Legislature:
Category:
Reset
Active:

Istitut San Ġużepp — Pitch tal-ground

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien ix-xogħol tal-gvern fl-irranġar ta' wiċċ il-pitch tal-ground ta' l-istitut ta' San Ġużepp, Santa Venera u kemm sewa dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport m'għamel l-ebda xogħol fuq il-wiċċ tal-ground ta' Sta. Venera. Fil-fatt ma kien hemm talba għall-ebda xogħol.

Universita' — Degrees

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Universita' ta' Malta hijiex l-unika istituzzjoni li għandha l-fakulta' u s-saħħa legali li tagħti degrees lill-istudenti universitarji? Jista' ukoll jgħid jekk hemmx talbiet minn universitajiet barranin sabiex joperaw lokalment filwaqt li jkollhom id-dritt legali li joħorġu/jagħtu degrees lill-istudenti? F'każ li ssir tali talba, jista' il-Ministru jgħid xi tkun il-pożizzjoni tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni? F'każ li r-risposta hi li l-Universita' ta' Malta għandha dritt esklussiv, jaħseb li din il-policy tmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għal diversi snin kellna istituzzjonijiet edukattivi privati ta' livell ta' edukazzjoni ogħla li, jew bi programmi tagħhom jew flimkien ma' Universitajiet jew Kulleġġi oħra barranin, offrew korsijiet li jwasslu għal degree jew diploma. L-awtoritajiet kompetenti edukattivi fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jistgħu biss jirregolaw kondizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-liċenzja ta' skola. Il-kwestjoni tar-rikonoxximent tad-degree jew diploma hi materja trattata taħt il-liġi apposta u l-liġi dwar l-edukazzjoni li tagħti ċertu mansjoni lis-Senat ta' l-Universita'. Sakemm jiġu osservati standards edukattivi aċċettabbli fuq livell ewropew kif ukoll il-kondizzjonijiet stabbiliti għaż-żamma ta' skola m'għandu jkun ebda xkiel biex universita' barranija topera lokalment. Kull każ jiġi trattat fuq il-merti tiegħu.

Persuni gradwati — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' il-Minsitru jgħid kemm hawn gradwati llum jirreġistraw għax-xogħol u x'tip ta' degree għandhom? Jista' jagħti informazzjoni ta kemm hawn gradwati jaħdmu llum u jagħti breakdown tad-degree li għandhom? Kemm hawn gradwati jagħmlu xogħol li mhux konness mad-degree li għandhom? X'tip ta' degree għandhom u x'qed jagħmlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fi Frar 2005 kien hemm 74 persuni gradwati li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol. Lista tad-degree tagħhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat ukoll li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma' tiġborx statistika ta' kemm hemm gradwati jaħdmu.

Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — Telefonati fuq mobile/użu ta' faxes

Question

Jista' il-Minsitru jgħid x'restrizzjonijiet iddaħlu fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni fejn jidħlu telefonati fuq mobile u l-użu tal-faxes? Meta ddaħlu dawn ir-restrizzjonijiet? Jista' jgħid jekk f'xi direttorati hux qed ikun hemm xi diffikultajiet fil-qadi ta' dmirijiethom? Jista' jgħid ukoll jekk dawn ir-restrizzjonijiet iddaħlux ukoll fil-ministeru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-PABX qadima ġiet mibdula ma' sistema telefonika moderna diġitali li tipprovdi iktar sigurta' u effiċjenza f'dik li hija kommunikazzjoni imma, fl-istess waqt, tinħtieġ inqas manutenzjoni. B'dan il-mod tnaqqsu numru ta' linji diretti sew fil-Ministeru kif ukoll fid-Diviżjoni, li ġew ikkonvertiti f'numru direct dialling u b'hekk qed jiġu frankati il-flus f'kirjiet ta' linji diretti. L-Onor. Membru japprezza li seta' kien hemm xi problemi żgħar sakemm saret din il-bidla u s-sistema l-ġdida tindara. Fiż-żmien li ġej ser ikun hemm aktar kontroll fuq l-użu ta' dan is-servizz biex jiġi assigurat il-qadi tad-dmirijiet ta' l-impjegati bl-aħjar mod effettiv fejn jidħlu spejjeż.

Fondazzjoni għall-Iskejjel t'għada — Pieta - Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada se twettaq numru ta' proġetti li ilhom jiġu mwiegħda fl-iskola primarja ta' Tal-Pieta', bħal play area għall-kindergarten, soqfa minfejn qed jidħol l-ilma u xi barrieri li kienu ġew mitluba għas-sigurta'?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf l-Onor. Membru diġa sar ħafna xogħol siewi f'din l-iskola. Ix-xogħol li qed jiġi imħejji huwa dwar il-kindergarten play area li jkun jista' jinbeda hekk kif l-FTS tlesti l-pjanijiet għalih u skond il-prioritajiet fix-xogħol li qed issegwi.

Santa Venera — Skola San Franġisk

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn meta fl-iskola San Franġisk t'Assisi ta' Santa Venera, għal xi raġuni jew oħra, m'hemmx għalliem ta' l-istorja u dan issa għal numru ta' xhur?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema ta' l-istorja kienet fuq ċertifikat mediku u minħabba raġunijiet ta' saħħa kienet temporanjament trasferita. Informat ukoll li l-lezzjonijiet tagħha ttieħdu minn għalliema oħra.

Edukazzjoni — Servizz ta' psychological service

Question

Jista' il-Ministru jara li t-tifel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jiġi pprovdut b'psychological service, peress li minkejja t-talba li saret għal dan is-servizz, skond dokumentazzjoni annessa separatament, dan baqa' ma ngħatax?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li appuntament ġie mogħti għal nhar it-Tnejn li għaddew, 9 ta' Mejju 2005, biex l-omm tkun tista' tgħarraf bil-każ tagħha lill-iSchool Psychological Service. L-omm ġiet mgħarrfa b'dan l-appuntament bil-posta billi kuntatti bit-telefon ma rnexxewx.

Neptunes waterpolo and swimming club

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk għadux fis-seħħ il-ftehim man-Neptunes waterpolo and swimming club? Jista' jgħid ukoll kemm tħallsu n-Neptunes waterpolo and swimming club talli sar użu mill-pixxina tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ftehim mal-Neptunes Waterpolo and Swimming Club kien ikopri l-perjodu Jannar sa l-aħħar ta' Marzu, 2005. Informat ukoll li l-ħlas lill-klabb kien direttament għax-xiri ta' fuel li jammonta għal Lm1,557 fil-ġimgħa.

Kumitat Olimpiku Malti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kumitat olimpiku Malti hux se jibgħat persuni li m'għandhomx liċenzja ta' l-isparar jirrappreżentaw lill-pajjiżna f'kompetizzjonijiet lokali jew internazzjonali bħalma diġa' għamlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi għat-Tweġiba numru 11862.

Institute of Health Care — Tobba

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm spiċċaw gradwati bħala tobba u/jew oħra mill-Institute of Health Care f'dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm minn dawn qed jaħdmu Malta illum f'kull grad?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-ebda tabib ma qatt ggradwa mill-Institute of Health Care, nitlob l-Onor. Membru jiċċara l-Mistoqsija.

FTS — Impjegati

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari 10106, jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li ma jagħtix informazzjoni marbuta ma' fondazzjoni li għandha fondi allokati mill-Parlament?

Response (GALEA, LOUIS)

Ir-raġunijiet ta' policy huma ta' natura relatata mal-protezzjoni ta' informazzjoni dwar persuni. Inżid ngħid li s-sekondimenti ta' l-impjegati konċernati sar skond il-policy stabbilita u li jien personalment lanqas biss kelli ħjiel tiegħu qabel saret il-Mistoqsija numru 10106. F'każ li hemm xi ħaġa speċifika li l-Onor. Membru jaħseb li għandha tiġi investigata jinformani biex jittieħdu l-passi meħtieġa.

Skejjel — Manutenzjoni

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 11386, jista' il-Ministru jgħid fejn se jsir xogħol ta' manutenzjoni fl-iskejjel kull fejn hemm bżonn? Kemm hemm flus ivvotati għal manutenzjoni msemmija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li xogħol ta' manutenzjoni hu xogħol regolari li jsir fl-iskejjel kollha minn żmien għal żmien u kull meta hemm bżonn u fil-limiti tal-ħin disponnibli. Informat ukoll li l-flus ivvutati għal manutenzjoni ordinarja amministrata mill-iskejjel jammontaw għal Lm196,000.

Ministeru ta' l-edukazzjoni — Sezzjoni żgħażagħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi għas-sezzjoni żgħażagħ fi ħdan il-ministeru ta' l-edukazzjoni? In oltre, jista' jgħid kemm hemm impjegati ma' din is-sezzjoni u jekk hemmx xi ħsieb li jiġu mpjegati oħrajn? Hemm intenzjoni jew pjanijiet biex jiġu mpjegati youth workers?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-fondi li ġew allokati huma ta' Lm197,550 kif jidher fl-estimi ta' 2005 u approvati mill-Kamra tad-Deputati f'Novembru 2004. Hemm żewġ impjegati bħalissa u ser jittieħdu passi biex il-kumplament ta' l-istaff jiżdied skond il-policy tal-Gvern dwar deployment ta' impjegati fis-settur pubbliku.

Statementing moderating panel — Każi pendenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm każi pendenti sa Diċembru 2003 u sa Diċembru 2004 quddiem l-istatementing moderating panel? Jista' jgħid jekk għadx fadal każi pendenti mis-snin 2003 u 2004? Jista' jgħid kemm hemm każi penndeti sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li każijiet pendenti quddiem l-iStatementing Moderating Panel sa :- Diċembru 2003 kien ta' 281 każ, Diċembru 2004 kien ta' 368 każ. Informat li każijiet pendenti minn :- sena 2003 huwa 114 każ, sena 2004 huwa 174 każ. Informat ukoll li n-numru ta' każi pendenti sal-lum hu ta' 425.

Statementing moderating panel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm dehru studenti quddiem l-istatementing moderating panel f'Jannar, Frar u Marzu 2004 separatament? Jista' jgħid ukoll kemm dehru studenti quddiem l-istess bord f'Jannar, Frar u Marzu 2005 separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li dehru quddiem l-iStatmenting Moderating Panel huwa hekk :- 2004 2005 Jannar 30 36 Frar 33 36 Marzu 9 28

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk itteħditx xi tip ta' azzjoni fuq il-pjanijiet u dokumentazzjoni dettaljata meħtieġa li kienu ilhom 'il fuq minn sentejn li ġew ippreżentati lill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada minn esperti edukattivi tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Jista' jgħid x'se jsir din is-sena fuq dan il-proġett, meta se jibda u meta huwa maħsub li jintemm? Kemm hemm flus ivvutati għal dan il-proġett?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwelnett napprezza li l-Onor Membru jgħaddili kopja tal-"pjanijiet u dokumentazzjoni dettaljata meħtieġa" li jirreferi għalihom fil-Mistoqsija u li jidher li għandu fil-pussess tiegħu biex inkun nista' nwieġeb b'mod informat u rilevanti. Għall-liema proġett qed jirreferi?

Msida — Ex skola Santa Marija

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-flus ivvutati għall-proġett ta' l-ex skola Santa Marija fl-Imsida li kienu vvutati f'dawn l-aħħar tliet snin? Huwa minnu li ġew irtirati l-pjanti mill-MEPA? Huwa minnu li l-post fejn se jsir dan iċ-ċentru llum huwa kkundannat? X'passi ttieħdu biex jevitaw il-periklu ta' post ikkundannat, sew għall-ħaddiema ta' l-istess ċentru u l-pubbliku kollu, speċjalment dawk li jmorru biex jinqdew bis-servizzi taċ-ċentru, kif ukoll il-pubbliku li joqgħod fil-madwar?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwelnett ġejt aċċertat li l-parti tal-bini li qed tintuża kemm minn persuni mid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni kif ukoll mill-pubbliku li jżur l-ufficcji konċernati m'hija ta' ebda periklu. Informat ukoll li l-istruttura tal-parti li mhix qed tintuża tinħtieġ tiswija u għaldaqstant l-ebda persuna mhi qed tokkupa jew taħdem f'din il-parti. Informat li l-pjanti li oriġinarjament ġew preżentati lil MEPA ġew irtirati biex isir aġġustament fihom. Peress li l-proġett ta' xogħol ġie sospiż ma kienux ivvotati flus għalih.

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Education Officer

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni, li wara l-mewt tas-Sur Frank Mallia, l-Education Officer u Head taċ-ċentru, għadu ma sar l-ebda EO u kap taċ-ċentru u dan wara tlett snin li dan il-post ilu li ġie vakat? Kemm se ddum din is-sitwazzjoni? Jista' jgħid ukoll, minħabba n-nuqqas ta' kap, min qed jieħu ħsieb it-tmexxija ta' dan iċ-ċentru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li wara li ġiet vakanti l-pożizzjoni ta' Education Officer (Special Education), id-Diviżjoni ħadet il-passi kollha neċessarji li normalment jittieħdu sabiex post bħal dan jintela. Informat ukoll li nħarġu żewġ ċirkulari AE 13/2003 bid-data ta' 23 ta' April 2003 u AE 12/2004 bid-data ta' 7 ta' Mejju 2004. Minkejja dawn iż-żewġ sejħiet, ħadd ma applika għal dan il-post.

Kumitat Olimpiku Malti

Question

Jista' il-Minsitru jgħid għaliex il-kumitat olimpiku Malti ippermetta li persuna li m'għandix liċenzja biex tuża arma tan-nar tirrappreżenta lill-Malta f'kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-iSports m'għandux informazzjoni dwar it-tagħrif mitlub peress li l-Kumitat Olimpiku Malti ma jaqax taħt il-KMS.

Raħal Ġdid — Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li fl-iskola primarja Paola A tifel daħal fl-iskola b'sikkina ġol-basket? Jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport dwar il-każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan il-każ ġara sitt xhur ilu fl-Iskola Primarja 'A' ta' Paola u li mill-ewwel ittieħdu l-passi meħtieġa mill-għalliema u l-kap ta' l-iskola konċernati.