Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #6869 Sitting 107 2014-01-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – persuni li jagħmlu xogħol ta’ accounts

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ persuni li jagħmlu xogħol ta’ accounts mal-kunsilli lokali ta’ Birkirkara, is-Swieqi, Santa Venera, il-Belt Valletta, Ħal Lija, San Ġiljan, Ta’ Sliema, San Pawl il-Baħar, in-Nadur u r-Rabat (Għawdex)? Jista’ jqiegħed il-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk m’hemm ebda kuntratt, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi kitba oħra li jista’ jkun hemm u jgħid il-kriterji li ntużaw biex jintgħażlu il-persuni kkonċernati u kemm jitħallsu fix-xahar u/jew fis-sena?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #6870 Sitting 107 2014-01-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – persuni li jagħmlu xogħol ta’ perit

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ persuni li jagħmlu xogħol ta’ perit mal-kunsilli lokali ta’ Birkirkara, is-Swieqi, Santa Venera, il-Belt Valletta, Ħal Lija, San Ġiljan, Tas-Sliema, San Pawl il-Baħar, in-Nadur u r-Rabat (Għawdex)? Jista’ jqiegħed il-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk m’hemm ebda kuntratt, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi kitba oħra li jista’ jkun hemm u jgħid il-kriterji li ntużaw biex jintgħażlu il-persuni kkonċernati u kemm jitħallsu fix-xahar u/jew fis-sena?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #6871 Sitting 107 2014-01-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – persuni li jagħmlu xogħol ta’ contracts manager

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ persuni li jagħmlu xogħol ta’ contracts manager mal-kunsilli lokali ta’ Birkirkara, is-Swieqi, Santa Venera, il-Belt Valletta, Ħal Lija, San Ġiljan, Tas-Sliema, San Pawl il-Baħar, in-Nadur u r-Rabat (Għawdex)? Jista’ jqiegħed il-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk m’hemm ebda kuntratt, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi kitba oħra li jista’ jkun hemm u jgħid il-kriterji li ntużaw biex jintgħażlu il-persuni kkonċernati u kemm jitħallsu fix-xahar u/jew fis-sena?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #6872 Sitting 107 2014-01-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija – passi kontra l-ex Segretarju Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jitlob lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali jispjega x’passi kienu ttieħdu kontra l-abbuż li kien sar min-naħa tal-ex Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija lura fl-2010 u li ġie mikxuf fl-2012? Għalfejn il-persuna li kienet żvelat dan l-abbuż qatt ma ġiet mitluba tagħti l-verżjoni tagħha mid-Dipartiment? Jekk ma ttieħdu ebda passi dixxiplinari, għalfejn ma sarx dan?

Response (VELLA, KARMENU)

Infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li l-investigazzjonijiet mid-Dipartiment bdew minnufih wara li deher artiklu fil-ħarġa tal-Orizzont tat-18 ta’ Settembru 2012 dwar l-allegat kaz. Il-Kunsill Lokali wieġeb lura lid-Dipartiment permezz ta’ ittra datata 25 ta’ Settembru 2012. Id-Dipartiment kien sodisfatt bit-tweġiba tal-Kunsill u ma ħassx li kellu jieħu xi passi partikolari.
Leg 12 PQ #6873 Sitting 107 2014-01-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija – rakkomandazzjonijiet minn rapport dwar ir-riżorsi umani

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk itteħdux passi mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija biex isegwi r-rakkomandazzjonijiet minn rapport dwar ir-riżorsi umani maħruġ mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali u komunikat mid-Direttur tal-Gvern Lokali fis-16 ta’ Novembru 2012? Jekk ittieħdu l-passi, x’inhuma dawn? Jekk l-Amministrazzjoni ma ħaditx passi, se tittieħed azzjoni dixxiplinarja fil-konfront tal-Amministrazzjoni?

Response (VELLA, KARMENU)

Wara l-komunikazzjoni tas-16 ta’ Novembru 2012, li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, ninsab infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija bgħat jinforma lid-Dipartiment bir-rimedji li kien se jieħu, liema rimedji daħlu fis-seħħ f’Novembru stess fosthom bil-ħatra ta’ Deputat Segretarju Eżekuttiv ġdid u sussegwentement bir-riżenja tas-Segretarju Eżekuttiv li kien hemm. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza dwar dan.
Leg 12 PQ #6874 Sitting 107 2014-01-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Aġenti Segretarji Eżekuttivi

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fuq liema kriterji ġew magħżula l-Aġenti Segretarji Eżekuttivi li ġew maħtura nhar is-7 ta’ Marzu 2013 proprju jumejn qabel l-Elezzjoni Ġenerali? Jekk jinsab li kien hemm abbuż ta’ poter mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali, se jittieħdu passi dixxiplinari? Jista’ jiċċara kif l-Aġenti Segretarji Eżekuttivi jiġu mħallsa u jekk humiex dawn l-istess Aġenti Segretarji Eżekuttivi li jniżżlu s-sigħat li jkunu għamlu fit-tieni kunsill bil-possibbiltà kollha ta’ abbuż? Jista’ jiċċara kif tinħadem il-performance bonus ta’ dawn l-Aġenti Segretarji Eżekuttivi?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Aġent Segretarju Eżekuttiv jinħatar mill-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali skont Kapitlu 363 Taqsima V, 49 (4) li jgħid hekk: “Meta Kunsill jirrifjuta jew jonqos milli jinnomina Segretarju Eżekuttiv jew Deputat Segretarju Eżekuttiv, il-Ministru għandu jinnomina aġent Segretarju Eżekuttiv jew aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv rispettivament mill-istess pool.” Intant infurmat li l-Aġenti Segretarji Eżekuttivi jitħallsu skont is-siegħat li jagħmlu fit-tieni Kunsill, waqt li l-performance bonus jinħadem pro rata skont l-ammont ta’ siegħat li jkunu għamlu. Biex titrażżan kull possibilità ta’ abbuż, kull pagament jiġi awtorizzat mill-istess Kunsill Lokali u għalhekk huwa suġġett għal kull verifika.
Leg 12 PQ #6890 Sitting 107 2014-01-14 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizzi tagħhom lid-dekasteru tiegħu?

Response (VELLA, KARMENU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal liema perjodu qed tirreferi.
Leg 12 PQ #6956 Sitting 107 2014-01-14 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — skema ta' rtirar kmieni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-Segretarjat privat tiegħu, fil-Ministeru, dipartiment u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu hemmx persuni impjegati li bbenefikaw minn skemi ta’ rtirar kmieni jew skemi oħra simili mnedija mill-Air Malta?

Response (VELLA, KARMENU)

Fil-Ministeru għat-Turiżmu hemm persuna fuq bażi part-time self-employed bħala Chief Inspector fil-Bureau of Air Accident Investigation. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 1305.
Leg 12 PQ #6778 Sitting 106 2014-01-13 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Konferenza 20+20 — delegazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienet magħmula d-delegazzjoni li attendiet għall-Konferenza 20+20 f’Rio f’Ġunju 2012, li hemm referenza għaliha fl-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali ? Jista’ jgħid f’liema lukanda kienet alloġġjata d-delegazzjoni? Jista’ jgħid hix il-prassi li spejjeż għal-lukandi ta’ delegazzjonijiet bħal din jitħallsu mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, kif jirriżulta li ġara f’dan il-każ mir-rapport tal-Awditur Ġenerali? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra korrispondenza li għaddiet dwar il-ħlas għal-lukanda għal din il-konferenza bejn l-Awtorità, il-Ministeru tat-Turiżmu u l-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru lura fl-2012?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li d-delegazzjoni li attendiet għall-Konferenza 20+20 f’Rio de Janeiro f’Ġunju 2012 kienet magħmula mill-Onor. Dr. Mario de Marco, is-Sur Peter Portelli, is-Sur Sergei Golovkin u s-Sinjorina Karina Fiorini, Dr. Petra Bianchi, is-Sur Godwin Sant, is-Sur Adam Kuymizakis u s-Sur Frank Lauwers. Infurmat ukoll mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li d-delegazzjoni kienet alloġġjata f’żewġ (2) lukandi, ir-Real Palace Hotel u Everest Rio Hotel. L-Awtorita’ ħallset l-ammont ta’ tnax-il elf, mitejn u sbatax-il Ewro u tmienja u għoxrin centeżmi tal-ewro (€12,217,28) lill-Aġenzija Terramar Turismo Eve Campinas għall-akkomodazzjoni tad-delegazzjoni għan-nom tal-Ministeru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza datata Mejju u Awissu 2012 li għaddiet, bejn l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent u l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru, dwar il-ħlas għall-akkomodazzjoni tad-delegazzjoni. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant illi fi żmien li saret din is-safra, il-cost centre fuq safar tal-Ministeru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent kien jiġi amministrat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 12 PQ #6798 Sitting 106 2014-01-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Bini ta’ replika tat-tempji — spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra: a) Kemm kienet l-ispiża totali (inkluż materja prima, overtime , monitors eċċ.) li ntefqet fuq bini ta’ replika tat-tempji li kien sar meta din Heritage Malta kienet taħt it-tmexxija taċ-Chairman li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament; b) Fejn tpoġġiet għall-wirja din ir-replika; c) Għadhiex disponibbli sal-lum; d) X’kien l-iskop tagħha; e) Jekk l-iskop intlaħaqx; u f) Kemm kien id-dħul globali li gawdiet minnu Heritage Malta?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li r-replika ta’ parti minn tempju kienet saret fl-2009 u ntramat fil-Mużew Marittimu sabiex tiġi ppreżentata lil diversi persuni li wrew interess li dan il-mudell jiġi esportat bħala promozzjoni. Din ir-replika kienet ukoll tinkludi faċċata ta’ tempju li Heritage Malta kienet użat preċedentement f’wirja dwar il-preistorja Maltija f’Alicante (Spanja). L-ispiża għall-bini ta’ din ir-replika kienet ta’ €1702.85 għall-materjal meħtieġ u €5,779.33 f’overtime. Eventwalment il-pjanijiet ma mmaterjalizzawx. Din ir-replika bħalissa tinsab żarmata fil-Mużew Marittimu.
Leg 12 PQ #6799 Sitting 106 2014-01-13 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali tax-Xagħra (Għawdex) – kuntratti ta’ servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati miegħu l-Kunsill Lokali tax-Xagħra, Għawdex? X’inhi l-kariga ta’ kull impjegat u x’inhi r-remunerazzjoni? Kemm għandu kuntratti ta’ servizz l-istess Kunsill Lokali? Min ħa dawn il-kuntratti ta’ servizz u kemm huwa l-ħlas għal kull persuni li ħadet dawn il-kuntratti ta’ servizz?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li għandu żewġ impjegati fuq bażi full-time fil-karigi ta’ assistant principals. Il-ħlas gross tagħhom huwa ta’ (Skala 11 – Salary point 7 ) u (Skala 11 – Salary point 3) rispettivament, b’dan tal-aħħar jirċievi wkoll allowance bħala Deputat Segretarju Eżekuttiv. Intant fil-preżent il-Kunsill Lokali tax-Xagħra għandu wkoll seba’ kuntratti ta’ servizz, li jinkludu servizzi ta’ kenniesa tat-toroq, Assistenza fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani u handyman.
Leg 12 PQ #6852 Sitting 106 2014-01-13 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — xiri jew kiri ta’ opri ta’ arti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw jew inkrew mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu wara d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid f’kull każ fuq il-parir ta’ min saret l-għażla?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum Heritage Malta xtrat ix-xogħlijiet tal-arti msemmija permezz tal-Vot Numru 5557 – Acquisitions of Contemporary Art Work, sabiex tkompli tikber il-kollezzjoni nazzjonali ta’ xogħlijiet tal-arti kontemporanji Maltin. Ix-xogħlijiet kollha kienu mixtrija wara diskussjoni fil-kumitat tal-għażla li jinkludi il-kuraturi tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti u lil Prof. Joseph Paul Cassar (Maryland College, Maryland) skont il-kriterji stabbiliti meta twaqqaf dan il-vot fl-2010. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw.
Leg 12 PQ #6867 Sitting 106 2014-01-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija għandu tliet impjegati meta kunsilli oħra b’popolazzjoni ikbar għandhom inqas impjegati? Jaf kif iddaħħlet it-tielet impjegata f’dan il-kunsill?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li l-Kunsill Lokali Ħal Lija kien ingħata approvazzjoni mid-Dipartiment biex jingaġġa impjegat fuq bażi part time, fid-29 ta’ Settembru 2009, u dan ’il fuq mil-limitu ta’ żewġ impjegati full time, skont il-popolazzjoni tal-lokal permessi skont l-Att dwar Kunsill Lokali. Infurmat ukoll li d-Dipartiment ma għandu l-ebda rekord ta’ approvazzjoni Ministerjali tat-tielet impjegat full time, għalkemm it-talba mill-Kunsill biex l-impjegat fuq bażi part time isir full time, saret fit-28 ta’ Frar 2011. Intant id-Dipartiment għall-Gvern Lokali talab spjegazzjoni lill-Kunsill Lokali dwar dan.
Leg 12 PQ #6868 Sitting 106 2014-01-13 Oral · Interim From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – persuni li jagħmlu xogħol ta’ avukat

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ persuni li jagħmlu xogħol ta’ avukat mal-kunsilli lokali ta’ Birkirkara, is-Swieqi, Santa Venera, il-Belt Valletta, Ħal Lija, San Ġiljan, Tas-Sliema, San Pawl il-Baħar, in-Nadur u r-Rabat (Għawdex)? Jista’ jqiegħed il-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk m’hemm l-ebda kuntratt, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi kitba oħra li jista’ jkun hemm u jgħid il-kriterji li ntu¿aw biex jintgħa¿lu il-persuni kkonċernati u kemm jitħallsu fix-xahar u/jew fis-sena?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija ġarlamentari 6134, għall-ewwel parti u l-aħħar parti tal-mistoqsija tiegħu. Intant infurmat li l-bqija tal-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali rispettivi mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba għall-kumplament tal-mistoqsija tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #6711 Sitting 104 2013-12-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ix-Xemxija – serq ta’ cones

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm insterqu xi tip ta’ cones mit-triq li tagħti mix-Xemxija lejn Għajn Tuffieħa meta twaddab konkos f’ħofor fit-triq prinċipali ftit tal-jiem ilum? F’liema ħin tal-ġurnata tqiegħdu dawn il-cones u x’ħin suppost insterqu? X’kienet ir-raġuni li għaliha tqiegħdu laned miżbugħa f’nofs it-triq?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-għadd ta’ cones li nsterqu kienu ħamsa (5). Dawn ġew nieqsa minn triq oħra waqt li kienu qed isiru xogħlijiet hemmhekk u mhux mit-triq li mix-Xemxija tieħu għal Għajn Tuffieħa. Infurmat li minflok tpoġġew laned miżbugħa biex jitnaqqas l-ispeed tal-karozzi u jiġi evitat xi inċident.
Leg 12 PQ #6204 Sitting 103 2013-12-16 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Iż-Żejtun — Triq Alfred Cachia Zammit u Triq taċ-Ċawsli - xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5586, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' resurfacing ta' Triq Alfred Cachia Zammit u Triq taċ-Ċawsli fiż-Żejtun hux imdaħħal fil-programm ta' xogħlijiet ta' Transport Malta? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li t-toroq li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma fi stat irreparabbli u għandhom bżonn xogħol estensiv. Għaldaqstant f’Mejju li għadda l-Kunsill Lokali taż-Żejtun ippreżenta rapport dettaljat lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura li jelenka x-xogħol infrastrutturali meħtieġ fiż-Żejtun, fosthom it-toroq imsemmija.
Leg 12 PQ #6205 Sitting 103 2013-12-16 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ix-Xgħajra — Triq l-Iskola – xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5587, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' resurfacing ta' Triq l-Iskola fix-Xgħajra hux imdaħħal fil-programm ta' xogħlijiet ta' Transport Malta? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant diġa’ sar xogħol fuqha minn Trasport Malta bħal daż-żmien sena ilu.
Leg 12 PQ #6612 Sitting 103 2013-12-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Triq il-Mosta - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu x-xogħol li qed isir fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar? X'inhu l-iskop li għalih qed isir l-istess xogħol? X'xogħol ieħor hu mistenni li jsir fl-istess triq? Xi stima ta' nefqa hemm għal dan l-istess xogħol u għal dak li hemm ippjanat?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li fi Triq il-Mosta kien qiegħed isir xogħol ta’ tisbieħ. Fil-preżent m’hemmx aktar xogħol ippjanat. Ix-xogħol li sar twettaq mill-ħaddiema tal-Kunsill Lokali u ma ġie jiswa xejn lill-Kunsill.
Leg 12 PQ #6613 Sitting 103 2013-12-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — xogħol infrastrutturali - kontijiet pendenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6164, jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub u jagħti wkoll l-istess tagħrif għal xogħol li sar matul Ottubru u Novembru 2013, fejn jikkonċerna San Pawl il-Baħar?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #6614 Sitting 103 2013-12-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — tabelli

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm twaħħlu, u fejn twaħħlu tabelli ġodda, jew mibdula minflok oħrajn li kienu eżistenti, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, matul Ottubru u Novembru? X'jindikaw dawn it-tabelli li twaħħlu? Jista' jagħti tagħrif dwar kif intgħażlu l-lokalitajiet jew postijiet li huma indikati fl-istess tabelli? Min kien il-kuntrattur li pprovda u waħħal l-istess tabelli?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-għażla tal-postijiet fejn tali tabelli jitwaħħlu issir skont it-talbiet tar-residenti li jkunu daħlu l-ilment li l-istess tabelli jkunu jew tkissru, jew insterqu eċċ.