet pendenti mill-kunsilli lokali hemm biex jitwaħħlu bozoz fit-toroq tal-lokal tagħhom? Jista' jagħti risposta, raħal b'raħal u jagħti l-isem tat-triq f'kull każ? Kemm hu n-numru totali ta' dawn il-każi? Kemm minn dawn it-talbiet ġew sodisfatti mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

L-informazzjoni mitluba ser tingħata separatament fi tliet dokumenti li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra meta jerġa' jiltaqa' l-Parlament: Wieħed juri t-talbiet magħmula mill-Kunsilli Lokali biex l-Enemata tapprova x-xogħol li jkun sejjer jagħmel il-Kunsill Lokali. It-tieni juri l-lampi nstallati sal-1999. It-tielet juri dawk li ma kinux saru minħabba d-devoluzzjoni u huma mmarkati bħala cancelled.

Investiment mill-Gvern Malti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-valur ta' investiment li għamel il-Gvern Malti permezz ta' l-MDC, il-kumpannija MGI, il-MIMCOL u entitajiet oħra? Kemm minn dan l-investiment sar fl-aħħar sentejn?

Response (GATT, AUSTIN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinsab fl-Appendiċi F ta' Estimi Generali għas-snin 2003 u 2004 u f'Appendiċi I fl-Estimi Ġenerali għas-sena 2005, liema dokumenti diġa ġew mpoġġija fuq il-mejda tal-Kamra.

Fabbriki Ġodda

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11128 u cioe' jgħid kemm mistennija jiftħu fabbriki ġodda għal kumplament ta' din is-sena? Kemm mistennija jimpjegaw ħaddiema? F'liema qasam huma dawn il-fabbriki?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li mill-proġetti li ġew approvati, minbarra dawk li diġa' bdew joperaw, huma mistennija li matul il-bqija tal-2005 jiftħu mill-inqas 27 fabbrika ġdida. Mill-Business Plans sottomessi lill-Malta Enterprise huwa stmat li bejniethom ser jħaddmu madwar 900 persuna fi żmien 3 snin. Dawn il-fabbriki ser ikunu involuti f'dawn is-setturi: Riċerka w żvilupp 1 Għamara u xogħol ta' l-injam 2 Transport equipment 1 Metall 4 Electrical equipment 2 Printing 4 Plastic Injection 3 Food & Beverages 2 Farmacewtika 4 Software development 1 Non metallic 1 Data Management 1 Industrial Laundry 1 ----- 27 -----

WSC/Enemalta — Qtugh tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il meter tad-dawl u l-ilma kellhom is-servizz maqtugħ mill-Enemalta u mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma minħabba li ma tħallsux il-kontijiet tad-dawl u l-ilma fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004? Jista' jgħid xahar b'xahar kemm kienu din is-sena u f'liema lokalitajiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Power Stations — Chlorine/chlorine dioxide

Question

Jista' il-Ministru jirrpovdi breakdown ta' l-ammonti ta' chlorine u chlorine dioxide li ntużaw bħala bioċidi mill-power stations tal-Marsa u Delimara rispettivament matul is-snin 1990 sa l-2004?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li tipikament 26 tunnellati ta' Chlorine kienu jintużaw kull sena mindu bdiet taħdem il-Power station ta' Delimara fl-1992 sa l-aħħar tas-sena tat-2002. Minn Marzu 2003 sa Diċembru 2004 beda jintuża Chlorine Dioxide bir-rata ta' 2.8 tunnellata fis-sena. Fil-power station tal-Marsa bejn l-1990 u Ġunju tal-2000 kienu jintużaw xi 20 tunnellata ta' Chlorine kull sena. Minn Ġunju tal-2000 beda jonqos l-użu tal-Chlorine u bejn l-2001 u nofs ta' l-2004 ma ntuża xejn Chlorine għax kienu qed jiġu ttestjati prodotti oħra. Minn nofs is-sena 2004 il-quddiem beda jintuża xi 13.8 kg ta' Chlorine Dioxide kuljum.

Power Stations — Nitrogen Oxides

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-ammonti ta' nitrogen oxides li ħarġu bħala emissjonijiet mill-power stations tal-Marsa u Delimara rispettivament matul is-snin 1990 sa l-2004?

Response (GATT, AUSTIN)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta jerġa' jiltaqa' l-Parlament.

Power stations — Volatile organic compounds

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-ammonti ta' volatile organic compounds (VOCs) li ħarġu bħala emissjonijiet mill-power stations tal-Marsa u Delimara rispettivament matul is-snin 1990 sa l-2004?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-ammonti ta' volatile organic compounds li joħorġu mill-power station tal-Marsa huma negliġibbli u ma jiġux mkejla.

Delimara: Power Station — Monitoraġġ ambjentali

Question

Jista' il-Ministru jinformana dwar x'monitoraġġ ambjentali qed isir fir-rigward tal-power station f'Delimara?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li ċ-ċmieni tal- power station ta' Delimara huma mgħammra b'apparat li janaliżża l-gas li jkun ħiereġ. Il-gassijiet mkejla huma NOx, SOx, CO, CO2 u O2 u wkoll il-particulates. Hemm wkoll apparat simili fuq il-boilers bħala parti mis-sistema ta' kontroll ta' l-istess boilers fejn il-livell ta' CO, CO2 u O2 jiġi mkejjel biex jiġi ottimiżżat il-proċess tal-ħruq. L-emissions miċ-ċmieni jiġu wkoll iċċekjati perjodikament permezz ta' apparat li jista jinġarr. Emissions għal ġol-baħar wkoll jiġu mkejla perjodikament u kampjuni jintbgħatu fl-laboratorji indipendenti biex jiġu analiżżati.

Delimara: Power station — Flue gas desulphurisation

Question

Jista' il-Ministru jinformana dwar jekk hemmx ħsieb li tiġi mplimentata teknoloġija ta' flue gas desulphurisation (FGD) fir-rigward tal-power station ta' Delimara? Jekk le, jista' jispjega għaliex u x'alternattivi qed jintużaw?

Response (GATT, AUSTIN)

L-ammonti ta' sulphur oxides li tipproduċi power station jistgħu jiġu kontrollati jew billi jintuża żejt li jkun fih ammont inqas ta' sulphur jew billi jiġi mnaddaf il-gas li joħroġ miċ-ċumnija permezz ta' trattament apposta. L-Enemalta temmen li huwa iktar ekonomiku li jiġi evitat il-produzzjoni tal-SOx milli jsiru investimenti sostanzjali f'apparat kapitali biex jitnaddaf il-gas li joħroġ miċ-ċumnija. Għal dan il-għan l-Enemalta diġa qed tuża żejt b'Sulphur content ta' 1%. Barra minn dan ikun hemm spejjez rikorrenti kbar biex titħaddem is-sistema tat-tindif u biex il-prodotti li jibqa jitwarrbu b'mod li ma ssirx ħsara. Apparat tat-tindif irid wkoll spazju sostanzjali u allura ftit li xejn jista' jiġi akkomodoat fil-power stations.

WSC — Drainage section - Ħal Far

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għamlet jew x'inhi tagħmel id-drainage section fi ħdan il-WSC biex twaqqaf il-ħsara kbira li qed issir f'Wied Żnuber Ħal Far mid-drenaġġ li ħiereġ mill-fabbriki? Għaliex dak l-impjant tad-drenaġġ tħalla jitkisser biex inqered u qed ikompli jinqered bid-drenaġġ wieħed mill-isbah widien ta' pajjiżna? X'kumpens se jagħti l-gvern lil wieħed bidwi li sofra danni kbar minħabba dan il-leakage ta' drenaġġ li ilu jfur għal ġol wied għal snin sħaħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li t-Taqsima tas-'Sewerage Master Plan' (SMPU) fi ħdan id-Diviżjoni tax-Xogħolijiet kienet ħarġet żewġ sejħiet għall-offerti għall-bini ta' 'pressure main' u 'pumping station', fi Frar u f'Awissu tas-sena 2003. Dan hu ix-xogħol li hemm bżonn isir biex jinġabar id-drenaġġ fl-inħawi msemmija u ma jibqax jiskula fil-Wied. Il-'pressure main' ta' madwar 2 kilometri tlesta f'Novembru ta' l-2003. Madankollu x-xogħol fuq il-'pumping station' ma setax jipproċedi minħabba li s-sit viċin tal-proġett ġie skedat mill-MEPA bħala 'Special Area of Conservation' f'Settembru tal-2003. Dan minkejja li t-tender għall-bini tal-'pumping station' ingħatat f'Awissu ta' l-istess sena u l-applikazzjoni kienet sottomessa lill-MEPA f'Diċembru tal-2002. Minn Ottubru 2003 'l hawn ir-responsabbilita' ta' dan il-proġett għaddiet għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma. Sussegwentament, il-MEPA talbet lill-KSI tagħmel studju ta' impatt ambjetali li għalih ħarġet talba għall-kwotazzjonijiet. Il-bini tal-'pumping station' ma jistax issir qabel ma jinħareġ il-permess mill-MEPA a bażi ta' l-imsemmi studju. Mill-informazzjoni li għandha l-KSI l-impjant eżisenti nbena fis-snin sebgħin u ftit li xejn, jekk qatt, serva l-għanijiet tiegħu. L-istrutturi tal-impjant illum huma fi stat irreparabbli u jixhdu nuqqas kbir ta' manutenzjoni. Għaldaqstant kienet tkun spiża ħafna akbar li kieku wieħed kellu jerġa' jattiva l-impjant milli jsir il-proġett propost. Il-Korporazzjoni qatt ma kellha talba formali għal xi kumpens minn bdiewa f'dawk l-inħawi.

Air Malta

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10929 u cioe' jgħid x'inhi r-raġuni li filwaqt li l-impjegati ta' l-Air Malta kellhom tnaqqis fis-salarju sabiex jagħmlu tajjeb għat-telf, mhux l-istess fil-każ ta' barrani li għandu salarju fenomenali - in-nazzjonalita' qed tintbagħat separatament - li għadu fil-kariga mingħajr ma nstabet persuna oħra li tista' tagħmel l-istess xogħol b'anqas spejjeż? X'ammont ġie mnaqqas mis-salarju jew allowances ta' l-istess persuna sabiex jagħmlu tajjeb għad-diffikultajiet li l-kumpannija għandha?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat ill l-Onorevoli Interpellant hu skorrett meta jallega li xi mpjegat fl-Air Malta tnaqqaslu s-salarju. Fil-fatt, it-tnaqqis miftiehem mal-Unions kien jaffettwa l-allowances u l-overtime u jiena nfurmat li tnaqqis relattiv sar ukoll fl-allowances tal-"executives" kollha nkluż tal-persuna ndikata mill-Onorevoli Interpellant.

Maltapost — Tqassim ta' ittri

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11121 u cioe': In vista tal-fatt li nbiddlu diversi numri tal-bibien u li dawn f'xi każi għadhom lanqas jidhru fir-reġistru elettorali, jista' il-Ministru jara li jinħarġu struzzjonijiet sabiex ittri li jkunu mingħajr numru tal-bieb jew juru n-numru l-antik, jiġu mqassma xorta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt it-talba tiegħu lill-Maltapost plc.

PBS — Accounts

Question

Jista' il-Ministru jara li titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-PBS accounts għas-sena 2003 u b'hekk aħna d-deputati parlamentari ma jkollniex għalfejn nirrikorru għand ir-registrar of companies?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress illi r-Reġistru tal-Kumpaniji huwa pubbliku u aċċessibli elettronikament, id-Deputati ta' din il-Kamra jistgħu liberament jitolbu kopja ta' l-Accounts ta' liema kumpanija jridu minn għand ir-Reġistratur tal-Kumpaniji.

PBS — Senior posts

Question

Dan l-aħħar il-PBS ħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' ħames senior posts ġodda, jista' il-Ministru jgħid jekk dawn kenux maħsuba fil-pjani oriġinali ta' ristrutturar tal-kumpannija, jew inkella dan sarx bħala after thought kif ġara fil-każ tas-CEO designate? Dawn il-postijiet ġodda mhumiex sejirn jirrendu l-management structure tal-kumpannija top heavy?

Response (GATT, AUSTIN)

Qabel xejn nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-PBS ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet għal mili ta' erba' senior posts u mhux ħamsa kif qed tgħid fil-mistoqsija tiegħek. Ta' min jiċċara li tnejn minn dawn l-applikazzjonijiet huma għal postijiet li għadhom vojta mill-complement tal-Kumpanija u t-tnejn l-oħra huma postijiet ġodda. Żgur li l-Onor. Interpellant jifhem li huwa l-obbligu ta' kull kumpanija li kontinwament tevalwa l-operat tagħha u tieħu l-passi meħtieġa biex iżżid l-effiċjenza u ttejjeb il-performance. F'dan il-każ, il-PBS, wara l-eżerċizzju tar-ristrutturar ħasset il-ħtieġa biex issaħħaħ dawk id-dipartimenti fejn tqis li dawn għandhom bżonn iżjed għajnuna biex iżidu l-performance tagħhom. Għalhekk għamlet sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtlew senior posts fejn il-Kumpanija tqis li huma meħtieġa. L-Onorevoli Interpellant għandu jiftakar li f'Jannar 2000 din l-organiżżazzjoni kellha 26 Manager, jew 7 impjegati għal kull manager. Illum din l-organiżżazzjoni li għandha 7 Managers jew 9 impjegati għal kull manager. Jekk kif donnu qed jaghmel l-Onor. Interpellant, wieħed irid jissuġġerixxi li l-PBS illum hi top heavy żgur li llum hi anqas top heavy milli kienet sa ftit ilu.

MOBC — CEO

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11349 u cioe' jgħid il-kuntratt tas-CEO tal-MOBC meta kellu jiskadi? Huwa minnu li dan ingħata kumpens talli ġie mġiegħel jitlaq qabel iż-żmien? Kemm kienet is-somma involuta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-kuntratt tax-xogħol tac-CEO kien wieħed indefinit. Ic-CEO ħa 'terminal benefits' skond it-termini tal-kuntratt ta' xogħol li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra meta jerġa' jiltaqa l-Parlament.

Bighi — Ċentru tar-restawr

Question

Jista' il-Ministru jispjega l-aġir tal-bord taċ-ċentru tar-restawr f'Bighi li ġimgħatejn biss qabel ma jiġi xolt il-bord ħareġ call for applications għal pożizzjoni ta' direttur tal-laboratorji? Jaqbel il-Ministru li dan l-aġir tal-bord mhux etiku? Jikkonferma l-Ministru li din l-applikazzjoni missha ħarġet minn Heritage Malta? Jista' jispjega wkoll kif f'din il-call for applications hemm klawsola bil-kundizzjoni li l-applikant għandu jkollu esperjenza ta' għaxar snin fir-restawr tal-ġebla? Jista' ukoll jgħid jekk din hijiex l-ewwel darba fl-istorja li hemm klawsola li titlob esperjenza daqshekk fit-tul? Jaqbel il-Ministru li b'dan il-mod il-bord qiegħed iċaħħad nies b'ideat ġodda milli japplikaw u b'hekk inkomplu nirripetu l-istess żbalji tal-passat?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Enemalta — Bord tad-diretturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid min kienu l-membri tal-bord tad-diretturi ta' l-Enemalta kull sena mill-bidu ta' l-2003 sal-lum? Kemm-il darba ltaqa' il-bord ta' l-Enemalta tul dan il-perjodu? X'kienet l-attendenza ta' kull membru tal-bord f'kull laqgħa tul dan il-perjodu? X'allowances u perks oħra jirċievu l-membri tal-bord ta' l-Enemalta? Jista' jgħid xi ħlasijiet saru lil kull membru tal-bord f'allowances u perks mill-bidu ta' l-2003 sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta jerġa' jiltaqa' l-Parlament.

Ħin tas-sajf — Enerġija elettrika

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 8628, jista' il-Ministru jgħid għaliex aħna ma nistgħux nagħtu din l-informazzjoni meta pajjiżi oħra ħafna akbar minna għandhom din l-informazzjoni aċċessibbli?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta — Kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11081 u cioe' jara, stante li l-uffiċjali nkarigati daparti ta' l-Enemalta mhux qegħdin joffru l-ebda spjega suffiċjenti, x'inhi r-raġuni li l-kont tal-persuna anzjana - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - qiegħed ta' kull darba jkun eżorbitanti avolja m'għandhom l-ebda element li jistgħu jikkontribwixxu għal tali kont?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li wara li saru l-investigazzjonijiet neċessarji rriżulta li l-meter ta' l-ilma irreġistra konsum eċċessiv minħabba arja li daħlet fis-sistema meta kien qed isir xogħol fiha viċin tal-post. Din mhux ħaġa normali iżda setgħet ġrat f'dan il-każ minħabba l-pożizzjoni għolja tal-meter f'tarf is-sistema. Il-kont ta' l-ilma kien rivedut u l-konsumatur kien informat. Jiena nfurmat ukoll illi rigwardanti l-kont tad-dawl, ma jidhirx li kien hemm xi varjazzjonijiet fil-konsum meta mqabbel ma' l-average ta' l-istess dar f'dawn l-aħħar disa' snin.

WSC

Question

Jista' il-Ministru jagħti tweġiba għal mistoqsija parlamentari 11110 u cioe' fil-konfront tal-persuna hemm indikata, wara li fallew il-mezzi ordinarji, jinvestiga l-istess stante illi mill-istess dokumenti annessi jidher li dawn ma jirriflettux l-użu għall-istess?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jekk jogħġbu ikun iżjed ċar u dirett fil-mistoqsija tiegħu ħalli nkun nista' nwieġbu sew.