Legislature:
Category:
Reset
Active:

Klieb kbar b'sarima

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux jikkonsidra li klieb ta' ċertu daqs għandhom jibdew jintlibsu sarima meta jkunu barra ma' sidhom? Jekk iva, x'tip ta' klieb se jkollhom jilbsuha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi diġa' hemm provvedimenti fir-Regolamenti dwar il-Kontroll tal-Klieb, li jekk persuna tkun taf jew tissuspetta li l-kelb li jkun taħt il-kontroll tagħha huwa temperamentali jew perikoluż jew jista' jweġġa' lil xi persuna, dik il-persuna għandha tara li l-kelb jintlibes sarima f'kull ħin f'kull post pubbliku. L-istess Regolamenti jipprovdu wkoll li ebda persuna li jkollha xi kelb taħt il-kontroll tagħha ma għandha tħalli li dak il-kelb jiġġerra u meta dak il-kelb jittieħed f'xi triq, għandu jinżamm b'ċinga, ħlief meta kelb jintuża għall-kaċċa, f'dak iż-żmien u f'dak il-post fejn il-kaċċa tkun permessa.

Maġistrat Carol Peralta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm inkjesti pendenti quddiem il-Maġistrat Carol Peralta meta dan assuma kariga ta' imħallef fl-esteru? In oltre jista' jispjega u jagħti dettalji kif ġew imqassma dawn l-inkjesti, fis-sens ta' kemm ġew mogħtija minn dawn l-inkjesti lill-maġistrati partikolari u jingħata l-ammont? Jista' jgħid u jagħti tagħrif, kemm minn dawn l-inkjesti ġew konklużi, maġistrat maġistrat? Jista' jgħid kemm daħlu inkjesti bejn l-1 ta' Jannar, 2005 u l-1 ta' Ġunju, 2005? Jista' jgħid lil min ġew assenjati? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-inkjesti ġew konklużi u kemm għadhom pendenti u jindika l-maġistrati rispettivi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi meta l-Maġistrat Dr C. Peralta ma baqax iżomm seduti f'Malta instab li kien hemm 283 inkjesta pendenti. Dawn tqassmu bejn diversi Maġistrati. Tlett inkjesti kienu dwar materja f'Għawdex. Qed tinġabar informazzjoni dwar it-tieni parti tad-domanda u ċioe` kemm inqatgħu minn dawn l-inkjesti, għalkemm wieħed għandu dejjem iżomm f'moħħu li proprjament dawn l-inkjesti ma jinqatgħux fis-sens ta' kawża, u meta l-Maġistrat li jkun it-titolari ta' l-inkjesta jibgħatha lill-Avukat Ġenerali, dan jista' dejjem jibgħatha lura lill-istess Maġistrat biex titkompla l-investigazzjoni. Ghalhekk l-informazzjoni li tista' tingħata hija ta' kemm minn dawn l-inkjesti ingħalqu għall-ewwel darba u intbagħtu lill-Avukat Ġenerali. Infurmat ukoll illi bejn l-1 ta' Jannar, 2005 u l-1 ta' Ġunju, 2005 ġew reġistrati 677 inkjesta fir-Reġistru tal-Qrati tal-Maġistrati (Malta). Għar-rigward ta' l-informazzjoni l-oħra li ġiet mitluba mill-Onor. Interpellant, din qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Ħamrija fuq biċċa art

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 12001 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura u mistoqsija parlamentari l2818 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-ħamrija li kellha tintefa' b'enforcement action mid-dipartiment ta' l-artijiet fil-fatt titpoġġa għax minn ritratt li qed jiġi mehmuż ma' din il-mistoqsija jidher li għadu ma sar xejn?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa` ġie spjegat fir-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12718, peress li l-inkwilin baqa` ma beniex il-ħitan li kienu jeżistu u ma ipprestinax il-ħamrija għall-istat oriġinali, il-kirja mhux ser tiġi mġedda wara l-iskadenza tas-sitt xhur kurrenti, jiġifieri wara t-30 ta' dan ix-xahar.

Ħaż-Żebbuġ — Kunsill lokali - impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12742, peress li r-riferenza hija għal ħlas ta' salarji (ta' Novembru 2004) tard lill-impjegati tal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, li jista' jikkostitwixxi abbuż ta' poter min-naħa ta' l-ex sindku, li ma ffirmax iċ-ċekkijiet biex joħloq pressjoni fuq l-impjegati biex joħorġu pagamenti rregolari, ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li d-dipartiment tal-kunsilli lokali għandu jinvestiga dan il-każ? Jista' jgħid jekk dan ir-rapport hux qed jasal għand id-dipartiment għall-ewwel darba?

Response (BORG, TONIO)

Irreferejt il-kwestjoni lid-Dipartiment għall-investigazzjoni.

Pulizija — Sun block

Question

Peress li l-pulizija jagħmlu ħafna ħin barra fix-xemx, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-korp iforni sun block ta' SPF adegwat biex il-pulizija jiġu protetti mill-effetti ħżiena tax-xemx?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija, li minħabba n-natura tax-xogħol assenjat lilhom ikunu meħtieġa jqattgħu ħin twil fix-xemx u ma jkunux jistgħu jilbsu l-uniformi normali, li minnha nnifisha hija ta' protezzjoni kontra x-xemx, bħal ma huma l-membri ta' l-Administrative Law Enforcement Section li jagħmlu xogħol fuq il-baħar, qed jingħataw sun block.

Pulizija — Membri li għandhom specialisation allowance

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm membri fil-korp tal-pulizija li għandhom specialisation allowance? Jista' jgħid liema huma dawk is-sezzjonijiet li għandhom special duty allowance u/jew specialisation allowance?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 351 membru tal-Korp tal-Pulizija li jieħdu l-special duty allowance. Dawn il-membri tal-Korp huma stazzjonati fis-sezzjonijiet ta' l-Investigazzjoni Kriminali, Special Branch, Prosecutions Unit, Internal Affairs, Special Assignment Group, il-Ħabs u fit-Taqsima tal-Forensika, esklużi dawk il-Pulizija li jagħmlu xogħol ta' natura klerikali.

Ħaż-Żebbuġ — Kunsill lokali - bdil ta' bozoz

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12744, peres li r-rapport li għandi huwa dwar xogħol ta' bdil ta' bozoz mill-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, Malta b'direct order, peres li jidher illi x-xogħol ġie mogħti mis-sindku minn wara dahar il-kunsill u allura kien hawn nuqqas ta' osservaza tal-proċeduri finanzjarji stabbiliti, u peress li l-kunsill lokali huwa awtonomu u mhux indipendenti, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li d-dipartiment tal-kunsilli lokali għallinqas jinvestiga?

Response (BORG, TONIO)

Irreferejt il-kwestjoni lid-Dipartiment għall-investigazzjoni.

Belt Valletta — Permess għal cafetteria

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-cafetteria li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għandhiex permess biex tarma s-siġġijiet għall-klijenti barra fl-entratura ta' l-arcade? Jekk iva, jista' ipoġġi l-permess fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-cafetteria li qiegħed jagħmel referenza għaliha l-Onorevoli Membru għandha żewġ permessi biex tarma s-siġġijiet għall-klijenti barra fl-entratura tal-arcades. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taż-żewġ permessi.

Paceville — Tfal taħt is-16-il sena

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindaga għalfejn tfal taħt is-16-il sena anke 12-il sena qed jitħallew jidħlu fid-discos u l-ħwienet tax-xorb u jingħataw xorb u sigaretti bl-addoċċ, speċjalment f'Paceville?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment qed tagħmel u ser tkompli tagħmel spezzjonijiet ġewwa postijiet ta' divertiment u ħwienet tax-xorb, partikolarment ġewwa Paceville, sabiex kemm jista' jkun ma jkunx hemm abbużi. Fil-fatt matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena, tressqu quddiem il-Qorti 8 persuni responsabbli minn postijiet ta' divertiment, wara li kienu instabu 17-il persuna taħt l-eta' ta' sittax-il sena, f'postijiet ta' divertiment ġewwa Paceville.

Pulizija — Permessi għal bouncers

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid biex pulizija jaħdem bħala persuna tas-sigurta' - magħrufa bħala bouncers - anke meta jkun bil-frank iridx permess mill-kummissarju tal-pulizija? Jekk iva, kemm hemm membri tal-korp li talbu permess u kemm ingħataw? Inqabdu xi pulizija li kienu qed jaħdmu ta' persuni tas-sigurta' mingħajr permess? X'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mhux permess li membri tal-Korp tal-Pulizija jaħdmu bħala bouncers. Ninsab infurmat ukoll li komplessivament kien hemm tmien (8) membri tal-Korp li kienu qed jagħmlu xogħol ta' bouncer bejn l-2000 u l-2005. Fil-każijiet kollha ttieħdu proċeduri dixxiplinarji kontra l-membri tal-Korp involuti.

Ħaż-Żebbuġ — Sqaq il-Qenċ

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jew jiċħad jekk xogħol fuq Sqaq il-Qenċ, Ħaż-Żebbuġ fil-fatt sarx mill-bdiewa b'materjal provdut mill-kunsill lokali jew inkella minn kuntrattur privat? Fil-fatt sar xi ħlas lill-kuntrattur privat?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat pero' dan l-ilment ser jiġi investigat mid-dipartiment tal-Gvern Lokali.

Ħaż-Żebbuġ — Kunsill lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jew jiċħad li impjegati tal-Malta drydocks assenjati mal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ tqabbdu jibnu ħajt tas-sejjieħ li huwa tal-privat?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat pero' dan l-ilment ser jiġi investigat mid-dipartiment tal-Gvern Lokali.

Ħruġ ta' Visas

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12374, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sal-lum, ħmistax wara, itteħdux id-deċiżjonijiet riferuti fit-tweġiba u jekk dawn ġewx ikkomunikati lill-persuni interessati?

Response (BORG, TONIO)

It-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12374, għadha tgħodd.

Pulizija — Persuni akkużati b'white slave traffic

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti akkużati b'white slave traffic għal skopijiet ta' prostituzzjoni sena b'sena, f'dawn l-aħħar tlett snin u x'weħlu wieħed wieħed separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuni mressqa l-Qorti mill-Pulizija fuq akkużi ta’ tlajjar għal skop ta’ prostituzzjoni tul dawn l-aħħar tlett snin, sal-31 ta’ Mejju 2005, huwa kif jidher hawn taħt: 200320042005 Numru ta’ persuni467334 Numru ta’ każi14125190 Is-sentenzi mogħtija kienu jinkludu priġunerija, sentenza sospiża, multa u twiddiba.

Ġustizzja u Intern — Diretturi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12690, niċċara li qed nirriferi għal diretturi fis-servizz pubbliku, għal ri-appointments li saru din is-sena u għal dawk li ma ġewx riappuntati din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul din is-sena ma kien hemm l-ebda ħtieġa li Diretturi jiġi riappuntati fil-kariga tagħhom fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern. Kien hemm Direttur wieħed, dak dwar Finanzi u Amministrazzjoni (Qrati), li ma ġiex riappuntat.

Immigranti Irregolari

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm waslu Malta immigranti irregolari mill-1999 sa l-aħħar ta' Mejju 2005, sena b'sena? Minn liema pajjiżi waslu? Kemm hu l-persentaġġ ta' dawn l-immigranti irregolari mal-popolazzjoni Maltija?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10251, ninsab infurmat illi matul din is-sena, sa l-aħħar ta' Mejju, kienu waslu 206. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi dan it-tagħrif mhux disponibbli għand il-Pulizija.

Immigranti Irregolari

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm saru talbiet minn immigranti irregolari biex jiġu kkunsidrati għall-istatus ta' refuġjati? Kemm minnhom ġew proċessati u kemm minnhom intlaqgħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li applikaw quddiem l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati għal rikonoxximent ta' status ta' refuġjat mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Mejju 2005 kien ta' 2,533. Minn dawn kien hemm 151 persuna li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati, waqt li 1,317 persuna ngħataw protezzjoni umanitarja. In-numru ta' dawk li għandhom protezzjoni umanitarja jinkludi 80 persuna li l-protezzjoni li għandhom hija proviżorja u li l-applikazzjoni tagħhom għal status ta' refuġjat għad trid titkompla. Kien hemm ukoll 890 persuna li l-applikazzjoni tagħhom ġiet rifjutata, u 64 persuna li rtiraw l-applikazzjoni tagħhom.