Swieqi, Madliena, Ibraġġ, San Ġwann, Kappara, Msida, Ta’ Xbiex u Għargħur – xogħlijiet fuq toroq
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tax-xogħlijiet illi hemm il-ħsieb illi jsiru fuq toroq ġodda jew resurfacing ta’ toroq mill-Gvern fil-lokalitajiet tas-Swieqi, Madliena, Ibraġġ, San Ġwann, Kappara, Msida, Ta’ Xbiex u Għargħur, matul Ġunju 2015 u Lulju 2015?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onore. Interpellant li Transport Malta tfassal programm ta’ xogħlijiet fuq toroq skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-karozzi kollha tal-linja li qegħdin jitħaddmu bħalissa għandhom l-arja kundizzjonata? Jekk le, jista’ jgħid kemm-il vettura hemm illi m’għandhiex l-arja kundizzjonata? Jista’ jgħid kemm-il vettura kellha xi ħsara fl-arja kundizzjonata mill-1 t’April 2015 sad-data illi fiha ġiet mressqa din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent, il-flotta tal-karozzi tal-linja kollha, minbarra għaxar vetturi li qegħdin jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku, huma mgħammra b’arja kkundizzjonata.
Infurmat ukoll li l-operatur tat-trasport pubbliku, fil-preżent qiegħed iwettaq programm estensiv ta’ manutenzjoni fuq l-apparat tal-arja kkundizzjonata fuq il-karozzi tal-linja kollha sabiex titnaqqas l-inċidenza li dan l-apparat jiżviluppa xi ħsarat. Fl-istess waqt, l-operatur qiegħed jimplementa proċeduri ġodda sabiex ikun jista’ jżomm kont aktar akkurat ta’ ħsarat illi dan l-apparat ta’ arja kkundizzjonata jista’ jiżviluppa.
Transport Malta – pakkett finanzjarju tal-uffiċjali bit-titlu ta’ chief
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15540, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li telenka l-pakkett finanzjarju kollu (inkluż il-perkaċċi) ta’ kull Chief separatament li jaħdem ma’ Transport Malta, u espressament jekk dan jinkludix ukoll fuel allowances u/jew l-użu ta’ vettura u/jew xufier?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 15540.
Billi fir-risposta riċenti ngħatajt l-informazzjoni li qabel ikun jista' jsir xogħol ta' upgrade fit-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa, kienet meħtieġa konsultazzjoni ma' diversi entitajiet li għandhom is-servizzi f'din it-triq, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk bdewx u ġewx konklużi l-istess diskussjonijiet? Jekk iva, x'kien l-eżitu tad-diskussjonijiet? Jekk le, meta hu mistenni li jiġu konklużi l-istess diskussjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li numru ta’ laqgħat mal-entitajiet kkonċernati se jinżammu fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk din is-sena hux se jkun hemm bajjiet riservati għall-għawm? Fejn hu mistenni li jkunu dawn il-bajjiet, meta se jitqiegħdu s-sinjali relattivi għal dawn il-bajjiet? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm bajjiet ġodda li jidħlu fl-iskema tal-bajjiet riservati għall-għawm? Jekk iva, liema bajjiet ġodda huma mistenni li jiżdiedu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bagi u t-tabelli li juru li l-bajjiet huma riservati għall-għawm se jiġu nstallati sat-18 ta’ Ġunju 2015. Iż-żoni li fihom ser jiġu stallati dawn il-bagi u t-tabelli huma bħal dawk tas-sena 2014 bl-addizzjoni ta’ bajja ġdida ġewwa St Peter’s Pool.
San Pawl il-Baħar — is-Simenta - tneħħija ta' blokka tal-konkos
Question
Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jieħu l-passi neċessarji biex blokka tal-konkos li hemm ħdejn l-inħawi magħrufa bħala s-simenta, qrib l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, titneħħa minn fejn qiegħda għaliex qed timblokka l-passaġġ għas-slip way? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex fl-istess inħawi (u inħawi oħra fejn hemm bżonn) jerġa' jitpoġġa railing li jgħin lil dawk li jkunu neżlin il-baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta, fil-ġranet li ġejjin, se tkun qed tieħu l-passi neċessarji sabiex il-blokka tal-konkons msemmija titneħħa minn fejn qiegħda. Infurmat ukoll li bħalissa d-Direttorat għat-Tindif jinsab fil-proċess li jitwaħħlu s-slielem u railings fil-bajjiet tagħna. Effettivament fil-lokalità ta’ San Pawi il-Baħar dawn se jitwaħħlu fil-jiem li ġejjin.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u tal-konsulenti u l-persons of trust li taw is-servizz tagħhom bejn Marzu 2013 sad-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari kif ukoll dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizz, lid-dekasteru tiegħu inkluż l-awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ persons of trust jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14947. F'dak li jirrigwarda għall-konsulenti, nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika jekk hux qed tirreferi ukoll għal dawk li ġew ingaġġati mill-amministrazzjoni preċedenti u aktar ‘l quddiem ġew imġedda. Dan biex tkun tista’ tingħata informazzjoni korretta.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' skrutinju qed isir sabiex jiġi assigurat li x-xufiera tal-linja li qed jitħaddmu fuq ir-rotot preżenti għandhom kondotta nadifa? Jista' jikkonferma li l-persuni kollha li servew bħala xufiera tal-linja bejn Jannar 2015 sad-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari kollha kellhom u għandhom il-kondotta tal-pulizija nadifa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waħda mir-rekwiżiti sabiex persuna tkun tista’ tagħmel xogħol ta’ xufier ta’ karozza tal-linja hija li din trid, fost l-oħrajn, tkun ta’ kondotta tajba, skont kif definita fir-Regolamenti dwar is-Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri (SL499.56).
Transport Malta tikkonferma li fil-mument li persuna tinħarġilha permess ta’ xufier, dik il-persuna tkun ikkonfermata li hija ta’ kondotta tajba.
Transport Malta tikkonferma li dawk il-persuni kollha li ngħataw permess ta’ xufier minn meta daħlu fis-seħħ ir-regolamenti s’issa, kienu kollha jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ reputazzjoni u kondotta tajba skont ir-regolamenti msemmija aktar qabel.
Barra minn hekk, Transport Malta terġa’ tivverifika jekk xufier għadux ta’ kondotta tajba meta jkun imġedded il-permess ta’ xufier.
Fil-każ li xufier ma jibqax ta’ kondotta tajba fil-perjodu illi jkollu permess ta’ xufier validu, huwa għandu l-obbligu li jinforma lill-Awtorità skont l-istess regolamenti. Fejn l-Awtorità tkun infurmata minn sorsi oħra illi xufier m’għadux ta’ kondotta tajba, il-permess ta’ dak ix-xufier, jew ikun sospiż, jew revokat skont il-każ.
Jista’ l-Ministru jara li fit-tarf tal-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, direzzjoni lejn Burmarrad, jibda jkun hemm servizz ta’ pulizija jidderiġu t-traffiku peress li issa li beda riesaq l-istaġun tas-sajf il-problemi kontinwi tat-traffiku jkomplu jikbru?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Madanakollu bħala Chaiman tat-Traffic Managment Committee, se nressaq dan is-suġġeriment għall-attenzjoni tal-kumitat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-kumpens totali li tħallas minn Transport Malta bejn l-2013 u l-2014 wara talbiet li sarulha minn sewwieqa li ġarrbu ħsarat fil-karozzi tagħhom minħabba l-istat ħażin tat-triq fejn seħħet il-ħsara?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14841.
Ċertifikazzjoni dwar l-effiċjenza tal-enerġija fil-bini –kors ta’ assessuri
Question
Billi jidher li l-użu taċ-ċertifikat dwar l-effiċjenza tal-enerġija fil-bini se jikber biex jolqot ukoll il-proprjetà mikrija, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li joħorġu s-sejħiet neċessarji għal kors ieħor ta’ assessuri?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li bħalissa għaddejjin korsijiet tal-assessuri (non-dwellings) u qed isiru pjanijiet biex eventwalment toħroġ sejħa għall-assessuri (dwellings).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi biex il-vetturi b’number plate barrani li jistgħu jkunu qegħdin Malta għal perjodu twil ta’ żmien ma jitħallewx jipparkjaw fejn mhux suppost għaliex ma jistgħux jingħataw ċitazzjoni, minħabba li s-sistema Maltija ma tippermettix dan? Jista’ jagħti informazzjoni dwar jekk issa Transport Malta hux qed ikollha informazzjoni dwar il-vetturi barranin li jkunu Malta, u jekk issa sarx possibbli li dawn l-istess vetturi josservaw il-liġijiet li għandna f’Malta u jekk le jkunu jistgħu jittieħdu passi kontra tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 15068. Inżid ukoll li Tranrsport Malta tinsab fil-proċess ta’ aġġudikazzjoni ta’ tender għal impound centre fejn se jkunu jistgħu jinżammu, fost oħrajn, dawn il-karozzi li jkunu Malta llegalment.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx unit jew persuna fi Transport Malta illi tagħmel il-quality control fuq it-tabelli tat-traffiku qabel jittellgħu fuq il-post? Jekk m’hemmx unit jew persuna fi Transport Malta, jista’ jgħid fuq min qed taqa’ r-responsabbiltà illi jiċċekkja li t-tabelli tat-traffiku jkunu miktuba korrettament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li t-tabelli tat-traffiku jiġu ordnati u nstallati mill-persuni, direttorati u units differenti fi ħdan Transport Malta skont kif ikun jeħtieġ. Ovvjament, ir-responsabbilta’ li dawn jiġu ċċekjati kemm għall-grammatika, għall-ortografija kif ukoll li ġew imwaħħla fejn u kif ordnat taqa’ fuq l-istess persuna li tkun ordnathom. Qatt ma hu aċċettabli li jkun hemm żbalji imma meta jkun il-każ jittieħdu dawk il-miżuri sabiex jiġu rranġati mill-aktar fis possibli u kemm jista’ jkun ma jerġgħux isiru.
Swieqi, Madliena, Ibraġġ, San Ġwann, Kappara, Msida, Ta’ Xbiex u Għargħur – xogħlijiet fit-toroq
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tax-xogħlijiet li saru minn Marzu 2013 sad-data illi saret din il-mistoqsija parlamentari fuq toroq ġodda jew resurfacing ta’ toroq mill-Gvern fil-lokalitajiet tas-Swieqi, Madliena, Ibraġġ, San Ġwann, Kappara, Msida, Ta’ Xbiex u Għargħur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ xogħlijiet li saru minn Marzu 2013 sad-data illi saret din il-Mistoqsija Parlamentari fuq toroq ġodda jew resurfacing ta’ toroq mill-Gvern fil-lokalitajiet tas-Swieqi, Madliena, Ibraġġ, San Ġwann, Kappara, Msida, Ta’ Xbiex u Għargħur hija hekk kif ġej:
2013
Triq l-Iskud, Swieqi
Triq it-Tiben, Swieqi
2014
Triq il-Ħabba / Triq l-Iskud, Swieqi
Triq l-Istasija u Triq Menville, Swieqi
Triq Talja, Swieqi
2015
Triq il-Qasam, Swieqi (xogħol għadu mhux komplut)
p/o Triq Nani, Ta’ Xbiex
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tat-trasport pubbliku illi ġie ffirmat mal-ABDL?
Response (MIZZI, JOE)
Infakkar lill-Onor. Interpellanta f’dak li ntqal fit-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti rigward il-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern Malti u l-operatur ġdid tas-servizz pubbliku, ċjoè li l-istess kuntratt jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-mument opportun.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15533, jista’ l-Ministru jwieġeb għat-tieni parti tal-mistoqsija u ċjoè lil min ingħataw u kemm żdiedet il-payroll komplessivament riżultat ta’ dawn il-promotions?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gradi tal-persuni li ġew mogħtija promotion huma ndikati fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 15533. Iż-żieda kumplessiva b’riżultat ta’ dawn il-promotions hija ta’ € 115,166.68.
Il-Marsa – traffic count fuq l-impatt ta’ pelican lights
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju li sar, inkluż it-ttraffic counts fuq l-impatt li l-pelican lights li qed jitqiegħdu ħdejn is-Super One se jkollhom fuq it-traffiku li ġej min-naħa taċ-Ċimiterju tal-Addolorata u l-vjal ta’ ħdejn ix-ship building?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li oriġinarjament kellhom isiru traffic lights fl-inkroċju bejn Triq Garibaldi u Triq Aldo Moro. Tali traffic lights kienu ser jinkludu wkoll pelican crossing. Iżda fl-isfond tal-proġett il-ġdid tal-flyover fl-inkroċju ta’ Vjal Santa Luċija k/m Triq Garibaldi k/m Triq Aldo Moro, dawn it-traffic lights kienu ser jiġu għalxejn u għaldaqstant mhux ser jinbnew. Iżda, minħabba l-bus stop u wkoll minħabba li t-triq bejn il-fabbriki hija wiesgħa, jaqsmu ammont ta’ nies mill-akwata distanza twila. Għaldaqstant, ġie deċiż li l-pelican crossing tinbena xorta għas-saħħa u sigurta’ tal-pedonali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjegat ġie impjegat ma’ Transport Malta bejn Jannar 2014 u d-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari mingħajr ma saret l-ebda sejħa pubblika? Jista’ jgħid x’kariga għandhom? Jista’ jgħid x’inhu s-salarju individwali tagħhom inkluż il-perkaċċi kollha li huma intitolati għalihom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li ġew impjegati ma’ Transport Malta mingħajr sejħa pubblika huma dawk li ġew ngaġġati fuq bażi ta’ position of trust minħabba s-sensitivitta’ tal-pożizzjoni tagħhom.
Dawn huma hekk kif ġej:
Senior Operating Officer
Acting Chief Information Officer
Executive Assistant to the Chairman
Driver (Chairman’s Office)
Manager (Media & Communications)
Is-salarju u l-kundizzjonijiet ta’ dawn l-persuni huma ekwivalenti għal dawk ta’ impjegati oħra fl-Awtorita’ li qegħdin fi gradi jew pożizzjonijiet simili.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn vetturi li għandhom il-permess biex joperaw bħala vintage bus?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li skont informazzjoni li għandha Transport Malta, hemm seba’ vetturi li huma reġistrati bħala vintage buses u li minnhom hemm erba’ li għandhom permess biex joperaw fuq ir-rotta ta’ vintage bus.
Jista’ l-Ministru jgħid, meta sar it-tibdil għal servizz ta’ Trasport Pubbliku mogħti mil-Arriva, kemm kien hemm buses li aċċettaw is-somma ta’ €58,000 fuq il-kundizzjoni li jiġu ggaraxxjati u ma joperawx għax-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi meta kienet saret il-bidla minn trasport pubbliku ipprovdut mill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku (ATP) għal dak ipprovdut mill-Arriva, is-sidien preċedenti kienu ngħataw għażla min- numru ta’ offerti ta’ kumpens għall-irtirar tal-liċenzji tagħhom. Iżda minn imkien ma jirriżulta illi fost l-offerti li ngħataw kien hemm valur ta’ kumpens li jikkorrispondi għas-somma indikata mill-Onorevoli Interpellanta. Lanqas ma jirriżulta illi fost dawn l-offerti kien hemm xi kundizzjoni illi tobbliga lis-sidien biex jiggaraxxjaw il-buses tagħhom.