Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga u jirrimedja għat-telqa li hemm fl-inħawi Taz-Zokkrija, l-Mosta?
Jista' jinformana għaliex f'Binja Bidnija Esperanza, fiz-Zokkrija, il-Mosta, hemm żewġ ground floor flats vojta bla bibien tant li spiċċaw jintużaw bħala latrina b'detriment li jikkawża inkonvenjent lir-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li l-ilment fl-ewwel parti tal-Mistoqsija jikkonċerna l-Kunsill Lokali, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li m'hemm ebda ground floor flat miftuħ fil-Binja ndikata. Iżda jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-ħwienet enumerati l sa 5, dawn huma mikrija lill-Kunsill Lokali tal-Mosta għall-perijodu ta' għaxar snin b'seħħ mill-21 ta' Ottubru 1999.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26096?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-każ tal-persuna konċernata m'hux pendenti iżda ġie deċiż skond il-proċeduri stabbiliti fil-ftehim kollettiv. Il-persuna irriżenjat fil-21 ta' Ottubru 2000, wara li l-proceduri tlestew.
Jista' l-viċi Prim Ministru jgħid jekk qatt sarx studju dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li preżentement qed joffru industriji u kumpanniji konnessi mal-bini?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li għalkemm ma sarx studju dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li preżentement qed joffru industriji u kumpaniji konnessi mal-bini, uffiċċjali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg jagħmlu spezzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol biex jaraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema relatati max-xogħol tal-bini huma konformi mal-liġi.
Barra minn dan, saru diskussjonijiet dettaljati bejn l-ETC u l-FOBC dwar dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed tingħata marki baxxi din is-sena meta applikat għand l-awtorita' tad-djar għall-akkomodazzjoni soċjali meta għandha tifla b'diżabilita' u toqgħod f'post żgur mhux adegwat? Kif jista' jkun li dawn il-marki huma iżjed baxxi minn qabel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-familja li għamel referenza għaliha l-Onor.Interpellant applikat għal appartament taħt Avviż Numru 65. Skond dan l-avviż, l-Awtorita' tad-Djar ippubblikat listi provviżorji ta' l-applikazzjonijiet validi u nvalidi u jekk l-applikant ma jaqbilx ma' l-informazzjoni ppubblikata jista' joġġezzjona bil-miktub lill-Bord ta' l-Appelli ta' l-istess Awtorita'. Infurmat ukoll li l-familja in kwistjoni oġġezzjonat u l-każ qiegħed għall-kunsiderazzjoni ta' l-imsemmi Bord.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk daħlux applikazzjonijiet ġodda għat-twaqqif ta' koperattivi b'ħames membri fundaturi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanti li għalkemm kien hemm diversi mistoqsijiet mill-pubbliku in-ġenerali dwar il-possibilta' ta' twaqqif ta' koperattivi b'ħames fundaturi, l-emendi fil-liġi għad iridu jkunu approvati mill-Parlament.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mara li kienet taħdem għal madwar 6 snin qabel u wara li sseparat fl-1988 tistax tapplika biex toħroġ boarded out peress illi qegħdha ssoffri minn kundizzjoni li ma tippermettilhiex li taħdem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Mistoqsija Parlamentari m'hemmx biżżejjed informazzjoni biex id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jkun f'pożizzjoni li jistabbilixxi jekk il-persuna konċernata għandiex dritt għall-pensjoni ta' l-Invalidita'.
Għaldaqstant l-Onor. Interpellant huwa mitlub li jikkuntattja lid-Direttur tas-Sigurta' Soċjali biex il-persuna konċernata tagħmel appuntament ma xi uffiċċjal tat-Taqsima tal-Pensjonijiet biex il-każ tagħha jiġi trattat personalment.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li d-dipartiment tal-housing jagħmel upgrading fil-madwar tal-flats Taz-Zokkrija, il-Mosta, partikolarment b'dawl adekwat u tranġar tal-madum maqlugħ li hu perikoluż għar-residenti, partikolarment t-tfal u l-anzjani? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li x-xogħol indikat hu responsabbilta' tal-Kunsill Lokali, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid, għar-rigward tad-Dipartiment Manutenzjoni u Kostruzzjoni, hemmx individwi min barra d-Dipartiment li ġew mitluba jew qegħdin jiġi mitluba jipprestaw is-servizzi tgħhom lid-Dipartiment? Jekk fl-affermattiv, min huma, x' renumerazzjoni qegħdin jirċievu u x'inhi r-raġuni għal din it-talba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment indikat mill-Onor. Interpellant, bħal kull dipartiment ieħor, jitlob servizzi/xogholijiet biex ikun jista' jaqdi l-funzjonijiet tiegħu b'mod effettiv. Billi mhux is-servizzi/xogħolijiet kollha huma ta' natura kontinwa r-remunerazzjoni ma tkunx dejjem b'rata fissa. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fid-dawl ta' dak li għadni kif spjegajt.
Jista' l-Ministru jgħid peress li l-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament ma kienx ġie allokat dan l-appartament minħabba xi problemi li kienu rriżultaw, u issa li l-eta' għaffsitu, jeħtieġ li jsib appartament bla turġien, jista' jinvestiga l-possibilita li jsib xi soluzzjoni? Minħabba li l-persuna hija marida serjament, jista' jara li l-arranġamenti jsiru fl-affermattiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-persuna ndikata ma għandhiex applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' d-dipartiment tal-housing jara li jwettaq xogħol ta' upgrading fl-inħawi taz-Zokkrija l-Mosta u jinkludi l-bini ta' ħajt tas-sejjieħ li hemm imġarraf fi Triq il-Biedja? Peress li l-ħamrija qed tinżel fit-triq, jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi immedjatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li x-xogħol indikat jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni li għar-riġward tad-Dipartiment Manutenzjoni u Kostruzzjoni, il-persuna li isimh qed jintbagħat separatament jibqa jibbenefika min overtime b'mod kontinwu filwaqt li ħaddiema oħra le?
X'inhu x-xogħol li tagħmel din il-persuna?
Għalfejn dan dejjem jidħol is-Sibt?
Kemm irċieva flus f'overtime tul dan l-aħħar sentejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni li għandu l-Onor. Interpellant hi żbaljata fis-sens li din il-persuna mhijiex impjegata tad-Dipartiment iżda tagħti servizz lid-Dipartiment. Għalhekk, mhux veru li qed titħallas xi 'overtime'.
Jista' l-Ministru jgħid għar-rigward tal-ħaddiema li kienu impressed mad-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Kostruzzjoni, jista' l-Ministru jgħid:
1) dawn ġewx tal-post;
2) min meta dawn saru hekk tal-post;
3) kemm kien hemm tali li ġew tal-post
4) x'inhu r-rwol tagħhom u x'responsabilita' ġew mgħotija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li:
1) Iva l-impressed ġew tal-post;
2) Dawn saru tal-post mill-1 ta' Ottubru 2000;
3) Kien hemm 3 xufiera li ġew tal-post;
4) Ir-rwol tagħhom apparti minn dak ta' xufiera jinkludi x-xogħol ta' messaġġiera bħal teħid ta' korrispondenza bl-idejn, tqassim ta' files fl-uffiċċju, eċċ.
Meta d-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Kostruzzjoni jiġi biex jassenja l-overtime, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji applikabbli sabiex jiġi deċiż min jieħu overtime u min ma jidħolx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li fid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar bħalissa l-ammont ta' overtime huwa limitat ħafna. Fil-fatt apparti minn xi section heads, l-uniku overtime qed jinħadem mill-iskrivani fis-segretarjat tad-Direttur. Ħaddiema oħra (l-aktar tekniċi) li jkollhom joqgħodu wara l-ħin fuq xogħol ta' superviżjoni ta' xogħolijiet jingħataw time-off in lieu flok overtime.
Jista' l-Ministru jgħid, għar-rigward tad-Dipartiment Manutenzjoni u Kostruzzjoni, kemm kienu l-okkazjonijiet fejn segretarji rraportaw għax-xogħol, overtime, fil-jum tas-Sibt? X'kienet ir-raġuni u min kienu dawn is-segretarji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kienu tmienja l-okkażjonijiet li fihom tnejn mis-segretarji rrapurtaw għax-xogħol "overtime" fil-jum tas-Sibt. Huma daħlu biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-volum konsiderevoli ta' xogħol li għandu d-Dipartiment.
Jista' l-Ministru għar-rigward tad-Dipartiment ta' Manutenzjoni u Kostruzzjoni jgħid
1) kemm inxtraw telecards għall-mobile phones
2) kemm kien il-valur fi flus għall-istess f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nxtraw 26 telecard bil-valur ta' Lm10-il waħda. Dawn it-telecards kollha nxtraw fl-2000 u l-2001.
Għar-rigward tad-Dipartiment Manutenzjoni u Kostruzzjoni, jista' l-Ministru jgħid
1) Kemm għandu segretarji miegħu
2) Kif inhuma mqassma r-responsabilitajiet tagħhom?
3) Min huma l-uffiċjali li taħthom jaqgħu dawn ir-repetorji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fid-Dipartiment indikat fil-Mistoqsija, s-segretarjat tad-Direttur hu magħmul minn uffiċċjal eżekuttiv, erba' skrivani (waħda casual) u uffiċċjal tekniku.
L-ismijiet u r-responsabbiltajiet rispettivi ta' dawn il-persuni huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-anzjana li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament issirilha reserved parking għax ilha li applikat mill-bidu ta' Marzu 2001 u għadha bla risposta?
Tista' din l-anzjana tiġi nformati bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fl-aħħar ta' Ġunju 2001, il-Bord tal-Kummissjoni li jeżamina applikazzjonijiet għal reserved parking bagħat rakkomandazzjoni pożittiva lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku dwar l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant.
Applikazzjonijiet ta' dan it-tip jieħdu ċertu tul ta' żmien biex jiġu proċessati primarjament għax il-Kummissjoni obbligata tikkonsulta mal-Kunsill Lokali konċernat qabel tibgħat ir-rakkomandazzjoni tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li d-dipartiment tat-tiswija u bini ta' djar jara li jitneħħa l-periklu li taqa' biċċa kbira minn gallerija li hemm fi blok A Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla, fil-faċċata tal-blokk, liema gallerija tiġi fuq il-gallerija tal-club ta' St Georges li dejjem ikun hemm in-nies fiha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25368, jista' l-Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-gvern li jonforma, dwar il-pożizzjoni tal-kontijiet finanzjarji ta' l-entitajiet governattivi; (3) biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Ma jaħsibx il-Ministru li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż?
Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala mhijiex tingħata meta din hija informazzjoni importanti u tikkonċerna infiq pubbliku u għaldaqstant għandu dritt għaliha?
(PQ waslet 29/5/2001)
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25815.
Għalkemm is-suġġett taż-żewġ Mistoqsijiet huwa differenti, il-paramentri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f'dik it-Tweġiba tgħodd ukoll għal din.