Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' konsulenti lokali u barranin li taw servizz lill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Mejju, 2000?
Jista' jgħid min kienu u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?
Jista' jgħid x'salarji u kundizzjonijiet irċevew?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba tingħata f`xi seduta oħra.
Peress li jirriżulta li ħafna toroq fil-Mosta u r-Rabat huma fi stat inaċċettabbli u naturalment qed jikkawżaw nuqqas ta' road safety għall-vetturi, jista'l-Ministru jinfurmana bil-programm ta' xogħlijiet li se jsiru fuq it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru għal dawn is-sitt xhur li ġejjin u dawn it-toroq jiġu rranġati u mogħtija t-tarmac? Kemm hija kkalkulata n-nefqa u meta huwa proġettat li dawn ix-xogħlijiet jitlestew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-Mosta bħalissa d-Dipartiment għadu kif ippubblika `tender` biex tinbena l-Mosta `North Ring Road` li ser tinkludi xogħol f`dawn it-toroq f`din il-lokalita`:
Vjal il-Qalbiena Mostin
Triq Franġisku Pisani sa Triq il-Labour fejn it-Technopark.
Barra minn hekk dawn l-aħħar sentejn saru `assessments` tat-toroq fl-area tad-Daqqaq, Santa Margerita, Tal-Wej u ta` Xkora biex jiġi stabbilit liema toroq jridu jiġu asfaltati.
Fir-Rabat ġa saret parti mill-Imtarfa Bypass u issa d-Dipartiment qed jistenna l-approvazzjoni ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex tkun tista` tiġi allinjata sew u asfaltata l-karreġġjata l-oħra ta` din il-Bypass.
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq Ġdida fi Triq tal-Karmnu, Fgura, ser tingħata kisja tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jrriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid meta jaħseb li Triq Papa Alessandru, Zabbar ser tingħata kisja tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitbaxxew it-tariffi tat-telephone għal użu ta' l-internet, speċjalment matul tmiem il-ġimgħa (is-Sibt u l-Ħadd), fejn it-tariffi huma għolja għal dawk, speċjalment studenti, li jridu jużaw l-internet għat-tagħlim?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-tariffi tat-telefon għall-użu ta` l-`Internet` diġa jgawdu minn tnaqqis sostanzjali permezz ta` skema mnedija mill-Maltacom fl-1998 u magħrufa bħala `Websave. B`din l-iskema, li toffri tlett kategoriji ta` pagamenti skond is-servizz magħżul, `subscribers` ta` l-`Internet` jħallsu għall-użu tal-linja `pulse free`, irrispettivament mill-ħin li jdumu jużaw l-`Internet`. Il-Maltacom toffri din l-iskema mhux għas-sussidjarja tagħha biss iżda wkoll għal diversi `Internet Service Providers` oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm awtoritajiet, korporazzjonijiet, aġenziji, istituti u kwalunkwe organizzazzjoni oħra kważi non-governmental li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid kull entita' meta ġiet imwaqqfa?
Jista' jgħid is-salarji u fringe benefits li jieħdu f'kull każ iċ-chairpersons u d-diretturi ta' kull entita'?
Jista' jgħid kemm minn dawn iċ-chairpersons u diretturi kienu impjegati fiċ-Ċivil qabel ma marru ma' dawn l-entitajiet u f'liema grad kienu l-aħħar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informażżjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jaġġornana dwar mistoqsija parlamentari numru 17548 u cioe' dwar il-pożizzjoni ta' l-iżviluppi fi Triq il-Ġdid fi Triq il-Kostituzzjoni, Mosta?
Response (GALEA, ĊENSU)
M`għandi xejn x`inżid mar-risposta għad-domanda parlamentari Nru. 17548.
Jista' l-Ministru jara li fit-triq Għajn Dwieli (triq arterjali), Raħal Ġdid, issiru pelican lights quddiem il-grocer ħdejn ix-showroom tal-karozzi minħabba periklu kbir li qiegħed ikollhom anzjani li qed isibu diffiċli biex jaqsmu din it-triq peress li t-triq hija traffikuża ħafna b'numru kbir ta' vetturi sejrin lejn it-Tarzna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt Struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq sabiex flimkien mal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku jaraw jekk il-proposta ta` l-Onor. Interpellant tistax tiġi mplimentata.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fi Triq is-Sajjieda, Marsa minkejja l-ħafna wegħdiet li kellu jibda u fil-fatt ma sar xejn? Jista' jagħti spjegazzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ġie deċiż illi d-Dipartiment tat-Toroq jiffinanzja x-xogħol kollu meħtieġ li l-`utilities` għandhom bżonn jagħmlu fit-triq qabel ma tiġi asfaltata , nkluż xogħol fuq il-`culvert` ta` l-ilma, u fil-preżent id-Dipartiment tal-Kuntratti qiegħed jieħu ħsieb biex jippubblika s-sejħa għall-offerti.
Peress li ħafna mill-karozzi tal-linja huma qodma ħafna u in vista ta' l-inċident fil-Mosta nhar is-Sibt li għadda u inċidenti oħra fl-aħħar xhur, jista' jara li testijiet isiru aktar ta' spiss biex jkun żgurat li l-passigġġieti jkunu qed jivvjaġġaw fil-kumdita' u f'sigurta'?
Bħalissa kif isiru t-testijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li skond ir-Regolamenti ta` l-1998 dwar Testijiet biex Jiċċertifikaw li Vetturi bil-Mutur ikunu tajba għat-Triq, il-karozzi tal-Linja irid isirilhom il-`Vehicle Roadworthiness Test` kull sena qabel ma tkun tista` tiġġedilhom il-liċenzja tat-triq.
Dawn jagħmlu t-test kif stipulat fir-Regolamenti msemmija hawn fuq, u barra minn dan isirilhom test ieħor mill-Awtorita` Dwar it-Trasport Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol tat-tarmak ħdejn l-iskola ta' Ħal Tarxien, f'Xintill Street area? Jista' jgħid liema huma t-toroq li se jingħataw it-tarmak f'dik l-area?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għadhom kif ingħataw għax-xogħol ta` bini ta` dawn it-toroq f`din il-lokalita`:
P. Schembri
p-o Sorijiet
Vittmi tal-Gwerra,
S. Spiteri,
School perimeter
M. Vella
K. Cachia
Ix-xogħol fi Triq it-Tramuntana diġa nbeda, filwaqt li fi Triq ix-Xintill tqiegħed `main` tad-dranaġġ ġdid u issa x-xogħol ta` kostruzzjoni tat-triq ser titkompla sal-livell ta` l-asfalt.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għad-dewmien li hawn fuq xogħlijiet li qegħdin isiru fit-toroq residenzjali fl-inħawi ta' Triq Tumas Chetcuti, Attard?
Meta hu previst li x-xogħol kollu jitlesta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fit-triq Tumas Chetcuti li hu parti minn kuntratt li jinkludi wkoll twessiegħ , `channelization` u tqegħied ta` `main` ta` drenaġġ ħdejn l-isptar Monte Carmeli, qed idum għaliex jidher li l-kuntrattur qed jieħu żmien aktar mill-previst biex jagħmel ix-xogħol tat-triq u tal-`utilities` għall-`istandards` mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex, minkejja li x-xogħol fuq il-main tad-drenaġġ li sar f'Imdina Road, Attard u li jifforma parti mix-xogħlijiet ta' l-upgrading tat-triq fl-inħawi ta' l-Isptar Mount Carmeli ma ġiex approvat mill-esperti Ġermaniżi tad-dipartiment tad-drenaġġ, it-trinka xorta ġiet mirduma u magħluqa?
Meta hu previst li jitlesta x-xogħol f'din it-triq?
X'inhuma r-raġunijiet għad-dewmien li kien hemm f'xogħlijiet f'din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li skond l-informazzjoni verbali li għandu d-Dipartiment il-kuntrattur radam it-trinka wara li ngħata l-awtoriżżazzjoni mis-sezzjoni tad-Dipartiment tad-Dranaġġ li qedgħin jieħdu ħsieb ix-xogħol.
Peress li l-esperti Ġermaniżi msemmija jirrappurtaw lid-Diviżżjoni tax-Xogħolijiet dwar ix-xogħol tagħhom, jekk għandu bżonn aktar informazzjoni l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Dwar it-tieni parti tad-domanda id-Dipartiment tat-Toroq qed jagħmel il-pressjoni kollha li tista` ssir fuq il-kuntrattur preżenti biex ilesti x-xogħol tiegħu biex ikun jista` jgħaddi għall-fażi ta` asfalt li għaliha hemm imqabbad kuntrattur ieħor.
Ix-xogħol ta` dan l-aħħar kuntrattur għandu jieħu erba` gimgħat, u għalhekk kollox ma kollox jidher li l-proġett jispiċċa għall-aħħar ta` Settembru.
Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel (6) xhur, kemm kien hemm rapporti lill-Awtorita' Marittima dwar vapuri li għerqu, kienu nvoluti f'xi inċidenti fuq il-baħar waqt li kienu qed itajjru l-bandiera Maltija?
Jista' jagħti d-dettalji dwar l-isem tal-vapur, tunnellaġġl post ta' l-inċident eċċ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn informazzjoni li għandha s`issa l-Awtorita` Marittima ta` Malta bejn ix-xhur ta` Jannar u Ġunju 2000, 55 bastiment Malti kien involut f`xi inċident fuq il-baħar f`postijiet diversi madwar id-dinja. Tnejn minn dawn il-bastimenti għerqu, wieħed wara ħruq fl-`engine room` u l-ieħor wara kolliżjoni. Dawn l-inċidenti kienu jinvolvu minn sempliċi kuntatt mall-moll jew ma` Bastiment ieħor għal għarqa ta` vapur. Fil-parti l-kbira l-inċidenti kienu jew inkaljar tal-bastiment jew kolliżjoni.
Matul l-ewwel sitt (6) xhur ta' din is-sena, kemm-il vapur li kien qed itajjar il-bandiera Maltija ġie miżmum f'xi port barrani minħabba xi difett li kellu?
Jista' jagħti lista tal-vapuri li nżammu, għal kemm inżammu, x'nuqqasijiet kellhom u f'liema post u pajjiżi nżammu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn informazzjoni li għandha l-Awtorita` Marittima ta` Malta bejn ix-xhur ta` Jannar u Ġunju 2000, 127 bastiment reġistrat Malta ġew detenuti f`xi port barrani taħt l-iskema tal-`Port State Control`. Dawn id-detenzjonijiet seħħew f`portijiet diversi f`26 pajjiż differenti. Ir-raġunijiet għalfejn inżammu dawn il-bastimenti kienu għal defiċjenzi varji kontra diversi kontravenzjonijiet internazzjonali, fil-parti il-kbira SOLAS, MARPOL, LOAD LINES u ILO 147.